Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0029

Kawża T-29/10: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Jannar 2010 — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

ĠU C 80, 27.3.2010, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/38


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2010 — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-29/10)

2010/C 80/63

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: C. Wissels u Y. de Vries, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2009 fil-Każ Nru C 10/2009 (ex. N 138/2009) — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Għajnuna għall-grupp ING N.V., u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ċerti miżuri li l-Istat Olandiż adotta fir-rigward tal-grupp ING N.V. jammontaw għal għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u hija ddikjarat din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Wara d-deċiżjoni, il-modifika tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ta’ EUR 5 biljun tal-injezzjoni ta’ kapital tammonta għal għajnuna addizzjonali.

Ir-rikors huwa dirett kontra l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni li b’mod partikolari huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-modifika tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fir-rigward ta’ EUR 5 biljun tal-injezzjoni ta’ kapital tammonta għal għajnuna mill-Istat.

Ir-rikorrent fl-ewwel lok isostni li d-deċiżjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet hemmhekk li l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta’ bażi ta’ ING jammonta għal għajnuna mill-Istat addizzjonali ta’ ammont ta’ EUR 2 biljun favur ING. Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni żbaljat meta kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, u dan għar-raġunijiet segwenti:

Sa fejn din tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, din tikkonsisti, skont id-deċiżjoni, fil-parteċipazzjoni sħiħa fil-kapital ta’ bażi ta’ ING; modifika tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ta’ din l-għajnuna ma tistax tammonta għal għajnuna flimkien ma’ din il-parteċipazzjoni.

Il-Kummissjoni kellha tinkludi l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fl-evalwazzjoni tagħha tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta’ bażi minflok tevalwah separatament.

Peress li hija analizzat separatament l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kellhu b’mod partikolari bħala għan li jrendi dawn il-kundizzjonijiet iktar konformi mal-kundizzjonijiet ta’ rimbors fis-seħħ fis-suq.

Ir-rikorrent isostni fit-tieni lok li d-deċiżjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li l-Kummissjoni ma ġabritx l-informazzjoni neċessarja dwar il-fatti inkwistjoni.

Ir-rikorrent jikkunsidra fit-tielet lok li d-deċiżjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma’ esponitx b’mod suffiċjenti l-motivi għall-kunsiderazzjoni tagħha li l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors jammonta għal għajnuna addizzjonali.


Top