Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0825

    Kawża T-825/14: Rikors ippreżentat fit- 18 ta’ Diċembru 2014 – IREPA vs Il-Kummissjoni u Il-Qorti tal-Awdituri

    ĠU C 65, 23.2.2015, p. 45–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 65/45


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2014 – IREPA vs Il-Kummissjoni u Il-Qorti tal-Awdituri

    (Kawża T-825/14)

    (2015/C 065/62)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrent: Istituto di ricerche economiche per la pesca e l’acquacoltura – IREPA Onlus (Salerno, l-Italja) (rappreżentant: F. Tedeschini, avukat)

    Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla n-Nota ta’ debitu Nru 3241411395, tat-30 ta’ Settembru 2014, tal-Kummissjoni Ewropea, li permezz tagħha l-IREPA intalab iħallas l-ammont ta’ EUR 4 58  347,35 fuq il-kont bankarju kurrenti tal-Kummissjoni Ewropea sas-7 ta’ Novembru 2014;

    tannulla n-Nota tal-Kummissjoni Ewropea Ref. Ares (2013) 2644562 tat-12 ta’ Lulju 2013, kif ukoll ir-rapport mehmuż magħha tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea tas-27 ta’ Frar 2013, li jinkludi ittra ta’ informazzjoni minn qabel li tippreċedi ordni ta’ rkupru fir-rigward tal-Programm ta’ Ġbir ta’ Data Taljan għall-2010;

    tannulla n-Nota tal-Kummissjoni Ewropea Ref. Ares (2014), tas-6 ta’ Awissu 2014, li tinkludi t-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel li tippreċedi ordni ta’ rkupru fir-rigward tal-Programm ta’ Ġbir ta’ Data Taljan għall-2010.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors qed jiġi ppreżentat kontra l-kontestazzjonijiet tal-Kummissjoni, anki fuq il-bażi tad-deduzzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, fir-rigward tal-legalità tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent għall-persunal u għall-assistenza esterna fir-rigward tal-Programm Nazzjonali ta’ Ġbir ta’ Data dwar is-Sajd (sena 2010), li tawlok għat-talba għal ħlas lura kemm tal-kwota Komunitarja kif ukoll ta’ dik nazzjonali.

    Insostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, dwar il-kontestazzjoni fir-rigwar tal-“Ispejjeż tal-persunal”, huwa bbażat fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Anness 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1078/08, tat-3 ta’ Novembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta bażika dwar is-sajd, u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi]; kif ukoll fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrent isostni li t-talba għal ħlas lura tal-ammonti relatati ma “Staff Costs” hija illegali peress li l-kontenut ġenerali u astratt tal-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 1078/08 għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-regoli ta’ implementazzjoni speċifiċi tal-Programm Nazzjonali.

    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-modalitajiet speċifiċi previsti fil-Programm Nazzjonali fil-kuntest tal-Baġit 2009, u b’dan il-mod ħolqot aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tagħhom anki għall-2010.

    Skont ir-rikorrent, lanqas ma hija ġġustifikata l-kontestazzjoni dwar in-nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-għoti tal-kuntratti ta’ ġbir ta’ data permezz ta’ kwestjonarji, peress li l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18/KE jeskludi s-servizzi dwar “kuntratti ta’ xogħol” mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti.

    2.

    It-tieni motiv, dwar l-“ispejjeż ta’ assistenza esterna”, huwa bbażat fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tar-Regolament (KE) Nru 1078/08, tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/18/KE, u tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd; kif ukoll fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrent isostni li l-kontestazzjoni dwar in-nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-għoti tal-kuntratt lis-Società Studio Nouvelle S.r.l. tmur kontra l-Artikolu 16(f) tad-Direttiva 2004/18/KE, li jeskludi s-servizzi inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar is-sejħiet għall-offerti. F’kull każ, l-IREPA wettaq proċedura pro kompetittiva billi stieden ħames operaturi fl-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw il-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti pubbliċi.

    Ir-rikorrenti jsostni li anki l-kontestazzjoni dwar in-nuqqas ta’ data dwar il-kontrolli mwettqa fuq is-servizz ipprovdut minn Studio Nouvelle S.r.l. hija invalidà peress li tikser l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, li ma jipprevedix modalitajiet speċifiċi ta’ kontroll, modalitajiet li minflok ġew stabbiliti fil-Pjan Nazzjonali approvat mill-Kummissjoni Ewropea, li b’dan il-mod ħolqot, anki f’dan ir-rigward, aspettattivi leġittimi dwar il-leġittimità tagħhom.

    Skont ir-rikorrent, l-inklużjoni kkontestata, fit-talba għal ħlas lura, ta’ spejjeż li effettivament kienu għadhom ma ġewx sostnuti mill-Istat hija illegali peress li l-ammonti rrappurtati kienu ġew imputati lill-Program Nazzjonali 2009/2010, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 1078/2008 u l-Kummissjoni nnifisha approvat dan it-tip ta’ rrapportar fir-rigward tad-dokumentazzjoni dwar il-Programm 2008, u b’dan il-mod ħolqot, anki f’dan ir-rigward, aspettattivi leġittimi dwar il-ħlas.


    Top