Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0033

    Kawża T-33/09: Rikors ippreżentat fis- 26 ta' Jannar 2009 — Ir-Repubblika Portugiża vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 82, 4.4.2009, p. 30–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 82/30


    Rikors ippreżentat fis-26 ta' Jannar 2009 — Ir-Repubblika Portugiża vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-33/09)

    (2009/C 82/53)

    Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes u J. A. de Oliveira, aġenti)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 7419 tal-25 ta' Novembru 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Portugiża tħallas penali pekunjarja imposta skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża C-70/06, b'effett mill-10 ta' Jannar 2008;

    sussidjarjament, tannulla din id-deċiżjoni fil-parti fejn l-effetti tagħha jaqbżu d-data tad-29 ta' Jannar 2008;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż kollha jew, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-penali pekunjarja, tikkundanna lil kull waħda mill-partijiet għall-ispejjeż tagħhom.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni appellata, skont l-Artikolu 230 KE, billi ssostni ksur tat-Trattat KE jew tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-applikazzjoni tat-Trattat min-naħa tal-Kummissjoni,.

    Fil-fatt, billi eżiġiet li r-rikorrenti tħallas il-penali pekunjarja imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-70/06 għal kull jum ta' dewmien fir-rigward tal-perijodu bejn l-10 ta' Jannar u s-17 ta' Lulju 2008, meta r-rikorrenti kienet diġà soddisfat l-obbligu tagħha li timplementa d-Direttiva 89/665 (1), il-Kummissjoni kisret it-Trattat KE jew id-dispożizzjonijiet legali relatati mal-applikazzjoni ta' dan it-Trattat.

    Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat, fl-10 ta' Jannar 2008, is-sentenza tagħha fil-kawża C-70/06, li biha kkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta' penali pekunjarja imposta għall-kull jum ta' dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex timplementa d-deċiżjoni tagħha tal-14 ta' Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, fil-kawża C-275/03, liema miżuri kienu jikkonsistu fir-revoka tad-Digriet-Liġi Nru 48051 tal-21 ta' Novembru 1967, li jissuġġetta l-kumpens tal-persuni leżi minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementawhom, għal delitt jew kważi-delitt, ir-Repubblika Portugiża kienet diġà approvat il-Liġi Nru 67/2007, li tirrevoka dan id-digriet-liġi u li tapprova sistema ġdida ta' responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat u korpi pubbliċi oħra, li ġiet ippubblikata fid-Diário da República, Serje 1, Nru 251, tal-31 ta' Diċembru 2007. Din il-liġi daħlet fis-seħħ tletin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, jiġifieri, fit-30 ta' Jannar 2008.

    Fl-4 ta' Jannar 2008, ir-rikorrenti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-fatt u talbet sabiex tannetti kopja ta' din il-liġi mal-atti tal-proċess għall-kawża C-70/06. Madankollu, minħabba li l-kawża kienet fi stadju avanzat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni din il-kwistjoni u tat is-sentenza tagħha fl-10 ta' Jannar 2008.

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-ħlas ta' penali pekunjarja imposta tikkonċerna biss il-perijodu sad-9 ta' Jannar 2008 jew, fl-agħar ipoteżi, peress li d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 67/2007 mhijiex l-istess bħad-data tal-pubblikazzjoni tagħha, sad-29 ta' Jannar 2008. It-talba tal-Kummissjoni hija, għaldaqstant, kompletament infondata fir-rigward tal-perijodi ta' wara dawn id-dati.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 89/655/KE tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33).


    Top