Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0238

    Kawża C-238/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Litwanja) fid-9 ta’ Mejju 2017 – “Renerga” UAB vs “Energijos skirstymo operatorius” AB, “Lietuvos energijos gamyba” AB

    ĠU C 231, 17.7.2017, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 231/18


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Litwanja) fid-9 ta’ Mejju 2017 – “Renerga” UAB vs “Energijos skirstymo operatorius” AB, “Lietuvos energijos gamyba” AB

    (Kawża C-238/17)

    (2017/C 231/23)

    Lingwa tal-kawża: il-Litwan

    Qorti tar-rinviju

    Vilniaus miesto apylinkės teismas

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti:“Renerga” UAB

    Konvenuti:“Energijos skirstymo operatorius” AB, “Lietuvos energijos gamyba” AB

    Domandi preliminari

    1)

    L-għan li l-Artikolu 36(f) tad-Direttiva 2009/72 (1) jassenja lill-awtorità regolatorja għall-finijiet tal-kompiti regolatorji speċifikati fl-imsemmija direttiva, jiġifieri li “jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network u titrawwem l-integrazzjoni tas-suq”,, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ma jingħata ebda inċentiv (kumpens għal servizz pubbliku) jew li jiġu limitati?

    2)

    Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli, u li l-Artikolu 3(6) tal-istess direttiva jipprovdi li l-kumpens finanzjarju għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti:

    2.1

    L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu limitazzjoni ta’ miżura ta’ appoġġ mogħtija lill-fornituri li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem il-“fornituri ta’ servizz pubbliku”) jekk dawn tal-aħħar jwettqu perfettament l-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuqhom?

    2.2

    Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, l-obbligu previst fid-dritt nazzjonali li jiġi sospiż il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal servizz pubbliku lill-fornituri ta’ servizz pubbliku indipendentement mit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom jew tal-obbligi tagħhom, filwaqt li din ir-regola tagħmel ir-raġuni għal-limitazzjoni (sospensjoni) tal-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku dipendenti mit-twettiq tal-attivitajiet u tal-obbligi imposti fuq persuna marbuta mal-imsemmi fornitur (meta l-istess impriża għandha holding ta’ kontroll f’din il-persuna u fil-fornitur) li tħallas il-kumpens ta’ servizz pubbliku kkalkolat fuq il-konsum tagħha stess, għandu jitqies li huwa obbligu diskriminatorju, mhux ċar u restrittiv għall-kompetizzjoni leali?

    2.3

    Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, l-obbligu previst fid-dritt nazzjonali li jiġi sospiż il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju lill-fornituri ta’ servizz pubbliku filwaqt li dawn tal-aħħar jibqgħu marbuta li jwettqu b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku u l-obbligi kuntrattwali tagħhom relatati fil-konfront tal-impriżi li qed jixtru l-elettriku, għandu jitqies li huwa diskriminatorju, mhux ċar u restrittiv għall-kompetizzjoni leali?

    3.

    Skont l-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2009/72, li jobbliga lill-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kwalunkwe tibdil magħmul lill-miżuri adottati sabiex ikunu sodisfatti l-obbligi ta’ servizz universali u ta’ servizz pubbliku, Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida li tistabbilixxi raġunijiet, regoli u mekkaniżmu sabiex jiġi limitat il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku lill-fornituri ta’ servizz pubbliku?

    4.

    Bl-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu ta’ raġunijiet, regoli u mekkaniżmu sabiex jiġi limitat il-kumpens li għandu jitħallas lill-fornituri ta’ servizz pubbliku, Stat Membru ikun qiegħed jikser l-għanijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni)?


    (1)  Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009 L 211, p. 55).


    Top