This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CN0121
Case C-121/09: Action brought on 1 April 2009 — Commission of the European Communities v Italian Republic
Kawża C-121/09: Rikors ippreżentat fl- 1 ta’ April 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
Kawża C-121/09: Rikors ippreżentat fl- 1 ta’ April 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
ĠU C 141, 20.6.2009, p. 29–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.6.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 141/29 |
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-121/09)
2009/C 141/51
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: W. Wils u C. Cattabriga, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
— |
tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314/KEE; (1) |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
1. |
Peress li r-Repubblika Taljana stabbilixxiet terminu ta’ tliet xhur b’effett mid-data ta’ meta jintemm il-vjaġġ sabiex titressaq talba ta’ intervent quddiem il-Fond ta’ Garanzija mill-konsumatur ta’ vjaġġi kollox kompriż, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314. |
2. |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 jipprovdi li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkun parti kontraenti għandu jipprovdi provi biżżejjed ta’ garanzija għar-rifużjoni tal-flus li jkunu tħallsu u għar-ripatrijazzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ insolvenza jew falliment. Skont l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza Komunitarja, din id-dispożizzjoni timponi obbligu ta’ riżultat fuq l-Istati Membri, li jimplika li x-xerrej ta’ vjaġġ “kollox kompriż” jingħata dritt għal protezzjoni effettiva kontra r-riskji ta’ insolvenza u ta’ falliment tal-organizzaturi u, b’mod partikolari, dritt għal rimbors tas-somma mħallsa u dritt għal ripatrijazzjoni. |
3. |
L-Artikolu 8 sussegwenti jippermetti lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar stretti, iżda biss sa fejn dawn joffru protezzjoni ikbar lill-konsumatur. |
4. |
Fil-każ inkwistjoni, il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni għandha, skont l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet nazzjonali matul il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-għan li tiżgura l-possibbiltà, għall-baġit tal-Istat, ta’ rkupru tas-somom mħallsa lill-konsumaturi u għalhekk li jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Istat pjuttost milli tiġi żgurata protezzjoni ikbar lix-xerrejja ta’ vjaġġi “kollox kompriż”. |
5. |
Għalkemm il-Kummissjoni tifhem l-interess li l-Italja għandha sabiex tiżġura ġestjoni tajba u bbilanċjata tal-Fond ta’ Garanzija, billi tiffaċilita il-possibbiltà ta’ rikors għal kumpens ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-operatur turistiku, hija ssostni li tali miżura, billi timponi terminu perentorju għall-preżentata ta’ talba ta’ intervent tal-Fond, timplika kundizzjoni li tista’ ċċaħħad il-konsumatur mid-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 90/314. |
6. |
Huwa minnu, kif isostnu l-awtoritajiet Taljani, li l-konsumatur jista’ jippreżenta huwa stess talba ta’ intervent tal-Fond hekk kif isir jaf dwar ċirkustanzi li jistgħu jostakolaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Madankollu, sabiex ikun jista’ jibbenefika minn din il-possibbiltà, huwa neċessarju li dan ikun jaf biċ-ċirkustanzi inkwistjoni. Issa, jekk jiġu esklużi l-każijiet fejn il-falliment tal-organizzatur tal-vjaġġ huwa manifestament ikkonstatat sa fejn hemm sentenza li tiddikjara tali falliment, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, il-konsumatur ma jkunx jaf bis-sitwazzjoni patrimonjali eżatta tal-imsemmi operatur. Għaldaqstant, huwa normali li, l-ewwel nett, ix-xerrej jirrikorri għand dan tal-aħħar sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa, billi jibgħat ittra, eventwalment talba, u fl-aħħar nett, ordni. B’dan il-mod, hemm riskju li t-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Digriet Ministerjali Nru 349/1999 ikun ilu li skada sakemm tiġi ppreżentata t-talba ta’ intervent tal-Fond ta’ Garanzija, bil-konsegwenza li l-konsumatur jiġi mċaħħad mir-rimbors tas-somom imħallsa. |
7. |
Sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ikkontestat fil-proċedura preżenti, l-awtoritajiet Taljani ħabbru, għall-ewwel, li kienu ser jestendu t-terminu għall-preżentata tat-talba ta’ intervent tal-Fond minn tliet xhur għal tnax-il xhar, u wara, li kienu ser jirrevokawh. |
8. |
Barra minn hekk, l-imsemmija awtoritajiet ippubblikaw fil-Gazzetta ufficiale della Repubblika italiana (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana), notifika intiża sabiex tinforma lill-persuni li jistgħu jkunu kkonċernati, li sakemm jiġi rrevokat it-terminu inkwistjoni, u sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi, it-talbiet quddiem il-Fond tal-Garanzija jistgħu jitressqu f’kull ħin. |
9. |
Il-Kummissjoni ssostni li tali miżuri, minkejja li jikkostitwixxu tentattiv ta’ min ifaħħru sabiex jiġu rimedjati l-konsegwenzi tal-ksur ikkontestat, mhumiex biżżejjed sabiex jeliminaw ir-riskju li x-xerrej ta’ vjaġġ “kollox kompriż” jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal protezzjoni effettiva fil-każ ta’ falliment tal-organizzatur. |
10. |
Sabiex tiġi ggarantita kompletament iċ-ċertezza ta’ dan id-dritt, b’tali mod li l-individwi jkunu jafu il-portata sħiħa tad-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati, id-dispożizzjoni ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’effiċjenza, bid-dettall u b’ċarezza inkontestabbli u mhux biss permezz ta’ prassi amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jiġu emendati skont id-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali. |
11. |
Il-fatt li fis-sistema Taljana fl-istess ħin jeżistu, minn naħa, dispożizzjoni li qatt ma ġiet formalment revokata, li tipprovdi taħt piena ta’ dekadenza terminu ta’ tliet xhur għall-preżentata ta’ talba ta’ intervent tal-Fond, u min-naħa l-oħra, ta’ notifika tal-amministrazzjoni li tipprovdi li dan it-terminu m’għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza għax-xerrejja ta’ vjaġġi “kollox kompriż”. |
(1) Direttiva tal-Kunsill 90/314/KE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, p. 59)