EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0502

Kawża T-502/15: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Settembru 2015 – Spanja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 346, 19.10.2015, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/36


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Settembru 2015 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-502/15)

(2015/C 346/41)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: L. Banciella Rodríguez-Miñón)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1119, tat-22 ta’ Ġunju 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

Fir-rigward tal-Comunidad Autónoma de Cataluña:

1.

Il-korrezzjoni imposta b’rata fissa għal ammont nett ta’ EUR 609 337,80 u l-metodu ta’ kalkolu użat jiksru l-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni u l-Linji gwida tad-Dokument tal-Kummissjoni VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997 (Linji gwida għall-kalkolu tal-implikazzjonijiet finanzjarji fit-tħejjija tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija FAEGG) u tad-Dokument AGRI-64043-2005 (Communication from the Commission, on how the Commission intends in the context of the EAGGF-Guarantee clearance procedure to handle shortcomings in the context of croos-compliance control system implemented by the Member State) minħabba li ma huwiex xieraq li ssir stima b’rata fissa meta r-Renju ta’ Spanja ppreżenta stima f’waqtha tar-riskju attwali għall-fond. L-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, minbarra li hija żbaljata hija sproporzjonata u mhux ġustifikata.

2.

Is-somma kkalkolata b’rata fissa ta’ 2 % tal-korrezzjoni ġeneralment imposta b’mod ad hoc jammonta għal EUR 609 337,80 u l-metodu ta’ kalkolu, huma kuntrarji għall-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, u għad-dokumenti tal-Kummissjoni dwar il-Linji gwida għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji peress li ma jistgħux jużaw u jżidu żewġ metodi ta’ kalkolu simultanjament għall-istess ksur. Minbarra li din hija inkonsistenza ġuridika din hija totalment sproporzjonata u mhux ġustifikata.

3.

Il-korrezzjoni imposta għas-sena 2009, sena finanzjarja 2011u 2012, tikser l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tikser id-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta’ Spanja minħabba li l-Kummissjoni estendiet indebitament il-korrezzjoni finanzjarja għal perijodu sussegwenti għall-24 xahar qabel il-komunikazzjoni, meta dawn in-nuqqasijiet diġà kienu ġew ikkoreġuti mir-Renju ta’ Spanja.

Fir-rigward tal-Comunidad Autónoma de Canarias għall-motiv li ġej:

4.

Il-korrezzjoni imposta b’rata fissa fl-ammont ta’ EUR 1 689 689,03 u l-metodu ta’ kalkolu użat, huma kuntrarji għall-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u għal-Linji gwida tad-dokument tal-Kummissjoni AGRI/D/40474/2010-REV 1.


Top