Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CA0398

    Kawża C-398/11: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal- 25 ta’ April 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Ireland — l-Irlanda) — Thomas Hogan et vs Minister for Social and Family Affairs et (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Direttiva 2008/94/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Skemi komplementari ta’ previdenza professjonali — Skemi ta’ benefiċċji ddefiniti u ta’ spejjeż ibbilanċjati — Insuffiċjenza ta’ riżorzi — Livell minimu ta’ protezzjoni — Kriżi ekonomika — Żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat — Obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ riżorsi — Responsabbiltà tal-Istat Membru fil-każ ta’ traspożizzjoni żbaljata)

    ĠU C 171, 15.6.2013, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 171/6


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ April 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Ireland — l-Irlanda) — Thomas Hogan et vs Minister for Social and Family Affairs et

    (Kawża C-398/11) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega - Direttiva 2008/94/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Skemi komplementari ta’ previdenza professjonali - Skemi ta’ benefiċċji ddefiniti u ta’ spejjeż ibbilanċjati - Insuffiċjenza ta’ riżorzi - Livell minimu ta’ protezzjoni - Kriżi ekonomika - Żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat - Obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ riżorsi - Responsabbiltà tal-Istat Membru fil-każ ta’ traspożizzjoni żbaljata)

    2013/C 171/11

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    High Court of Ireland

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Thomas Hogan, Jonh Burns, John Dooley, Alfred Ryan, Michael Cunningham, Michael Dooley, Denis Hayes, Marion Walsh, Joan Power, Walter Walsh

    Konvenuti: Minister for Social and Family Affairs, Irlande, Attorney General

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Ireland — Interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1) u 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36) — Skemi komplimentari ta’ previdenza professjonali — Insuffiċjenza ta’ riżorsi tal-imsemmija skemi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix bażi legali li tippermetti lill-impjegati li jiksbu kumpens mingħand il-persuna li timpjegahom wara l-insolvenza tal-impriża — Obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġi l-interessi tal-impjegati — Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-osservanza ta’ dan l-obbligu.

    Dispożittiv

    (1)

    Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għad-drittijiet ta’ ex impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali stabbilita mill-persuna li timpjegahom.

    (2)

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru wettaqx l-obbligu previst f’dan l-artikolu, il-benefiċċji tal-pensjoni legali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    (3)

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex dan japplika, huwa suffiċjenti li l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali ma tkunx tibbenefika minn kopertura finanzjarja suffiċjenti meta l-persuna li timpjega tinsab fi stat ta’ insolvenza u li, minħabba l-insolvenza tagħha, il-persuna li timpjega ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tħallas kontribuzzjonijiet suffiċjenti lil din l-iskema bil-għan li tippermetti l-ħlas kollu tal-benefiċċji dovuti lill-benefiċjarji. Ma huwiex neċessarju li dawn tal-aħħar jistabbilixxu l-eżistenza ta’ fatturi oħra li jagħtu lok għat-telf tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija.

    (4)

    Id-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri adottati mill-Irlanda, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C-278/05), ma jissodisfawx l-obbligi imposti minn din id-direttiva u li s-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika livell ta’ protezzjoni mnaqqas tal-interessi tal-ħaddiema fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali.

    (5)

    Id-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li, il-fatt li l-miżuri meħuda mill-Irlanda wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, ma kellhomx l-effett li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet akkumulati tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija, skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali, jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur serju tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru.


    (1)  ĠU C 290, 1.10.2011


    Top