Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0573

    Kawża T-573/11: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Novembru 2011 — JAS vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 25, 28.1.2012, p. 55–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 25/55


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2011 — JAS vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-573/11)

    (2012/C 25/107)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: JAS Jet Air Service France (JAS) (Franza) (rappreżentant: T. Gallois, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Awwissu 2011 fil-każ REM 01/2008 inkwantu hija:

    iddeċidiet li ma kienx hemm nuqqas ta’ sitwazzjoni partikolari u

    ċaħdet it-talba għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni li jammontaw għal EUR 1 001 778,20 ippreżentati mill-kumpannija JAS JET AIR SERVICE fl-24 ta’ Jannar 2008;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni applikat motivi ipotetiċi.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu l-Kummissjoni ma ordnatx lill-amministrazzjoni nazzjonali tipproduċi l-oriġinali jew il-kopji tad-dikjarazzjonijiet tad-dwana, suġġett tat-talba għal maħfra, minkejja li dawn id-dokumenti juru li verifika fiżiku kien twettaq.

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura irregolari tal-istruttorja tal-proċess minħabba bdil fl-oneru tal-prova, fejn il-Kummissjoni, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li tipprovdi li d-dikjarazzjonijiet tad-dwana inkwistjoni kienu sparixxew, ikkonkludiet li l-prova tista’ tiġi prodotta biss meta l-amministrazzjoni doganali tkun fiżikament ivverifikat il-merkanzija. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax iddawwar dan in-nuqqas tal-awtoritajiet nazzjonali għad-detriment tagħha.

    (4)

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (1) inkwantu l-Kummissjoni kienet dejqet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “sitwazzjoni partikolari”.

    (5)

    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm “sitwazzjoni partikolari” fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ kumpannija oħra ta’ trasport Olandiża li tispedixxi l-merkanzija, fejn is-sitwazzjoni tagħha tqieset mill-Kummissjoni bħala li tikkostitwixxi “sitwazzjoni partikolari”.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)


    Top