Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0428

    Kawża T-428/13: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Awwissu 2013 — IOC-UK vs Il-Kunsill

    ĠU C 313, 26.10.2013, p. 30–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 313/30


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Awwissu 2013 — IOC-UK vs Il-Kunsill

    (Kawża T-428/13)

    2013/C 313/57

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Iranian Oil Company UK Ltd (IOC-UK) (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Graystone, Solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey, D. Rovetta, M. Gambardella, D. Sellers and N. Pilkington, avukati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran(ĠU L 156, p. 10), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 3), sa fejn l-atti kkontestati jinkludu lir-rikorrenti; u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi, relatati mal-ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, kif ukoll ma’ ksur tat-Trattati u tal-istati tad-dritt relatati mal-applikazzjoni tagħhom: ksur tad-dritt għal smigħ; motivazzjoni insuffiċjenti; ksur tad-drittijiet tad-difiża; żball manifest ta’ evalwazzjoni; ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ proporzjonalità; ksur tal-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni; u ksur tad-dritt għall-proprjetà.

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill naqas milli jisma’ lir-rikorrenti, u li ebda indikazzjoni kuntrarja ma tista’ tiġġustifika dan. Barra minn hekk, il-Kunsill ipprovda motivazzjoni insuffiċjenti. It-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex il-Kunsill jespandi l-motivazzjoni u għal aċċess għal dokumenti, sa issa għadhom ma ngħatawx risposta, ħlief għal ittra qasira li tikkonferma li dawn ġew riċevuti. Permezz ta’ dawn in-nuqqasijiet, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, li ġiet miċħuda mill-possibbiltà li tressaq b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħha kontra l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill, peress li dawn il-konstatazzjonijiet inżammu lura mir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kunsill ma weriex li l-kontroll indirett tar-rikorrenti minn National Iranina Oil Company (NIOC) iwassal għal benefiċċju ekonomiku għall-Istat Iranjan li jmur kontra l-għan tad-deċiżjoni kkontestata u għar-Regolament. Fir-rigward tal-motivi għall-inklużjoni tagħha, ir-rikorrenti tqis li dawn jew huma insuffiċjenti jew huma ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, il-paragun bejn l-għanijiet tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni u l-impatt konkret ta’ din id-deċiżjoni għar-rikorrenti juri li d-deċiżjoni hija sproporzjonata. Fl-aħħar nett, il-Kunsill kiser id-dritt bażiku għall-proprjetà billi adotta miżuri li l-proporzjonalità tagħhom ma tistax tiġi ggarantita.


    Top