Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0406

    Kawża T-406/13: Rikors ippreżentat fid- 29 ta’ Lulju 2013 — Gossio vs Il-Kunsill

    ĠU C 313, 26.10.2013, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 313/28


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2013 — Gossio vs Il-Kunsill

    (Kawża T-406/13)

    2013/C 313/54

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Marcel Gossio (Casablanca, il-Marokk) (rappreżentant: S. Zokou, avukat)

    Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla:

    id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 560/2005, kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/144/PESK, tat-8 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire sa fejn jikkonċernaw u jolqtu lir-rikorrent;

    id-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2013 li tikkonferma u ġġedded il-miżuri restrittivi msemmija iktar ’il fuq sa fejn il-konsegwenza tagħha hija li isem ir-rikorrent għandu jibqa’ jidher fil-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656/PESK u fl-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 560/2005 dwar il-miżuri restrittivi stabbiliti fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċess ta’ poter u żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn:

    il-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrent ma għandhom ebda bażi oġġettiva u ma huma sostnuti minn ebda prova tanġibbli;

    ma tistax tiġi stabbilita rabta oġġettiva bejn il-motivi invokati sabiex jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi li ttieħdu fil-konfront tar-rikorrent u s-sitwazzjoni ġenerali fil-Côte d’Ivoire;

    il-bażijiet legali li fuqhom ġew adottati l-miżuri restrittivi li ttieħdu fil-konfront tar-rikorrent huma inkompatibbli mal-aħħar motivi invokati sabiex jiġġustifikaw dawn il-miżuri;

    id-deċiżjonijiet tal-Kunsill jikkostitwixxu użu ħażin ta’ proċedura jew ta’ poter.

    (2)

    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent u b’mod partikolari tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, tad-dritt għal-libertà tal-intrapriża, tad-dritt għall-proprjetà, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u tad-dritt li wieħed ma jiġix issuġġettat għal trattamenti inumani u degradanti.


    Top