This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IE2532
Opinion of the European Economic and Social Committee on how REIIs (Resources and Energy Intensive Industries) can take advantage of the EU Recovery Plan in their socially acceptable transition towards de-carbonisation and digitalisation (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jisfruttaw il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE fit-tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli tagħhom lejn id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jisfruttaw il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE fit-tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli tagħhom lejn id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2021/02532
ĠU C 152, 6.4.2022, p. 44–49
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 152/44 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jisfruttaw il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE fit-tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli tagħhom lejn id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2022/C 152/07)
Relatur: |
Andrés BARCELÓ DELGADO |
Korelatur: |
Enrico GIBELLIERI |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
25.3.2021 |
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) |
Adottata fis-sezzjoni |
10.11.2021 |
Adottata fil-plenarja |
8.12.2021 |
Sessjoni plenarja Nru |
565 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
151/0/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs) relatati jridu jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ġusta għall-industriji tal-UE li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. Dawn iridu iwasslu għall-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba f’dawn l-industriji, jinvolvu lill-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-NRRPs u jappoġġjaw it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. |
1.2. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku, biex jiġu evitati vantaġġi żbilanċjati għall-industrija skont l-approċċ ta’ kull Stat Membru. |
1.3. |
Il-KESE jemmen li t-tranżizzjoni industrijali mhux se tinkiseb jekk it-tranżizzjoni tal-enerġija ma tiġix implimentata. Għaldaqstant, id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ enerġija suffiċjenti u affordabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jagħmlu possibbli l-produzzjoni industrijali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se tkun kruċjali. Il-leġiżlaturi tal-UE u l-Istati Membri għandhom jibbilanċjaw id-disponibbiltà ta’ vetturi enerġetiċi flimkien mal-kost tagħhom, sabiex l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jkunu jistgħu jagħmlu t-tranżizzjoni industrijali u jikkompetu fix-xena internazzjonali. Barra minn hekk, in-newtralità teknoloġika se tkun fundamentali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs), filwaqt li jkun hemm konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU. |
1.4. |
L-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fit-tranżizzjoni industrijali huma fost l-elementi trasversali fundamentali ta’ dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. Madankollu, ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni fl-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija ma għandux jinftiehem ħażin: dan huwa għodda u mhux għan aħħari fih innifsu. |
1.5. |
Il-KESE jilqa’ s-seba’ oqsma ewlenin definiti mill-Kummissjoni fil-gwida tagħha lill-Istati Membri dwar l-NRRPs u l-ħtieġa li jiġu allokati minn tal-inqas 37 % tal-baġit totali għal azzjonijiet fil-qasam tal-investimenti klimatiċi, u minn tal-inqas 20 % fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni. Huwa jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jissorveljaw mill-qrib l-użu tal-fondi allokati sabiex jiġu ssodisfati dawn ir-rekwiżiti. |
1.6. |
Iż-żmien meħtieġ għall-kumpaniji f’industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija biex jagħmlu t-tranżizzjoni industrijali se jestendi lil hinn mid-durata tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jqisu dan u jistabbilixxu strumenti u regolamenti finanzjarji ġodda u adatti, sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni sħiħa lejn industrija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, lil hinn mill-2026. |
1.7. |
Peress li l-kumpaniji f’industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jeħtieġu attenzjoni speċjali fir-rigward tal-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw il-kumpaniji f’industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija fi triqithom lejn industrija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. |
1.8. |
Ir-rinnovazzjoni tal-bini se tiżgura perċentwal sostanzjali tal-effiċjenza enerġetika meħtieġa biex tintlaħaq soċjetà newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050. Il-KESE jappoġġja xogħlijiet u proġetti ddedikati għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika fil-bini permezz tar-rinnovazzjoni tal-involukru tal-bini u tal-installazzjonijiet. |
1.9. |
Il-KESE jiddefendi bil-qawwa l-iżvilupp ta’ sistema cloud li tkun tappartjeni għall-UE li twassal għall-indipendenza teknoloġika tal-UE. |
1.10. |
Il-ġestjoni tat-talent fi ħdan l-industrija tal-UE hija kruċjali biex it-trasformazzjoni industrijali tirnexxi. Il-Kummissjoni għalhekk għandha timmonitorja jekk il-programmi u l-attivitajiet żviluppati biex itejbu l-ħiliet ġodda humiex se jikkontribwixxu għal trasformazzjoni b’suċċess f’dan ir-rigward. |
2. Kuntest
2.1. |
Il-pandemija tal-COVID-19 irriżultat mhux biss f’emerġenza tas-saħħa madwar id-dinja, iżda wkoll fi kriżi ekonomika u soċjali. Din is-sitwazzjoni severa teħtieġ li dawk li jfasslu l-politika Ewropea jimplimentaw miżuri ta’ politika ewlenin biex jiġu stabbilizzati l-ekonomiji tal-Istati Membri Ewropej kollha. |
2.2. |
L-Unjoni Ewropea stabbiliet diversi mekkaniżmi taħt il-programm NextGenerationEU, bil-għan li tappoġġja lill-Istati Membri biex joħorġu aktar b’saħħithom mill-kriżi bl-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt rajna. Dan se jipprovdi EUR 1,8 triljun f’baġit fit-tul li se jintuża permezz ta’ strumenti differenti ffukati fuq il-modernizzazzjoni, ir-riċerka, it-tranżizzjoni klimatika u l-protezzjoni soċjali. |
2.3. |
Wieħed mill-istrumenti ta’ NextGenerationEU huwa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se tiffoka fuq it-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali diretta kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-promozzjoni tat-“tranżizzjoni doppja” lejn soċjetà dekarbonizzata u diġitali. |
2.4. |
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tinkludi somma totali ta’ EUR 672,5 biljun, li se jitqassmu bħala self (EUR 360 biljun) u għotjiet (EUR 312,5 biljun), disponibbli biex jappoġġjaw riformi u investimenti magħmula mill-Istati Membri bil-għan ta’ rkupru sostenibbli. |
2.5. |
Dan il-finanzjament se jiġi allokat taħt l-NRRPs tal-Istati Membri, li se jinkludu r-riformi u l-investimenti meħtieġa, u se jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti mfassla mill-Kunsill bħala parti mill-qafas ta’ governanza tas-Semestru Ewropew, sabiex jikkontribwixxu għall-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-UE għall-2021. |
2.6. |
Il-Kummissjoni Ewropea ddefiniet l-oqsma tal-inizjattivi ewlenin fejn il-linji ta’ azzjoni speċifiċi jeħtieġ li jiġu definiti minn kull Stat Membru:
L-oqsma tal-inizjattivi ewlenin ġew definiti biex jippermettu li l-azzjonijiet meħuda jagħtu kontribut sostanzjali għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-UE. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, permezz tal-oqsma ta’ żvilupp promossi mill-Istati Membri, allinjata mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew, se tagħti n-nifs meħtieġ lill-organizzazzjonijiet li ntlaqtu mis-sitwazzjoni ekonomika kkawżata mill-pandemija. Hija se tgħin b’mod speċjali lis-setturi ekonomiċi, bħall-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, li diġà kienu jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli (minħabba l-piż regolatorju għoli u l-kompetizzjoni inġusta minn xi pajjiżi terzi) u li ntlaqtu serjament miċ-ċirkostanzi attwali. |
2.7. |
L-istrateġija ta’ rkupru, li tibni fuq l-istrateġija industrijali tal-UE u l-aġġornament tagħha għall-2021, se sservi biex tgħin biex jintlaħaq l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 u l-mira riveduta tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkollha rwol ewlieni sabiex jiġu indirizzati l-investimenti enormi li għandhom isiru mill-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-isforzi meħtieġa biex jinbena suq uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-UE jridu jiġu appoġġjati minn sħubijiet b’saħħithom bejn l-UE, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, l-industrija u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. L-istrateġija ta’ rkupru se ssaħħaħ ukoll il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, li jappoġġja reġjuni li jiddependu fuq l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija u li għaddejjin minn tibdil strutturali. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Il-pjan ta’ rkupru tal-UE jinkludi aspett ewlieni fit-tranżizzjoni sostenibbli lejn ekonomija dekarbonizzata u diġitalizzata u jenfasizza l-fatt li l-aspirazzjoni ta’ tranżizzjoni doppja tal-UE teħtieġ responsabbiltà politika, flimkien ma’ impenn politiku u/jew regoli tad-deheb. Il-KESE jaqbel mal-oqsma tal-inizjattivi ewlenin proposti, li se jiffokaw l-investiment fuq uħud mill-oqsma l-aktar rilevanti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti filwaqt li jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri klimatiċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-2030 (tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-1990) u għall-2050 (emissjonijiet netti żero tal-gassijiet serra). |
3.2. |
Il-pandemija ħolqot il-ħtieġa li jinħoloq perkors komuni li fih ir-regoli jiġu definiti globalment u applikati b’mod omoġenju mir-reġjuni kollha, u b’hekk jiġi indirizzat ir-riskju potenzjali ta’ frammentazzjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni mixxellanja tar-riżorsi. Il-kriżi li rriżultat mill-pandemija u l-ħtieġa għal tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, reżiljenti u flessibbli jistgħu jipprovdu opportunità kbira biex jiġu definiti r-regoli li jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-UE. |
3.3. |
Għal dan il-għan, is-sitwazzjoni prekarja attwali tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jeħtieġ li tiġi vvalutata sew, flimkien mal-impatt li n-natura kontinwa ta’ dawn il-kundizzjonijiet jista’ jkollha fuq l-ekonomija Ewropea kollha kemm hi. Għandu jitqies il-kontribut tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija għall-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-fatt li huma fuq quddiem nett fl-innovazzjoni, huma responsabbli għall-ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità għolja u jikkontribwixxu għall-benesseri fit-tul għas-soċjetà b’mod ġenerali. Servizz pubbliku b’saħħtu jeħtieġ li jkun xprunat mis-settur privat. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni li wħud mill-NRRPs diġà approvati juru fir-rigward tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, peress li l-investimenti xi kultant jiġu ddevjati lejn setturi ekonomiċi oħra. |
3.4. |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat l-impetu li l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jipprovdu f’termini ta’ riċerka u żvilupp, peress li jikkostitwixxi qasam ewlieni li fi ħdanu l-innovazzjoni fil-laboratorju tiġi applikata fuq skala akbar fil-livell industrijali. |
3.5. |
L-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija huma potenzjalment wieħed mill-akbar kontributuri għat-tranżizzjoni industrijali li se tiżgura Ewropa b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-industrija għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżviluppa u tintroduċi proċessi ta’ produzzjoni b’livell baxx ta’ karbonju u tippromovihom tul il-ktajjen tal-provvista kumplessi. Mingħajr dan ix-xogħol fuq ġewwa u barra, se jkun diffiċli li jintlaħqu l-għanijiet essenzjali, iżda ambizzjużi, definiti fil-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet stabbiliti mill-UE. |
3.6. |
L-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni se jkollhom rwol ewlieni fil-kisba ta’ din it-tranżizzjoni industrijali. Madankollu, il-kunċetti m’għandhomx jiġu konfużi: it-trasformazzjoni hija l-għan, id-diġitalizzazzjoni hija l-għodda. L-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali se tissemplifika l-mod kif in-nies jaħsbu, jieħdu deċiżjonijiet u jwettqu: għalkemm id-diġitalizzazzjoni jeħtieġ li tkun prijorità għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-enfasi għandha tkun fuq kif dawn l-għodod se jippermettu approċċ aktar effiċjenti għall-isfidi li qed niffaċċjaw. |
3.7. |
It-trasformazzjoni diġitali se teħtieġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ppruvati fuq skala pilota jew tal-laboratorju fuq skala industrijali. Għal dan il-għan, is-sħubijiet pubbliċi u privati għandhom jiffukaw fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. L-investiment għandu jiffoka fuq teknoloġija li minn kmieni turi l-iskalabbiltà, il-fattibbiltà u l-affidabbiltà tas-soluzzjonijiet innovattivi fil-partijiet superjuri tal-ktajjen tal-valur, u li tkun konformi mal-għanijiet tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li jiġi ppjanat perjodu ta’ konverżjoni li matulu s-soluzzjonijiet innovattivi jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod adegwat fuq skala industrijali. |
3.8. |
Sabiex din is-sitwazzjoni tkun tista’ tiġi ġestita b’mod effettiv, it-tranżizzjoni għandha tkun iffukata fuq l-għarfien miksub, ir-riżorsi diġà disponibbli u s-sinerġiji potenzjali li jistgħu jinħolqu. It-trasformazzjoni tinvolvi l-innovazzjoni, l-invenzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni u, fil-fatt, l-iżvilupp; iżda dan m’għandux ifisser kreazzjonijiet ġodda per se. |
3.9. |
Il-KESE huwa konxju tal-investiment li din it-tranżizzjoni se teħtieġ. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u n-NextGenerationEU ma għandhomx jitqiesu bħala s-soluzzjoni għal kollox. It-trasformazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni doppja se teħtieġ pjan ta’ investiment massiv, li jimmobilizza ħafna sorsi ta’ finanzjament addizzjonali (eż. għajnuna mill-Istat, proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE, dħul futur mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, investimenti privati, eċċ.). Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-politiki industrijali u tal-enerġija jiġu rikonċiljati mal-politika dwar il-klima, sabiex jiġu mobilizzati l-investimenti enormi kollha meħtieġa mit-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku mingħajr emissjonijiet tal-karbonju. |
3.10. |
Il-KESE jemmen li għandhom isiru sforzi biex jiġi kkoordinat l-appoġġ mogħti permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jiġu trasformati bi programmi ta’ finanzjament pubbliċi-privati eżistenti bħal SPIRE jew is-Sħubija għall-Azzar Nadif. L-alleanzi tal-industrija għandhom jintużaw bħala pjattaformi biex irawmu sinerġiji fit-tul bejn il-proġetti ffinanzjati permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi eżistenti tal-UE, biex jixprunaw it-trasformazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. |
3.11. |
Ġiet identifikata l-ħtieġa li l-appoġġ finanzjarju pprovdut permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiġi akkumpanjat minn riforma tat-taxxa ambizzjuża. Din għandha tkun allinjata mal-ftehim tal-OECD biex jiġi żgurat li mill-2023 il-korporazzjonijiet bi profitt għoli jkunu soġġetti għal rata tat-taxxa korporattiva effettiva ta’ 15 %. |
3.12. |
L-għan ewlieni tal-iżborż ta’ għotjiet lill-kumpaniji għandu jkun li tinżamm il-kompetittività internazzjonali tal-industrija tal-UE filwaqt li jkun hemm konformità mal-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-UE, biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni doppja tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej. |
3.13. |
Kif intqal hawn fuq, il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE se jkun kruċjali għat-trasformazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, u jikkontribwixxi wkoll għall-metamorfożi ta’ setturi ekonomiċi oħra fir-rigward tat-tranżizzjoni doppja. Din il-konverżjoni wiesgħa se teħtieġ perjodi ta’ adattament u tranżizzjoni fit-tul, speċjalment fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-kapital uman. Il-KESE jissuġġerixxi bil-qawwa li l-mekkaniżmi ta’ investiment jiġu estiżi lil hinn mill-2026, u li jiġu definiti sew interkonnessjonijiet rigorużi u ċari bejniethom. |
4. Kummenti speċifiċi
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-industrija jipproponu investimenti u riformi bl-akbar impatt trasformattiv, f’termini tat-tilħiq tal-għanijiet finali stabbiliti, fl-oqsma ewlenin definiti mill-Kummissjoni. Ma jistax jiġi injorat li l-ispejjeż involuti fit-tilħiq tal-għanijiet assoċjati ma’ din it-tranżizzjoni doppja għandhom ikunu affordabbli għas-soċjetà kollha.
4.1. IMPULS ĠDID – teknoloġiji nodfa u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli
4.1.1. |
It-tranżizzjoni industrijali mhux se tinkiseb jekk it-tranżizzjoni tal-enerġija ma tiġix implimentata. Id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija se tiddependi direttament mid-disponibbiltà ta’ sorsi tal-enerġija suffiċjenti u affordabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jagħmlu l-produzzjoni industrijali b’livell baxx ta’ karbonju possibbli. L-iżgurar ta’ ġenerazzjoni suffiċjenti ta’ enerġija dekarbonizzata b’mod affidabbli se jkun kruċjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u diġitali. Bl-istess mod, hemm bżonn ta’ investiment enormi biex tiġi żviluppata jew tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa għat-trasport, il-ħżin u d-distribuzzjoni ta’ dawn il-volumi mingħajr preċedent ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru, u b’mod partikolari tar-riformi proposti, għandha tiffoka fuq l-iżgurar ta’ prezzijiet tal-enerġija kompetittivi, stabbli u prevedibbli, b’hekk jiġi limitat l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-inflazzjoni, li jista’ jipperikola l-irkupru tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija u s-soċjetà inġenerali. |
4.1.2. |
Il-KESE jaqbel li n-newtralità teknoloġika hija essenzjali waqt l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru: it-teknoloġiji kollha b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (l-enerġija rinnovabbli, l-idroġenu ekoloġiku, ir-reattur tal-fużjoni, eċċ…) iridu jiġu inklużi f’din it-tranżizzjoni dment li huma jkunu konformi mal-objettivi klimatiċi tal-2030 u tal-2050 kif ukoll mal-SDGs tan-NU. L-ebda teknoloġija ma għandha tiġi eskluża mill-ewwel jew b’mod arbitrarju. Il-kriterji tal-allokazzjoni tar-riżorsi għandhom jiffukaw fuq l-iżgurar ta’ prezzijiet tal-enerġija kompetittivi għall-konsumaturi aħħarin irrispettivament mit-teknoloġija nnifisha. |
4.1.3. |
Għal dan il-għan, jista’ jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat mhux biss l-ikkombinar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kompetittivi differenti, iżda wkoll il-kombinazzjoni tagħhom mat-teknoloġiji tal-qbid, il-ħżin u l-użu tal-karbonju, mingħajr ma jintesa r-rwol li se jkollha l-interkonnessjoni tal-enerġija bejn Stati Membri differenti. Irid ikun hemm regolamentazzjoni suffiċjenti u omoġenja biex jinħoloq argument għall-vijabbiltà tal-investimenti u biex dawn it-teknoloġiji jkunu jistgħu jiġu implimentati. |
4.1.4. |
Minbarra d-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet enerġetiċi u teknoloġiċi affordabbli, l-effiċjenza enerġetika trid tiġi kkunsidrata sew. Ix-xenarji kollha identifikati mill-istrateġija fit-tul tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex jintlaħqu l-objettivi tan-newtralità klimatika għall-2050 jattribwixxu rwol importanti lill-iffrankar tal-enerġija (1). Il-bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari għandha wkoll rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi mill-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. |
4.1.5. |
Fir-rigward tar-riskju ta’ kompetizzjoni inġusta msemmija hawn fuq, u bil-għan li jiġu evitati u mmitigati r-riskji li tista’ tinvolvi r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, dan għandu jiġi ttrattat kif imiss fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Huwa importanti li ma jiġux injorati l-miżuri jew is-sistemi li ħadmu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, iżda li jissaħħu b’mekkaniżmi addizzjonali jew komplementari (mhux alternattivi) meta jkun meħtieġ. |
4.1.6. |
Wara li jiġu vvalutati l-fatturi ewlenin potenzjali kollha li jeħtieġ li jiġu ttrattati taħt l-inizjattiva ewlenija IMPULS ĠDID, id-dubju ewlieni huwa kif l-UE se tkun tista’ tforni l-ammont bla preċedent ta’ enerġija meħtieġa mis-soċjetà. |
4.2. RINNOVAZZJONI – effiċjenza enerġetika tal-bini
4.2.1. |
It-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ bini eżistenti u ġdid se jirrikjedi materjali u tagħmir intelliġenti, li se jikkontribwixxu għal tranżizzjoni sostenibbli. Nifhmu li l-materjali intelliġenti huma materjali ekoloġiċi jew proċessi ta’ produzzjoni sostenibbli biex niksbuhom. |
4.2.2. |
Il-KESE jinsab fiduċjuż li, sabiex jikkontribwixxu b’mod olistiku għall-għanijiet definiti mill-Kummissjoni Ewropea, il-materjali intelliġenti (u l-proċessi ta’ produzzjoni sostenibbli assoċjati magħhom) se jiġu promossi aktar minn bħalissa. It-tagħmir ukoll għandu jiġi inkluż: l-effiċjenza enerġetika mhux se tinkiseb jekk niffukaw biss fuq l-involukru tal-bini; it-tagħmir u s-sistemi jridu jiġu vvalutati, imġedda u interkonnessi b’mod adegwat. Dan jista’ jwassal biex jitnedew swieq tal-materjali intelliġenti u, possibbilment, il-proċessi tal-akkwist pubbliku jaġixxu bħala punt tat-tluq prattiku. |
4.3. L-IĊĊARĠJAR u R-RIFORNIMENT TAL-FJUWIL – trasport sostenibbli u stazzjonijiet tal-iċċarġjar
4.3.1. |
L-istrateġija Ewropea għandha tagħmel sforz kbir biex tiddefinixxi pjan direzzjonali ċar għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi li huma diffiċli biex jiġu elettrifikati (it-trasport bit-triq fuq distanzi twal u permezz ta’ vetturi kbar, l-avjazzjoni, it-trasport marittimu, eċċ.). |
4.3.2. |
Strateġija dwar il-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u alleanza tal-katina tal-valur tal-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se jgħinu biex is-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu jiġu dekarbonizzati, filwaqt li jikkomplementaw l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq permezz tal-elettrifikazzjoni, fost alternattivi oħra. B’dan il-mod, l-aċċess għal mobbiltà affordabbli għal kulħadd se jkun garantit. Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport se ssir abbażi ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, li bħala l-ewwel approċċ tissostitwixxi l-aktar modi ta’ trasport li jħallu impatt, filwaqt li jiġu żgurati biżżejjed perjodi ta’ tranżizzjoni għal utenti bi dħul baxx permezz ta’ fjuwils sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. |
4.4. KONNESSJONI – introduzzjoni ta’ servizzi veloċi tal-broadband
4.4.1. |
Il-KESE huwa konxju tal-importanza tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fit-tranżizzjoni industrijali li qed niffaċċjaw, peress li huma fost l-elementi fundamentali trasversali ta’ dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. |
4.4.2. |
Jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għall-industrija sabiex tittejjeb l-awtomatizzazzjoni tas-sistemi. Imbagħad tista’ tiġi pprovduta informazzjoni ta’ kwalità tajba permezz ta’ għodod diġitali biex il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet isiru aktar effiċjenti. |
4.4.3. |
Dan se jirrikjedi investiment mhux biss fit-teknoloġija, iżda wkoll fit-taħriġ tal-ħaddiema u tas-soċjetà b’mod ġenerali fil-ħiliet diġitali, l-adozzjoni tal-ħsieb diġitali u l-introduzzjoni ta’ regolamentazzjoni u għodod adatti li jiggarantixxu ċ-ċibersigurtà, fost affarijiet oħra. |
4.5. MODERNIZZAZZJONI – id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika
4.5.1. |
Il-KESE jifhem ir-rilevanza li d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika jista’ jkollha biex jiġu miġġielda l-piżijiet amministrattivi eċċessivi li l-industrija spiss issofri minnhom. Madankollu, din it-tranżizzjoni diġitali jeħtieġ li tkun ibbażata fuq analiżi reali tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, fejn ir-riżorsi jiġu assenjati kif imiss abbażi ta’ kriterji tekniċi (din l-analiżi trid titqies bħala lil hinn mill-mira nnifisha). |
4.6. ESPANSJONI – kapaċitajiet tal-cloud tad-data u proċessuri sostenibbli
4.6.1. |
Ġestjoni tajba tad-data ser twassal għal bidla deċiżiva fit-teħid ta’ deċiżjonijiet preċiżi, l-iżvilupp ta’ intelligence kummerċjali, is-soluzzjoni effiċjenti tal-problemi u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi, li lkoll huma kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ta’ suċċess. Jeħtieġ li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex jiġi żgurat l-involviment tat-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet fit-twettiq ta’ din l-inizjattiva, li jiggarantixxu riżorsi ta’ data ekwitabbli li jwasslu għal tranżizzjoni ekwa. |
4.6.2. |
Fir-rigward tal-indipendenza strateġika, l-UE għandha tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-cloud tagħha stess li jippermettu s-sovranità teknoloġika, filwaqt li tiġi evitata d-dipendenza teknoloġika minn pajjiżi terzi. |
4.7. TAĦRIĠ MILL-ĠDID u TITJIB TAL-ĦILIET – edukazzjoni u taħriġ biex jiġu appoġġjati l-ħiliet diġitali
4.7.1. |
It-tranżizzjoni li qed niffaċċjaw mhux se tkun possibbli jekk ma tkunx ibbażata fuq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tas-soċjetà attwali u futura, kif ukoll fuq il-kunċett ta’ tranżizzjoni ġusta. |
4.7.2. |
Il-vantaġġ kompetittiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea huwa l-kapital uman tagħna. L-Ewropa hija nieqsa mill-materja prima, l-istandards tal-għajxien tagħna huma l-ogħla fid-dinja u l-qafas regolatorju tagħna huwa pjuttost esiġenti: dan ifisser li l-akbar vantaġġ tagħna huwa l-produttività għolja, xprunata mill-kapital uman u d-diversità rikka tagħna. |
4.7.3. |
Il-bini tal-kapaċitajiet u l-proġetti li jiddefinixxu l-ħiliet ewlenin se jkunu essenzjali sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni industrijali effettiva li tiffoka fuq l-ugwaljana u fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Għal dan il-għan, it-taħriġ fl-isfidi l-ġodda li se jirriżultaw jeħtieġ li jiġi promoss fil-livelli kollha tas-soċjetà (minn ħaddiema li bħalissa huma attivi sa dawk futuri). |
4.7.4. |
Il-ħsieb innovattiv se jkun kruċjali għall-proċessi futuri tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn il-kapaċitajiet għandhom ikunu parti mill-programmi ta’ taħriġ. Barra minn hekk, fil-futur qarib se jkun hemm domanda kbira għall-ħiliet diġitali. Ir-riżorsi umani jeħtieġ li jiffokaw fuq li jippruvaw jimlew dawn il-lakuni, bil-għan li jiżguraw organizzazzjonijiet kompetittivi b’persunal li huwa idoneu għall-iskop. |
Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://knowledge4policy.ec.europa.eu/publication/depth-analysis-support-com2018-773-clean-planet-all-european-strategic-long-term-vision_en.