Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0784

    Kawża T-784/14: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Novembru 2014 – Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 65, 23.2.2015, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 65/36


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2014 – Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-784/14)

    (2015/C 065/51)

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: R. Radu, R. Haţieganu u A. Buzoianu, aġenti)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra BUDG/B3/MV D(2014) 3079038 tad-19 ta’ Settembru 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni tordna lir-Rumanija li tagħmel għad-dispożizjzoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 14  883,79 gross, li tikkorrispondi mat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas’ ta’ kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

    Id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tattribwixxi lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex timponi fuq Stat Membru obbligu li jħallas ammont li jikkorrispondi mat-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, li seħħ wara l-maħfra ta’ dazji doganali deċiża minn Stat Membru ieħor li kien dak responsabbli mill-evalwazzjoni, mill-ġbir u mit-trasferiment ta’ dawn id-dazji dognali lill-baġit tal-Unjoni Ewropea bħala riżorsi proprji tradizzjonali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti u mhux xierqa tad-deċiżjoni kkontestata

    Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti u xieraq, hekk kif meħtieġ taħt l-Artikolu 296 TFUE. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix il-bażi legali li fuqha hija ġiet adottata u din il-bażi lanqas ma tista’ tiġi dedotta minn elementi oħra tal-ittra tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma esponietx, fil-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament legali li wassalha sabiex timponi fuq ir-Rumanija l-obbligu ta’ ħlas bħala kumpens għad-danni minħabba t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea, li seħħ wara l-maħfra ta’ dejn doganali nnotifikat minn Stat Membru ieħor.

    3.

    It-tielet motiv, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni aġixxiet fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża tar-Rumanija

    Il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, billi naqset milli teżamina bir-reqqa l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli għaliha jew li titlob informazzjoni neċessarja oħra qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ma wrietx rabta kawżali diretta bejn il-fatti li bihom hija akkużata r-Rumanija u t-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni lanqas ma pproduċiet provi dwar ir-relazzjoni bejn l-ammont mitlub lir-Rumanija u l-ammont tad-dazji doganali li jikkorrispondu mal-valur tat-tranżitu inkwistjoni, billi bbażat ruħha sempliċement fuq il-valur maħfur mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Il-proċeduri segwiti mill-Kummissjoni kienu nieqsa minn prevedibbiltà u ma ppermettewx lir-Rumanija li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi

    Ir-regoli ta’ dritt li abbażi tagħhom il-Kummissjoni imponiet l-obbligu ta’ ħlas permezz tad-deċiżjoni kkontestata la huma identifikati u lanqas ma huma ppreċiżati fiha, u l-applikazzjoni tagħhom lanqas ma kienet prevedibbli għar-Rumanija. L-Istat Rumen la seta’ jipprevedi u lanqas ikun jaf, qabel ma rċieva l-ittra tal-Kummissjoni, l-obbligu tiegħu li jagħmel għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-ammont mitlub, li jikkorrispondi mat-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea. Minbarra dan, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata u billi imponiet fuq ir-Rumanija obbligu ta’ ħlas erba’ snin wara li seħħew il-fatti u minkejja l-konklużjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fid-djalogu li sar mal-awtoritajiet Rumeni waqt dan il-perijodu, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi tar-Rumanija f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ obbligu ekonomiku fir-rigward tal-ħlas tad-dejn doganali inkwistjoni u, konsegwentement, l-assenza ta’ kwalunkwe obbligu fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni Ewropea.


    Top