Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0646

Kawża T-646/14: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Settembru 2014 – Micula et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 439, 8.12.2014, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 439/29


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2014 – Micula et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-646/14)

(2014/C 439/40)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ioan Micula (Oradea, ir-Rumanija); S.C. European Food SA (Drăgăneşti –ir-Rumanija); S.C. Starmill Srl (Drăgăneşti); S.C. Multipack Srl (Drăgăneşti); Viorel Micula (Oradea) (rappreżentanti: K. Hobér, J. Ragnwaldh, T. Pettersson, E. Gaillard u Y. Banifatemi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni C(2014) 3192 finali, tas-26 ta’ Mejju 2014, li ngħatat fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/NN) – Micula vs Romania (Deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-ICSID), li tordna li r-Rumanija tissospendi kull azzjoni li tista’ twassal għall-eżekuzzjoni jew għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013 mogħtija minn tribunal ta’ arbitraġġ stabbilit taħt iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar l-Investiment fil-każ Ioan Micula, Viorel Micula et vs Ir-Rumanija (ICSID Każ ARB/05/20), peress li l-Kummissjoni tqis li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, li jallega nuqqas ta’ kompetenza.

Il-liġi tal-UE ma tapplikax għal dan il-każ u l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza biex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tonqos milli tirrikonoxxi li r-Rumanija hija marbuta taħt il-liġi internazzjonali li teżegwixxi minnufih id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-ICSID u li l-obbligi taħt il-liġi internazzjonali tar-Rumanija jieħdu preċedenza fuq il-liġi tal-UE. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 351(1) TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, li jirrikonoxxu u jipproteġu l-obbligi tar-Rumanija taħt il-Konvenzjoni ICSID u taħt it-Trattat Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Isvezja u r-Rumanija.

2.

It-tieni motiv, li jallega żball manifest ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kkategorizzat b’mod żbaljat l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-ICSID bħala miżura ta’ għajnuna mill-Istat ġdida u kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti. Id-deċiżjoni kollha tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-preżunzjoni skorretta li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-ICSID tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat taħt il-liġi tal-UE. Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-ICSID la tagħti vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti, la tikkostitwixxi miżura selettiva, la miżura volontarja attribwibbli lir-Rumanija, u lanqas ma toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.


Top