Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0788

    Kawża T-788/16: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2016 – De Geoffroy et vs Il-Parlament

    ĠU C 14, 16.1.2017, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 14/49


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2016 – De Geoffroy et vs Il-Parlament

    (Kawża T-788/16)

    (2017/C 014/59)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Dominique De Geoffroy (Brussell, il-Belġju) u 14-il parti oħra (rappreżentanti: N. de Montigny u J. N. Louis, avukati)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    taqta’ u tiddeċiedi li:

    il-Linji gwida tal-Parlament dwar il-leave (“Guidelines on leave”), ippubblikati fil-21 ta’ Marzu 2016, huma annullati;

    id-deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2016 li tirrifjuta l-leave mitlub minn Stéphane Grosjean hija annullata;

    id-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2016 li tilqa’ t-talba għal leave ta’ Françoise Joostens iżda li tintegra l-ġranet ta’ leave mitluba fil-kwota ta’ 3.5 ġranet hija annullata;

    id-deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2016 li tirrifjuta l-leave mitlub minn Françoise Joostens hija annullata;

    fi kwalunkwe każ, il-konvenut huwa kkundannat għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-assenza totali ta’ motivazzjoni min-naħa tal-konvenut fid-dawl tal-assenza ta’ tweġiba għall-ilmenti mressqa mir-rikorrenti kontra l-Linji gwida tal-Parlament dwar il-leave, ippubblikati fil-21 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem “il-Linji gwida kontenzjużi”).

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità li skont ir-rikorrenti twettqet permezz tal-adozzjoni tal-Linji gwida kontenzjużi mill-Parlament, minħabba ksur tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-drittijiet irrikonoxxuti mir-regoli interni dwar l-amministrazzjoni tal-leave, kif ukoll minħabba ksur tad-drittijiet kweżiti tar-rikorrenti.

    B’hekk, iż-żewġ rikorrenti li huma d-destinatarji tat-tliet deċiżjonijiet individwali kkontestati, tat-2 ta’ Ġunju 2016, tat-13 ta’ Ġunju 2016 u tat-12 ta’ April 2016 rispettivament, fejn l-ewwel żewġ deċiżjonijiet jirrifjutaw il-leave li kien intalab filwaqt li l-aħħar waħda tilqa’ t-talba għal leave ta’ waħda minnhom iżda tintegra l-ġranet tal-leave mitluba fil-kwota ta’ 3,5 ġranet, iqisu li l-imsemmija deċiżjonijiet individwali jinvokaw l-istess motiv għall-finijiet tal-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-membri tal-persunal tal-Parlament meta ġew adottati l-Linji gwida kontenzjużi minn dan tal-aħħar, li twassal għal ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    4.

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ bbilanċjar tal-interessi tal-istituzzjoni ma’ dawk tal-interpreti, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq abbuż ta’ dritt, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, li skont ir-rikorrenti twettqu mill-istituzzjoni konvenuta meta adottat il-Linji gwida kontenzjużi.

    5.

    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq id-diskriminazzjoni maħluqa bl-adozzjoni tal-Linji gwida kontenzjużi bejn, minn naħa, l-interpreti u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal.

    6.

    Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-eċċezzjonijiet u tal-każijiet speċjali previsti permezz tal-imsemmija Linji gwida.


    Top