Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0244

    Kawża T-244/15: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Klyuyev vs Il-Kunsill

    ĠU C 228, 13.7.2015, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 228/23


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Klyuyev vs Il-Kunsill

    (Kawża T-244/15)

    (2015/C 228/29)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Andriy Klyuyev (Donetsk, l-Ukrajna) (rappreżentant: R. Gherson, solicitor)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/364/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 62, p. 25) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 62, p. 1) sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent;

    sussidjarjament, tiddikjara li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, (kif emendata) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nruo208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendat), ma humiex applikabbli sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent minħabba l-illegalità tagħhom;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, kif emendata (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni”), sa fejn hija timponi miżuri restrittivi kontra r-rikorrent, ma hijiex kompatibbli mal-għanijiet li hija tinvoka b’mod espliċitu (b’mod partikolari, id-demokrazija; l-istat tad-dritt; ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem), u ma taqax taħt il-prinċipji u l-għanijiet tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) iddefiniti fl-Artikolu 21 UE. Il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi invokat l-Artikolu 29 UE ma humiex għaldaqstant issodisfatti mid-Deċiżjoni. Minħabba li din hija invalida, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 215(2) TFUE sabiex jistabbilixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, kif emendat (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”). Avvenimenti reċenti għamluha ċara li r-rikorrent ma huwiex ser jingħata trattament xieraq, indipendenti jew imparzjali mill-awtoritajiet kriminali jew ġudizzjarji tal-Ukrajna.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent ma ssodisfax il-kriterji ta’ inklużjoni fl-anness tad-Deċiżjoni u tar-Regolament (iktar ’il quddiem, l-“atti kkontestati”). Ir-rikorrent ma kienx, fid-data tal-inklużjoni tiegħu fil-lista, suġġett għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet tal-Ukrajna għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ beni pubbliċi jew għal abbuż ta’ poter, li jikkawżaw minn dan il-fatt telf għal fondi jew beni pubbliċi tal-Ukrajna.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent. Ir-rikorrent ma ngħatax provi serji, kredibbli jew konkreti insostenn ta’ argument li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. B’mod partikolari, ma teżisti l-ebda prova ta’ eżami rigoruż jew imparzjali tal-kwistjoni dwar jekk il-motivi allegati, li jingħad li jiġġustifikaw klassifikazzjonijiet ġodda, humiex fondati fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrent.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma tax lir-rikorrent motivi suffiċjenti għall-inklużjoni tiegħu. Il-motivazzjoni ma tinkludi l-ebda dettall u tikkonsisti sempliċement f’formulazzjoni sterjotipika ġenerali.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser b’mod gravi d-drittijiet fundamentali għall-proprjetà u għar-reputazzjoni tar-rikorrent. Il-miżuri restrittivi ma kinux “previsti mil-liġi”; huma ġew imposti mingħajr garanziji xierqa li jippermettu lir-rikorrent jesponi l-argumenti tiegħu b’mod effettiv quddiem il-Kunsill; huma ma humiex limitati għal proprjetà speċifika li jingħad li tirrappreżenta fondi pubbliċi miżapproprjati, u lanqas għall-ammont tal-fondi allegatament miżapproprjati; huma ġew ittrattati bħala indikazzjoni ta’ ħtija li twassal għal azzjonijiet li jikkawżaw preġudizzju quddiem qrati oħra.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq fatti materjalment ineżatti. L-allegazzjoni li r-rikorrent huwa suġġett għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet tal-Ukrajna għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ beni pubbliċi jew għal abbuż ta’ poter, li jikkawżaw minn dan il-fatt telf għal fondi jew beni pubbliċi tal-Ukrajna, jew li jista’ jkun ħati ta’ dawn il-fatti, hija manifestament żbaljata.

    7.

    Is-seba’ motiv, imqajjem insostenn tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità, ibbażat fuq il-fatt li jekk l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament jiġu interpretati b’mod li jkopru a) kull investigazzjoni ta’ awtorità tal-Ukrajna, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk teżistix deċiżjoni jew proċedura ġudizzjarja li sservi ta’ bażi għaliha, li tikkontrollaha jew li tissorveljaha; u/jew b) kull “abbuż ta’ poter fil-kwalità ta’ persuna b’kariga pubblika sabiex jittieħed vantaġġ” inġust indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk teżistix allegazzjoni ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, il-kriterju ta’ klassifikazzjoni jkun, fid-dawl tal-portata u tal-kamp ta’ applikazzjoni arbitrarji li jirriżultaw minn interpretazzjoni tant wiesgħa, nieqsa minn bażi legali rilevanti u/jew sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet tad-Deċiżjoni u tar-Regolament. Il-kriterju ta’ klassifikazzjoni jkun għaldaqstant illegali.


    Top