Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0673

    Kawża T-673/15: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2015 – Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea

    ĠU C 59, 15.2.2016, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 59/23


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2015 – Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea

    (Kawża T-673/15)

    (2016/C 059/26)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Guardian Europe Sàrl (Bertrange, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: F. Louis, avukat, u C. O’Daly, Solicitor)

    Konvenuti: L-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    (1) tordna l-ħlas ta’ kumpens lir-rikorrenti għad-danni segwenti kkawżati minħabba n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli: (a) spejjeż ta’ garanzija li jammontaw għal EUR 936 000; (b) spejjeż ta’ opportunità/telf ta’ qligħ li jammontaw għal EUR 1 671 000; u (c) danni morali li jammontaw għal EUR 14,8 miljun;

    (2) iżżid l-interessi fuq l-ammonti mitluba taħt l-ewwel talba, sa fejn rilevanti, skont ir-rata medja applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid fiż-żmien rilevanti, miżjuda b’żewġ punti;

    (3) tordna l-ħlas ta’ kumpens lir-rikorrenti għad-danni segwenti li hija ġarrbet minħabba l-ksur, mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament: (a) spejjeż ta’ garanzija li jammontaw għal EUR 1 547 000; (b) spejjeż ta’ opportunità/telf ta’ qligħ li jammontaw għal EUR 9 292 000; u (c) danni morali li jammontaw għal EUR 14,8 miljun;

    (4) iżżid l-interessi fuq l-ammonti mitluba taħt it-tielet talba, sa fejn rilevanti, skont ir-rata medja applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid fiż-żmien rilevanti, miżjuda b’żewġ punti; u

    (5) tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż marbuta mar-rikors tagħha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti għandha d-dritt li tingħata kumpens mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE peress li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tagħha taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għal għoti ta’ sentenza fi żmien raġonevoli. In-nuqqas li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli kkawża tliet tipi ta’ telf bejn it-12 ta’ Frar 2010 u s-27 ta’ Settembru 2012: (1) żieda fl-ispejjeż marbuta ma’ garanzija bankarja għall-ammont tal-multa li r-rikorrenti ma ħallsitx immedjatament lill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru C(2007)5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, fil-Każ COMP/39165 – Ħġieġ ċatt; (2) spejjeż ta’ opportunità peress li r-rata baxxa ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa mħallsa lura tardivament lir-rikorrenti wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2014 kienet ħafna iktar baxxa mill-qligħ potenzjali li r-rikorrenti setgħet tikseb li kieku, minflok ħallset din is-somma lill-Kummissjoni fl-2008, hija investiet tali somma fin-negozju tagħha; u (3) danni morali minħabba l-fatt li d-deċiżjoni imponiet b’mod żbaljat l-ogħla multa fuq ir-rikorrenti f’Novembru 2007, u minħabba n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli, fejn tali nuqqas ġie rrimedjat biss tardivament mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Novembru 2014.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti għandha d-dritt li tingħata kumpens mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE peress li kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Qorti Ġenerali kisru manifestament il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ddiskriminaw kontra r-rikorrenti. Id-Deċiżjoni Nru C(2007)5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, fil-Każ COMP/39165 – Ħġieġ ċatt, eskludiet b’mod żbaljat il-bejgħ ristrett [captive sales] fil-kalkolu tal-multi imposti fuq id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni u naqset milli tirrimedja għad-diskriminazzjoni sussegwenti kontra r-rikorrenti, li, bħala produttriċi mhux integrata, ma kellha l-ebda bejgħ ristrett. Il-Qorti Ġenerali aggravat l-iżball tal-Kummissjoni billi kkonfermat l-esklużjoni tal-bejgħ ristrett imwettqa minn din id-deċiżjoni. Kien biss f’Novembru 2004 li l-Qorti tal-Ġustizzja rrimedjat għal dan l-iżball billi naqqset il-multa imposta mid-deċiżjoni bi EUR 44,4 miljun. Madankollu, dan it-tnaqqis ma kkumpensax id-dannu mġarrab mir-rikorrenti minn Novembru 2007 sa Novembru 2014, liema dannu kien ikkawżat mill-fatt li ġiet imposta fuqha multa eċċessiva, li ssuġġeriet li hija kellha responsabbiltà speċjali għall-akkordju tal-ħġieġ ċatt u li rriżultat fi spejjeż finanzjarji addizzjonali. L-att illegali tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali kkawża għar-rikorrent l-istess tliet tipi ta’ telf imsemmija taħt l-ewwel motiv iżda għal perijodu itwal, jiġifieri minn Novembru 2007 sa Novembru 2014.


    Top