Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0556

    Kawża C-556/14 P: Appell ippreżentat fl- 1 ta’ Diċembru 2014 minn Holcim (Romania) SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit- 18 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-317/12, Holcim (Romania) SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 65, 23.2.2015, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 65/22


    Appell ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2014 minn Holcim (Romania) SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-18 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-317/12, Holcim (Romania) SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-556/14 P)

    (2015/C 065/33)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Holcim (Romania) SA (rappreżentant: L. Arnauts, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla), tat-18 ta’ Settembru 2014, fil-Każ T-317/12, Holcim (Romania) SA vs Il-Kummissjoni Ewropea;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-317/12 u għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

    tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali

    sussidjarjament, tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti kif mitluba quddiem il-Qorti Ġenerali:

    tikkonstata li, fir-rigward tad-dannu sostnut mir-rikorrenti wara s-serq ta’ miljun kwota, l-Unjoni Ewropea għandha tirrispondi għall-aġir tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikoli 256, 268 u 340 TFUE;

    tordna lill-Unjoni Ewropea tħallasha l-valur tal-kwoti misruqa li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati sad-data tas-sentenza definittiva, u dan għall-prezz tas-suq fis-seħħ fid-data tas-serq, flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 8 % fis-sena mis-16 ta’ Novembru 2010;

    konsegwentement, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 1 b’mod provviżorju;

    tordna lill-partijiet jiftiehmu fuq l-ammont tad-dannu u/jew tordna lir-rikorrenti tipprova l-portata definittiva tad-dannu tagħha, fit-tliet xhur wara s-sentenza interlokutorja;

    tiddikjara s-sentenza eżekuttiva.

    u, fi kwalunkwe każ:

    tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż;

    tiddikjara s-sentenza eżekuttiva.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Fir-Regolament 2216/2004, tal-21 ta’ Diċembru 2004“għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skond id-Direttiva 2003/87/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 280/2004/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” (3), il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet sistema standardizzata ta’ reġistri nazzjonali (Skema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet – EU-ETS) sabiex titraċċja u tiżgura l-ħruġ, l-akkwist, it-trasferiment u l-kanċellament ta’ Kwoti tal-Unjoni Ewropea (EUA) (kwoti sabiex ikun hemm ċertu ammont ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fi ħdan il-qafas tal-ftehimiet internazzjonali dwar it-tnaqqis tagħhom). Ir-reġistri nazzjonali huma konnessi u mmonitorjati minn amministratur ċentrali fil-Kummissjoni Ewropea, imsejjaħ ir-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet (CITL).

    Diversi reġistri nazzjonali tal-EU-ETS ġew attakkati minn kriminali ċibernetiċi. Fis-16 ta’ Novembru 2010, il-kontijiet EU-ETS ta’ Holcim (Romania) ġew aċċessati b’mod illegali. Permezz ta’ sensiela ta’ operazzjonijiet imwettqa minn persuni mhux awtorizzati, 1 6 00  000 EUA ġew ittrasferiti f’żewġ kontijiet barranin, li minnhom 6 00  000 biss ġew irkuprati bis-saħħa ta’ intervent tar-Reġistru Nazzjonali tar-Rumanija (NEPA). Dan jirrappreżenta telf ta’ madwar EUR 1 5 0 00  000 peress li, minħabba l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ma kienx possibbli għal Holcim (Romania) li tirkupra l-kwoti misruqa rimanenti.

    Il-Kummissjoni Ewropea b’mod konsistenti rrifjutat (i) li timblokka l-kwoti misruqa, minkejja li kull waħda minnhom għandha numru individwali u tista’ tiġi ttraċċata fi kwalunkwe ħin fl-EU-ETS u (ii) li tiżvela f’liema kontijiet u/jew reġistri nazzjonali dawn jinsabu, bl-għan li tippermetti lil Holcim tagħti bidu għal proċedimenti legali fl-Istat Membru/Stati Membri kkonċernat(i). Il-Kummissjoni Ewropea ordnat ukoll li r-reġistri nazzjonali jieħdu l-istess pożizzjoni, abbażi ta’ dmir ta’ kunfidenzjalità tagħhom.

    It-talba għal-kumpens kontra l-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 21 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikoli 256 268 u 340 TFUE, li ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Settembru 2014, hija bbażata fuq il-motivi li ġejjin:

     

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea għad-deċiżjonijiet illegali adottati mill-Kummissjoni Ewropea, li jikkonsistu:

    i.

    f’interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2001, tal-21 ta’ Diċembru 2004, “għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”,

    ii.

    fi ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill “li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE” u

    iii.

    fi ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tal-liġi (prinċipju ta’ proporzjonalità u prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dmir ta’ premura u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà), meta ddeċidiet li ma tiżvelax jew ma tippermettix l-iżvelar tal-post fejn jinsabu l-Kwoti Ewropej ta’ Emissjoni (EUA) misruqa, fil-qafas tal-Iskema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU-ETS).

     

    It-tieni motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea għall-implementazzjoni illegali, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament 2216/2004, dwar is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-funzjonament tal-EU-ETS.

     

    It-tielet motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea għal atti illegali li jaffettwaw kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbel ma’ oħrajn (dannu anormali) u li jeċċedu l-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-operat fis-settur ikkonċernat (dannu speċjali), mingħajr ma l-miżura leġiżlattiva li wasslet għad-dannu allegat kienet iġġustifikata minn interess ekonomiku ġenerali.


    (1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ l-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 57)

    (3)  ĠU L 319M, p. 1.


    Top