Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0175

    Kawża C-175/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (ir-Rumanija) fl-20 ta’ April 2015 – Taser International Inc. vs SC Gate 4 Business SRL, Cristian Mircea Anastasiu

    ĠU C 236, 20.7.2015, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 236/24


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (ir-Rumanija) fl-20 ta’ April 2015 – Taser International Inc. vs SC Gate 4 Business SRL, Cristian Mircea Anastasiu

    (Kawża C-175/15)

    (2015/C 236/33)

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Qorti tar-rinviju

    Înalta Curte de Casație și Justiție

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Taser International Inc.

    Konvenuti: SC Gate 4 Business SRL, Cristian Mircea Anastasiu

    Domandi preliminari

    L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament” tinkludi wkoll is-sitwazzjoni fejn il-partijiet f’kuntratt ta’ trasferiment tad-drittijiet fuq trade mark irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ftiehmu, b’mod mhux ekwivoku u inkontestabbli, li jagħtu l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kwalunkwe tilwima relatata mat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali lill-qrati ta’ Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea u li fih għandha d-domiċilju tagħha r-rikorrenti (uffiċċju rreġistrat), meta r-rikorrenti bdiet proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li fit-territorju tiegħu għandu d-domiċilju tiegħu l-konvenut (uffiċċju rreġistrat)?

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva:

    L-Artikolu 23(5) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirreferix għal klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni lil Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-qorti adita skont l-Artikolu 2 tar-regolament tiddetermina l-ġurisdizzjoni skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tad-dritt nazzjonali tagħha?

    Tilwima li tirrigwarda l-eżekuzzjoni, permezz tal-qrati, tal-obbligu li jiġu ttrasferiti d-drittijiet fuq trade mark irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, assunt taħt kuntratt konkluż bejn il-partijiet fl-imsemmija tilwima, tista’ titqies bħala li tirreferi għal dritt “[meħtieġ] sabiex jiġu depożitati jew reġistrati”, fis-sens tal-Artikolu 22(4) tar-regolament, fid-dawl tal-fatt li, skont id-dritt tal-Istat li fih it-trade mark ġiet irreġistrata, it-trasferiment tad-drittijiet fuq trade mark għandu jiġi rreġistrat fir-Reġistru tat-Trade Marks u ppubblikat fil-Buletinul Oficial de Proprietate Industrială [bulettin uffiċjali tal-proprjetà industrijali]?

    Fil-każ ta’ risposta negattiva, l-Artikolu 24 tar-Regolament jipprekludi lill-qorti adita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament milli tikkonstata, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-premessa tad-domanda, li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, minkejja li l-konvenut deher quddiem din il-qorti, inkluż fl-aħħar istanza, mingħajr ma kkontesta l-ġurisdizzjoni?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


    Top