EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0750

Kawża T-750/17: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2017 – Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni

ĠU C 22, 22.1.2018, p. 51–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/51


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2017 – Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-750/17)

(2018/C 022/68)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentant: P. Hoffman, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta’ Awwissu 2017 li tirrifjuta l-aċċess għall-kummenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-opinjoni ddettaljata tar-Repubblika ta’ Malta, maħruġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika 2016/398/PL li tikkonċerna emenda tal-liġi Pollakka dwar il-logħob tal-ażżard;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq distorsjoni tal-fatti u fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE

Huwa sostnut li d-deċiżjoni hija bbażata fuq għadd ta’ dikjarazzjonijiet fattwalment inkorretti, inklużi dikjarazzjonijiet li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi tweġiba għall-ittra ta’ avviż formali tal-Kummissjoni u li kienet maħsuba sabiex turi l-passi meħuda mill-Polonja sabiex tirrimedja ksur li kien is-suġġett ta’ din l-ittra, jiġifieri ċerti kundizzjonijiet sabiex jinkisbu liċenzji sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ logħob tal-ażżzard fil-Polonja, għalkemm, fir-realtà, il-kundizzjonijiet imsemmija tneħħew mill-Polonja iktar minn sentejn ilu, u anki jekk il-miżura nnotifikata ma kellhiex x’taqsam mal-ittra ta’ avviż formali tal-Kummissjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-premessi 3, 7 u 9 tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2015/1535 (1) u tat-tiilet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 (2)

Huwa sostnut, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/15 P, Franza vs Schlyter (3), li bl-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali u meta naqset li turi li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika b’mod speċifiku u attwali l-proċeduri ta’ ksur, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trasparenza inerenti għad-Direttiva 2015/1535.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 u tal-Artikolu 296 TFUE

Huwa sostnut li, minħabba t-tul tal-proċeduri ta’ ksur u l-allegat nuqqas li twettaq attivitajiet attwali fil-kuntest tagħhom f’perijodu raġonevoli, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża r-rifjut tagħha fuq il-ħtieġa li tipproteġi l-iskop ta’ dawk il-proċeduri.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 u tal-Artikolu 296 TFUE u distorsjoni tal-fatti

Huwa sostnut li d-dokumenti mitluba ma humiex koperti minn preżunzjoni ġenerali. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “rabta inseparabbli” bejn il-proċedura ta’ notifika u l-proċeduri ta’ ksur teżisti hija fattwalment inkorretta u vaga wisq. Fi kwalunkwe każ, ma tistax tagħti l-prova li d-dokumenti huma koperti minn preżunzjoni ġenerali, għaliex dan jiddependi biss fuq li dawn tal-aħħar jifformaw parti mill-fajl tal-ksur. Il-kriterju korrett dwar jekk dokument jifformax parti minn dan il-fajl huwa jekk il-Kummissjoni kisbitx il-pussess tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur ippjanati jew pendenti, jiġifieri jekk ipproduċietx, irċevietx, ikkummissjonat, eċċ., id-dokument fil-kuntest ta’ tali proċeduri jew bil-ħsieb li tibdihom. Dan it-test, huwa sostnut, ma huwiex issodisfatt hawnhekk.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 u l-Artikolu 296 TFUE

Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni biħsiebha tikkunsidra l-opinjoni ddettaljata ta’ Malta u tużaha fid-djalogu tagħha mal-Polonja fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur pendenti ma jistax jiġġustifika rifjut li tiġi żvelata.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001

Huwa sostnut li, minħabba t-tul ta’ żmien tal-proċeduri ta’ ksur u l-kontenut, in-natura u l-kuntest tad-dokumenti mitluba, l-iżvelar tagħhom ma jista’ b’ebda mod idgħajjef il-protezzjoni ta’ dawn il-proċeduri, u b’hekk tiċħad il-preżunzjoni ġenerali tan-nuqqas ta’ żvelar.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001 u tal-Artikolu 296 TFUE

Huwa sostnut li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellha tiżvela d-dokumenti mitluba parzjalment, jiġifieri wara li tneħħiet riferimenti għal kwistjonijiet li jikkonċernaw servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ ksur.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 u tal-Artikolu 296 TFUE

Ir-rikorrenti sostni li jeżisti interess pubbliku superjuri li tkun magħrufa r-reazzjoni tal-Kummissjoni għal miżura nnotifikata li tikser il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, huwa sostnut, naqset milli tispjega għaliex tqis li dan l-interess huwa inqas importanti mill-interess fin-nuqqas ta’ żvelar.


(1)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU 2015 L 241, p. 1)

(2)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001 L 145, p. 3)

(3)  Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Franza vs Schlyter, (C-331/1 P, EU:C:2017:639).


Top