Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CA0478

Kawża C-478/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat- 8 ta’ Settembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Handelsgericht Wien — l-Awstrija) — Budejovicky Budvar National Corporation vs Rudolf Ammersin GmbH (Trattati bilaterali bejn Stati Membri — Protezzjoni fi Stat Membru ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ta’ Stat Membru ieħor — Isem Bud — Użu tat-trade mark American Bud — Artikoli 28 KE u 30 KE — Regolament (KE) Nru 510/2006 — Qafas ta’ regoli Komunitarji ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini — Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka — Miżuri tranżitorji — Regolament (KE) Nru 918/2004 — Kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema Komunitarja — Natura eżawrjenti)

ĠU C 267, 7.11.2009, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/12


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Settembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Handelsgericht Wien — l-Awstrija) — Budejovicky Budvar National Corporation vs Rudolf Ammersin GmbH

(Kawża C-478/07) (1)

(Trattati bilaterali bejn Stati Membri - Protezzjoni fi Stat Membru ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ta’ Stat Membru ieħor - Isem “Bud” - Użu tat-trade mark American Bud - Artikoli 28 KE u 30 KE - Regolament (KE) Nru 510/2006 - Qafas ta’ regoli Komunitarji ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini - Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka - Miżuri tranżitorji - Regolament (KE) Nru 918/2004 - Kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema Komunitarja - Natura eżawrjenti)

2009/C 267/21

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Budejovicky Budvar National Corporation

Konvenuta: Rudolf Ammersin Gmbh.

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Handelsgericht Wien — Interpretazzjoni tal-Artikoli 28 u 30 KE, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 918/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jintroduċi arranġamenti transitorji għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet ta’ oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel b’konnessjoni mal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, l-Latvja, l-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakja (ĠU L 163, p. 88) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, p. 12) — Isem li la jindika reġjun u lanqas parti mit-territorju tal-Istat ta’ oriġini, protett f’dan l-Istat Membru bħala indikazzjoni ġeografika kklassifikata u li jgawdi wkoll mill-protezzjoni tat-trade marks — Kundizzjonijiet, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Novembru 2003, Budejovický Budvar (C-216/01), li fihom il-protezzjoni assoluta ta’ isem bħal dan bħala indikazzjoni ġeografika tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 28 KE — Effett tan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ isem bħal dan fuq livell Komunitarju fuq iż-żamma tal-protezzjoni nazzjonali tagħha li kienet teżisti minn qabel u ta’ dik iggarantita minn ftehim bilaterali fi Stat Membru ieħor

Dispożittiv

1)

Mill-punt 101 tas-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar (C-216/01) jirriżulta li:

sabiex jiġi stabbilit jekk isem bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwxxi indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta li l-protezzjoni tagħha skont trattati bilaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont il-kundizzjonijiet ta’ fatt u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, dan l-isem, anki jekk mhuwiex, bħala tali, isem ġeografiku, huwiex tal-inqas idoneu sabiex jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem huwiex ġej minn reġjun jew minn parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru;

il-qorti tar-rinviju għandha, minbarra dan, tivverifika, mill-ġdid fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ fatt u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka jekk, hekk kif huwa indikat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, l-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx kiseb, fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-trattati bilaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew wara din id-data, natura ġenerika f’dan l-Istat Membru, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej diġà ddeċidiet, fil-punti 99 u 100 tal-istess sentenza, li l-għan tal-qafas ta’ regoli ta’ protezzjoni stabbilit minn dawn it-trattati jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skont l-Artikolu 30 KE;

fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni Komunitarja fil-qasam, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont il-liġi nazzjonali tagħha, jekk hemmx lok li tiġi ordnata stħarriġa tal-opinjoni sabiex jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet ta’ fatt u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġi vverifikat jekk l-isem “Bud” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kklassifikat bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta u li dan ma jkunx kiseb natura ġenerika f’dan l-Istat Membru. Huwa wkoll fir-rigward ta’ din l-istess liġi nazzjonali li l-qorti tar-riniju, jekk hija tqis neċessarju li tordna stħarriġa tal-opinjoni, għandha tistabbilixxi, għall-finijiet ta’ dawn il-verifiki, il-perċentwali ta’ konsumaturi kkunsidrata suffiċjentement sinjifikattiva, u

l-Artikolu 30 ma jimponix rekwiżit konkret għall-kwalità u għat-tul ta’ żmien tal-użu li jsir minn isem fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex il-protezzjoni tiegħu tkun iġġustifikata fir-rigward ta’ dan l-artikolu. Il-kwistjoni jekk tali rekwiżit japplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-liġi nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-qafas ta’ regoli ta’ protezzjoni previst bit-trattati bilaterali inkwistjoni.

2)

Il-qafas ta’ regoli Komunitarji ta’ protezzjoni li jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel għandu natura eżawrjenti b’mod li dan ir-regolament jipprekudi l-applikazzjoni ta’ qafas ta’ regoli ta’ protezzjoni previst minn trattati li jorbtu żewġ Stati Membri, bħat-trattati bilaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jagħtu lil isem, rikonoxxut skont il-liġi ta’ Stat Membru bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni tal-oriġini, protezzjoni fi Stat Membru ieħor fejn din il-protezzjoni hija effettivament mitluba minkejja li ma kinitx saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal din id-denominazzjoni tal-oriġini skont dan ir-regolament.


(1)  ĠU C 22, 26.01.2008


Top