EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0575

Kawża T-575/17: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2017 – Algebris (UK) et vs SRB

ĠU C 382, 13.11.2017, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/47


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2017 – Algebris (UK) et vs SRB

(Kawża T-575/17)

(2017/C 382/59)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Algebris (UK) Ltd (Londra, ir-Renju Unit), Anchorage Capital Group LLC (New York, New York, l-Istati Uniti), Ronit Capital LLP (Londra) (rappreżentanti: T. Soames u J. Vandenbussche, lawyers, R. East, Solicitor, u N. Chesaites, Barrister)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/EES/2017/08 tas-7 ta’ Ġunju 2017, adopting a resolution scheme in respect of banco Popular Español, S.A. (1) kollha kemm hija, jew, sussidjarjament, l-Artikolu 1 u/jew 6 ta’ dan;

tikkundanna lill-SRB għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-SRB tal-prinċipji ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali, kuntrarjament għall-Artikolu 339 TFUE u għall-Artikolu 88(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’dan il-mod, dan naqas milli jirrispetta d-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni tal-Artikoli 14, 18, 20, 21, 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Banco Popular, li kienet il-bażi għall-azzjoni ta’ riżoluzzjoni li ttieħdet taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma kinitx ġusta, prudenti jew affidabbli u kienet inkonsistenti mal-“prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar”; dan għalhekk ma kienx jikkostitwixxi prova preċiża u affidabbli u konsistenti li fuqha tista’ tiġi bbażata l-iskema ta’ riżoluzzjoni; u ma kinitx kapaċi ssostni d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk u għall-istess raġunijiet, l-iskema ta’ riżoluzzjoni (u għalhekk id-deċiżjoni kkontestata) kienet manifestament sproporzjonata billi tmur lil hinn mill-miżuri neċessarji għall-ksib tal-għanijiet tar-riżoluzzjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegata esproprjazzjoni mill-SRB tal-proprjetà tar-rikorrenti bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif protetti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u kif stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegat nuqqas tal-SRB li jiżgura, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti matul il-proċedura.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ approvazzjoni skont il-liġi mill-Kummissjoni u li minħabba f’dan id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx implementata legalment.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li, qabel ma adottat id-Deċiżjoni tagħha (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-Kummissjoni Ewropea naqset milli tevalwa sew, jew li tevalwa għal kollox, l-aspetti diskrezzjonarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Dan jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u tal-prinċipji tal-ġurisprudenza Meroni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi billi kkonkluda li d-deċiżjoni tiegħu li tadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni setgħet jew kienet daħlet fis-seħħ; barra minn hekk, jew sussidjarjament, u fi kwalunkwe każ, l-iskema ta’ Riżoluzzjoni adottata mid-deċiżjoni kkontestata ma daħlitx fis-seħħ legalment.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246, tas-7 ta’ Ġunju 2017, li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (notifikata bid-dokument C(2017) 4038) (ĠU 2017, L 178, p. 15).


Top