Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0636

    Kawża T-636/17: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017 – PlasticsEurope vs ECHA

    ĠU C 382, 13.11.2017, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 382/54


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017 – PlasticsEurope vs ECHA

    (Kawża T-636/17)

    (2017/C 382/67)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: PlasticsEurope (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: R. Cana, E. Mullier u F. Mattioli, avukati)

    Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

    Talbiet

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat,

    tannulla d-deċiżjoni, ippubblikata fis-7 ta’ Lulju 2017, li taġġorna l-entrata eżistenti tal-Bisphenol A fil-lista ta’ kandidati bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna abbażi tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (ĠU 2006, L 396, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”),

    tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż, u

    tordna kull miżura oħra li tqis meħtieġa.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi applikat kriterji inkonsistenti u mhux prevedibbli biex tevalwa l-allegati proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina (iktar ’il quddiem “JSE”) li l-BPA għandu fuq is-saħħa tal-bniedem.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret id-dmir ta’ diliġenza.

    Il-konvenuta naqset milli tistabbilixxi li l-BPA huwa sustanza li tixkel s-sistema endokrina li fir-rigward tagħha hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa ta-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament REACH, peress li (i) il-konvenuta ppruvat tistabbilixxi biss li l-PBA għandu “proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina” allegati, (ii) l-identifikazzjoni tal-BPA ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u (iii) il-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni d-derivazzjoni ta’ livell mhux perikoluż bħala fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-BPA fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH; u

    il-konvenuta naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha, u b’mod partikolari l-istudju CLARITY-BPA.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni studji mistennija li ġew irrikonoxuti bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tal-allegati proprjetajiet JSE tal-BPA, u b’mod partikolari l-istudju CLARITY-BPA, u billi ma qisitx li d-derivazzjoni ta’ livell mhux perikoluż hija fattur rilevanti għall-istabbiliment tal-livell ta’ tħassib ekwivalenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 59 u 57(f) tar-Regolament REACH billi tidentifika l-BPA bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna abbżi ta’ kriterji msemmija fl-Artikolu 57(f), peress li l-Artikolu 57(f) ikopri biss sustanzi li għadhom ma ġewx identifikati taħt l-Artikolu 57(a) sa (e).

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament REACH peress li l-intermedji huma eżentati mit-Titolu VII kollu kemm hu, u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 57 u 59 u taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-inklużjoni tal-BPA fil-lista ta’ kandidati meta dan ma huwiex intermedju tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija u ma hijiex l-inqas miżura restrittiva li setgħet tingħażel mill-Aġenzija.


    Top