EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE4708

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u li timplimenta b’mod xieraq miżura globali bbażata fuq is-suq” (COM(2021) 552 final)

EESC 2021/04708

ĠU C 152, 6.4.2022, p. 152–157 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/152


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u li timplimenta b’mod xieraq miżura globali bbażata fuq is-suq”

(COM(2021) 552 final)

(2022/C 152/25)

Relatur Ġenerali:

Dumitru FORNEA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.9.2021

Parlament Ewropew, 13.9.2021

Bażi legali

Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

9.11.2021

Adottata fil-plenarja

8.12.2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/3/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni hija pass milqugħ tajjeb fit-tnaqqis tal-impatt fuq il-klima tas-settur tal-avjazzjoni. Aħna nappoġġjaw l-emendi proposti, iżda nenfasizzaw il-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u li jiġu protetti d-drittijiet soċjali u tax-xogħol. Filwaqt li mhux l-akbar emittent ta’ emissjonijiet fis-soċjetà jew tabilħaqq fit-trasport, is-settur tal-avjazzjoni u l-partijiet ikkonċernati kollha tas-settur jeħtiġilhom jaqdu r-rwol tagħhom biex jgħinuna niksbu industrija tal-avjazzjoni sostenibbli. Dan jista’ jsir biss permezz tad-djalogu soċjali u l-involviment mat-trade unions fis-settur, li għandhom rwol kritiku fit-tranżizzjoni klimatika.

1.2.

B’mod ġenerali, aħna kontra l-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS), sakemm ma jkunx għall-finijiet li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta. Fil-każ ta’ titjiriet fi ħdan iż-ŻEE, hemm anqas riskju għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni; madankollu, għandna nibqgħu viġilanti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b’mod partikolari fit-traffiku ta’ titjiriet ta’ divertiment u fit-tul. Għalhekk, aħna nappoġġjaw iż-żamma tad-data proposta tal-2027 għat-tneħħija sħiħa tal-kwoti bla ħlas u, sadanittant, naġġustaw l-allokazzjonijiet tal-kwoti bla ħlas biex jiffokaw fuq il-kompetizzjoni ġusta. Permezz ta’ dan, nistgħu nimplimentaw l-ETS, intejbu l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u nnaqsu l-livell ta’ kwoti bla ħlas, filwaqt li nevitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq.

1.3.

Huwa essenzjali li l-proposta taġixxi biex tipproteġi l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni sabiex tappoġġja lill-kumpaniji li jipprovdu standards deċenti tax-xogħol u soċjali. Huwa importanti wkoll li jiġu evitati effetti negattivi fit-tul fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol minħabba kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji li ma jkunux qed joperaw taħt l-ETS. Għaldaqstant, nirrakkomandaw it-tnedija ta’ “valutazzjoni tal-impatt soċjali” li tqis ir-rabta bejn l-applikazzjoni tal-ETS, il-kompetizzjoni ġusta, u l-ħsara soċjali potenzjali tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, nipproponu żewġ valutazzjonijiet ta’ nofs it-terminu, li janalizzaw l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku tal-ETS emendata. Dan għandu jsir sentejn u erba’ snin wara li l-ETS emendata tidħol fis-seħħ u għandu jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati kollha b’opportunità li jirrevedu l-applikazzjoni tal-ETS u l-għanijiet tal-programm. Dawn il-valutazzjonijiet se jipprovdu wkoll opportunità biex jiġi vverifikat l-irkupru tal-industrija meta mqabbla mal-għanijiet tal-ETS.

1.4.

L-intermedjarji finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ETS tal-EU, sabiex ikunu biss l-istallazzjonijiet li jarmu d-dijossidu tal-karbonju fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom li jitħallew jinnegozjaw il-kwoti tal-emissjonijiet. Dan biex jiġi eliminat kull riskju ta’ spekulazzjoni u huwa simili għall-approċċ Ċiniż, li pprojbixxa lill-istituzzjonijiet finanzjarji milli jipparteċipaw fis-sistema tagħhom tal-iskambju tal-kwoti.

1.5.

Il-maġġoranza tat-traffiku barra miż-ŻEE jgħaddi minn ċentri prinċipali fi ħdan jew barra miż-ŻEE. Bħalissa, il-biċċa l-kbira tal-passiġġieri għandhom għadd ta’ għażliet għat-titjira barra miż-ŻEE tagħhom kemm permezz ta’ ċentri interni kif ukoll dawk esterni. Madankollu, biż-żieda fil-kost tal-ETS, hemm riskju sinifikanti li l-operaturi taż-ŻEE se jiġu mminati minn operazzjonijiet orħos ibbażati f’ċentri barra miż-ŻEE. Biex jiġi indirizzat dan ir-riskju, l-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas tal-ETS għandha tiġi sostitwita b’mekkaniżmu mmirat kontra żvantaġġi kompetittivi sabiex jiġu protetti l-linji tal-ajru Ewropej u ċ-ċentri Ewropej.

1.6.

L-UE jeħtiġilha tippromovi regolament globali aktar ambizzjuż u uniformi dwar l-ipprezzar tal-karbonju, u għandu jkollha mandat biex tinnegozja dan fil-livell globali. Minbarra l-mandat globali tagħha, nipproponu l-applikazzjoni ta’ wieħed jew tat-tnejn minn dawn il-mekkaniżmi sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni ġusta u sostenibbli tal-ETS u tiġi appoġġata bażi ta’ applikazzjoni usa’ fit-terminu qasir:

(a)

l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera;

(b)

is-sostituzzjoni tas-sistema ta’ allokazzjoni bla ħlas bi protezzjoni mmirata kontra kompetizzjoni inġusta.

1.7.

L-ETS għandha tappoġġja bidla lejn modi ta’ trasport aktar sostenibbli, inkluż fis-settur tal-avjazzjoni, u għalhekk għandha tippromovi tnaqqis fl-użu tal-avjazzjoni għal skopijiet ta’ negozju. L-ETS għandha tħeġġeġ l-użu ta’ trasport tal-massa sostenibbli u għalhekk iġġiegħel lill-utenti kummerċjali tal-ġettijiet biex iħallsu imposti ogħla.

1.8.

Id-dħul mill-ETS għandu jiġi investit fi proġetti ta’ żvilupp li se jkomplu jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni, billi jappoġġjaw tnaqqis fil-kost u użu akbar ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Għandu jappoġġja wkoll it-tranżizzjoni tal-ajruporti, tal-fornituri tal-fjuwils u tal-ground handlers għal regolamenti ġodda li qed jiġu imposti fuq l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-ajruporti Ewropej permezz tal-proposta ReFuelEU. Id-dħul għandu jappoġġja wkoll tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema fl-industrija tal-avjazzjoni li ġew affettwati b’mod negattiv mit-tibdil fil-klima. Sabiex dan jiġi implimentat, għandu jinħoloq fond soċjali tal-avjazzjoni li se jippermetti t-taħriġ u t-tranżizzjoni tal-ħaddiema tal-avjazzjoni. Tali fond jista’ jiġi ġestit mill-Kummissjoni Ewropea, bl-appoġġ kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tat-trade unions.

1.9.

Permezz tal-ETS, il-proposta għandha tħeġġeġ lill-operaturi jiżviluppaw networks tat-trasport intermodali fiċ-ċentri ewlenin tagħhom sabiex jespandu għal network akbar ta’ destinazzjonijiet, filwaqt li tnaqqas ukoll titjiriet qosra ħafna bla bżonn. Dan jista’ jsir billi jiżdied il-livell ta’ kwoti bla ħlas xi mkien ieħor fin-network tal-linja tal-ajru għal żoni li ma għandhomx konnessjonijiet ferrovjarji konvenjenti.

1.10.

L-UE għandha timpenja ruħha mal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, mal-kumitati tad-djalogu soċjali settorjali u ma’ fora konġunti oħrajn, bħar-Roundtable dwar l-Avjazzjoni, dwar l-impatt kontinwu tal-ETS riveduta matul l-implimentazzjoni tagħha. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lid-djalogu soċjali mal-ħaddiema u l-fehim tal-ħtiġijiet u t-tħassib li għandhom fir-rigward tal-avjazzjoni sostenibbli.

1.11.

L-istatus speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE għandu jinżamm u tali reġjuni għandhom ikunu eżentati mill-ETS skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, li jippermetti derogi mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE f’dawn ir-reġjuni.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Aħna nilqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha. Filwaqt li mhux l-akbar emittent ta’ emissjonijiet fis-soċjetà jew tabilħaqq fit-trasport, l-avjazzjoni u l-partijiet ikkonċernati kollha tagħha jeħtiġilhom jaqdu r-rwol tagħhom biex jgħinuna niksbu industrija tal-avjazzjoni sostenibbli u biex nilħqu l-objettivi klimatiċi tagħna, kif deskritti fil-Ftehim ta’ Pariġi u fil-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”.

2.2.

Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u d-djalogu soċjali, ħafna mit-theddidiet soċjali u ekonomiċi għall-ħaddiema fis-settur tal-avjazzjoni jistgħu jiġu mmitigati, u aħna nilqgħu l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari t-trade unions u l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, ikunu involuti fis-suġġetti tat-tibdil fil-klima u tranżizzjoni ġusta matul l-iżvilupp ta’ din il-proposta, kif ukoll matul il-ħidma futura kollha dwar l-avjazzjoni sostenibbli.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Kunsiderazzjoni tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19

3.1.1.

L-industrija tal-avjazzjoni kienet fost l-aktar milquta matul il-pandemija reċenti tal-COVID-19 u, għaldaqstant, din il-proposta għandha tqis li tagħti lill-industrija tal-avjazzjoni l-ispazju u ż-żmien li teħtieġ biex tirkupra. Madankollu, sar ċar li l-industrija tal-avjazzjoni għandha problema inerenti ta’ sostenibbiltà, kemm mil-lat soċjali kif ukoll dak ambjentali, u kwalunkwe rkupru, inkluż kwalunkwe appoġġ li jingħata lis-settur, irid iqis l-isforzi magħmula biex l-industrija ssir aktar sostenibbli fit-tul.

3.1.2.

Id-data ppubblikata mill-Eurocontrol turi li s-settur tal-avjazzjoni għad għandu triq twila biex jirkupra għal-livelli tat-traffiku tal-2019. Fis-sajf tal-2021, il-livelli tat-traffiku reġgħu lura għal 70 % biss tal-livelli tal-2019 (2), u l-aspettattiva ġenerali tal-Eurocontrol hija li l-livelli tat-traffiku tal-2019 se jerġgħu jinkisbu biss fl-2023 (3). Minħabba dan, huwa ċar li l-industrija tal-avjazzjoni għandha, u se jkompli jkollha, livelli mnaqqsa ta’ traffiku sa wara l-bidu tal-2023. Barra minn hekk, il-ħaddiema ġew affettwati b’mod proporzjonali mit-tnaqqis fit-traffiku. Minkejja li l-informazzjoni dwar dan għadha diffiċli biex tinkiseb, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) tistma li madwar 60 % tal-ħaddiema tal-persunal fuq l-art ma kinux qegħdin jaħdmu matul il-pandemija (4). Il-ħolqien ta’ kwalunkwe miżura li tfixkel il-kompetizzjoni matul dan il-perjodu ta’ rkupru jista’ jkollu konsegwenzi negattivi kemm fuq il-ħaddiema kif ukoll fuq l-industrija kollha kemm hi.

3.1.3.

Madankollu, aħna nappoġġjaw biss l-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas fi ħdan l-ETS biex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni jew tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Għandha tingħata kunsiderazzjoni għar-rilokazzjoni potenzjali tal-emissjonijiet tal-karbonju li tista’ sseħħ mil-linji tal-ajru li jaqilbu għal destinazzjonijiet orħos, b’mod partikolari fis-suq ta’ titijiriet rikreattivi. Għad hemm riskju li ħafna destinazzjonijiet tipiċi rikreattivi jistgħu jitħallew barra filwaqt li jiġu ffavoriti destinazzjonijiet barra miż-ŻEE, peress li jipprovdu imposti orħos fuq l-emissjonijiet meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom fiż-ŻEE. Għandha tingħata aktar kunsiderazzjoni lit-titjiriet barra miż-ŻEE peress li hemm theddida sinifikanti ta’ operaturi ta’ pajjiżi terzi li jisfruttaw l-ETS u li jiżbilanċjaw il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

3.1.4.

Għaldaqstant, hija l-fehma tagħna li filwaqt li d-data tat-tneħħija tal-kwoti bla ħlas għandha tibqa’ stabbilita għall-2027, il-kwoti bla ħlas għandhom jingħataw biss biex tiġi mħarsa l-kompetizzjoni ġusta. Permezz ta’ dan, din il-proposta tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha u tipproteġi l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni hekk kif l-industrija tipprova tirkupra u tikkompeti taħt l-ETS il-ġdida.

3.2.   Kompetizzjoni ġusta u rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju

3.2.1.

L-avjazzjoni hija industrija globali mobbli ħafna u liberalizzata ħafna. Għalhekk, is-settur huwa suxxettibbli għal kompetizzjoni sinifikanti, li ħafna minnha tfixkel jew għandha l-potenzjal li tfixkel is-suq. Dan jista’ jidher b’mod ċar fil-kwistjonijiet soċjali li qed jiffaċċja s-suq tal-avjazzjoni, fejn il-kumpaniji użaw kundizzjonijiet soċjali favorevoli fiż-ŻEE u f’pajjiżi terzi biex jisfruttaw il-ħaddiema u jnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol. Din il-prattika issa hija komuni fl-avjazzjoni u hija ta’ twissija għalina meta jitqiesu l-kostijiet ambjentali. Għaldaqstant, hija meħtieġa leġiżlazzjoni b’saħħitha biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew sfruttament tal-ETS minn pajjiżi jew kumpaniji, b’mod partikolari dawk barra mill-iskema. Dan huwa l-aktar rilevanti meta jitqies it-traffiku interkontinentali, pereżempju dawk il-passiġġieri li jgħaddu miż-ŻEE minflok ma jkollhom il-punt tat-tluq jew id-destinazzjoni tal-wasla tagħhom fiż-ŻEE, jew dawk li jitilqu jew jaslu miż-ŻEE iżda li jgħaddu minn ċentri mhux taż-ŻEE.

3.2.2.

Aħna nilqgħu l-proposta li tiġi inkorporata l-applikazzjoni sħiħa tal-ETS fuq it-titjiriet kollha fiż-ŻEE peress li dan se jgħin biex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq. Aħna nappoġġjaw ukoll l-intenzjoni tal-proposta li jiġu eliminati l-kwoti bla ħlas, iżda nisħqu li tali kwoti għandhom jingħataw biss sabiex tinżamm kompetizzjoni ġusta. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-applikazzjoni ma għandux ikun limitat għall-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru iżda għandu jiġi estiż biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn iċ-ċentri taż-ŻEE u mhux taż-ŻEE li jikkompetu għat-traffiku ta’ konnessjoni, kif ukoll għad-destinazzjonijiet rikreattivi li jikkompetu ma’ destinazzjonijiet mhux taż-ŻEE.

3.2.3.

Fir-rigward tat-traffiku ta’ titjiriet fit-tul, it-trasportaturi u ċ-ċentri ewlenin taż-ŻEE jiffaċċjaw kompetizzjoni sinifikanti mit-trasportaturi tal-ajru u miċ-ċentri fil-Lvant Nofsani. Din il-kompetizzjoni tinħass l-aktar meta l-passiġġieri ma jaslux fiż-ŻEE, iżda minflok ikunu fi tranżitu waqt l-ivvjaġġar interkontinentali, jew meta jitilqu jew jaslu fiż-ŻEE iżda jkollhom titjira ta’ konnessjoni f’ċentru mhux taż-ŻEE. Minħabba l-prossimità ta’ ċentri ewlenin oħrajn tal-avjazzjoni barra miż-ŻEE, jeħtiġilna niżguraw li l-linji tal-ajru jkunu jistgħu jibqgħu kompetittivi f’dan is-suq. B’mod ġenerali, it-trasportaturi tradizzjonali f’dan is-suq għandhom livelli għoljin ta’ standards soċjali u xogħol deċenti. F’reġjuni oħrajn, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Golf, il-ħaddiema huma mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, bħal-libertà ta’ assoċjazzjoni, u jridu jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġi żgurat li t-trasportaturi bbażati f’dawn il-pajjiżi ma jibbenefikawx għad-detriment tal-kumpaniji Ewropej u tal-ħaddiema Ewropej. Għalhekk, huma meħtieġa mekkaniżmi ta’ protezzjoni mmirati biex iwaqqfu l-iżvantaġġi kompetittivi.

3.2.4.

Minn Jannar 2020 żdied il-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet minn madwar EUR 20/tunnellata għal aktar minn EUR 70/tunnellata. Min-naħa tad-domanda, l-installazzjonijiet, jiġifieri l-kumpaniji li jeħtieġu konċessjonijiet biex jarmu s-CO2 fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom, jikkompetu mal-istituzzjonijiet u l-intermedjarji finanzjarji. Dawn tal-aħħar huma kompletament konxji li tal-ewwel jeħtieġu kwoti biex iwettqu n-negozju tagħhom. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda limitu fuq il-prezzijiet fuq is-suq, peress li s-sanzjoni għall-emissjoni mingħajr kwota ma tneħħix l-obbligu li wieħed jixtri tali kwota (5).

3.2.5.

Huwa essenzjali li l-proposta tipproteġi l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost dawn it-trasportaturi, u li tiżgura li ma jkunx hemm effetti negattivi fit-tul għall-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema minħabba kompetizzjoni inġusta minn dawk il-kumpaniji li ma jkunux qed joperaw taħt l-ETS. Biex tiġi żgurata analiżi sħiħa tal-isfidi, aħna nirrakkomandaw it-tnedija ta’ valutazzjoni tal-impatt soċjali li tqis ir-rabta bejn l-applikazzjoni tal-ETS, il-kompetizzjoni ġusta, u l-ħsara soċjali potenzjali tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, nipproponu żewġ valutazzjonijiet ta’ nofs it-terminu li janalizzaw l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku tal-ETS emendata. Dan għandu jsir sentejn u erba’ snin wara li l-ETS emendata tidħol fis-seħħ u għandu jagħti lill-partijiet ikkonċernati kollha l-opportunità li jirrevedu l-applikazzjoni tal-ETS u l-għanijiet tal-programm. Dawn il-valutazzjonijiet se jipprovdu wkoll opportunità biex jiġi vverifikat l-irkupru tal-industrija meta mqabbla mal-għanijiet tal-ETS.

3.2.6.

Sabiex il-proposta tkun ġusta, nipproponu l-kunsiderazzjoni ta’ żewġ elementi addizzjonali għall-proposta:

(a)

Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM)

L-applikazzjoni ta’ CBAM se tillimita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tħeġġeġ lill-atturi mhux tal-UE biex itejbu l-impronta ambjentali tagħhom stess. L-industrija tal-avjazzjoni mhijiex marbuta bil-fruntieri, u għalhekk, huwa diffiċli li l-leġiżlazzjoni tkun limitata għall-fruntieri tal-UE, peress li ħafna mit-traffiku se jkun barra. Kif imsemmi qabel, livelli ogħla ta’ standards soċjali fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE jridu jiġu protetti bħala prijorità, u CBAM se jappoġġja dan. Peress li l-Kummissjoni tappoġġja t-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ ftehimiet komprensivi dwar is-servizzi tal-ajru ma’ pajjiżi terzi, għandha tikkunsidra l-applikazzjoni ta’ CBAM għat-titjiriet ta’ trasferiment minn ċentri mhux tal-UE, jew ta’ mezzi oħrajn ta’, jew ta’ mezzi oħrajn ta’ appoġġ għat-tkabbir sostenibbli tal-operazzjonijiet barra miż-ŻEE.

(b)

Aktar miżuri biex jiġu protetti l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni

Ir-reviżjoni tal-ETS tal-UE trid tindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju hija theddida sinifikanti għas-suq tal-avjazzjoni taż-ŻEE, minħabba l-prossimità tiegħu ma’ għadd ta’ ċentri li għandhom ammont sinifikanti ta’ traffiku barra miż-ŻEE. Bħalissa, il-biċċa l-kbira tal-passiġġieri għandhom għadd ta’ għażliet għat-titjira barra miż-ŻEE tagħhom, li tinkludi kemm ċentri interni kif ukoll esterni. Madankollu, biż-żieda fil-kost tal-ETS, hemm riskju sinifikanti li l-linji tal-ajru taż-ŻEE se jiġu mminati minn operazzjonijiet orħos ibbażati f’ċentri barra miż-ŻEE. Sabiex jiġi indirizzat dan ir-riskju, l-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas trid tiġi sostitwita b’mekkaniżmu mmirat kontra l-iżvantaġġi kompetittivi, b’mod partikolari biex jiġu protetti l-linji tal-ajru u ċ-ċentri Ewropej.

3.3.   Kunsiderazzjoni għall-modulazzjoni tal-prezzijiet ibbażata fuq il-kapaċità tal-inġenji tal-ajru

3.3.1.

Għandha tingħata kunsiderazzjoni usa’ lill-possibbiltà li tiġi applikata sistema ta’ pprezzar modulari għall-kwoti tal-ETS li ssegwi l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u tippromovi t-trasport tal-massa aktar milli t-trasport privat. Minn Settembru 2021, l-avjazzjoni għal skopijiet ta’ negozju żdiedet b’27 % meta mqabbla mal-livelli tal-2019 (6), x’aktarx b’riżultat tat-tnaqqis fil-kapaċità fi ħdan is-settur skedat tal-avjazzjoni tal-passiġġieri. Għall-kuntrarju tal-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri skedati, il-ġettijiet kummerċjali għandhom kapaċità tal-passiġġieri ferm aktar baxxa. Minkejja dan, huma ttrattati bl-istess mod bħall-inġenji tal-ajru li għandhom kapaċità ħafna ogħla.

3.3.2.

L-ETS għandha tappoġġja l-passi lejn modi ta’ trasport aktar sostenibbli, inkluż fis-settur tal-avjazzjoni, u għalhekk għandha tippromovi tnaqqis fl-użu tal-avjazzjoni għal skopijiet ta’ negozju. L-ETS għandha ssegwi l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, u b’hekk tisforza lill-utenti tal-ġettijiet kummerċjali jħallsu imposti ogħla. Il-miżuri operazzjonali jistgħu jitqiesu wkoll biex jiskoraġġixxu l-użu tal-ġettijiet kummerċjali, billi tingħata prijorità lit-traffiku tal-passiġġieri skedat b’modi oħrajn bħal fl-imposti tan-network u fl-islots tal-ajruport.

3.4.   Investiment mill-ġdid tad-dħul tal-ETS

3.4.1.

Id-dħul miksub mill-ETS irid jiġi investit fis-settur biex jappoġġja settur soċjalment u ambjentalment sostenibbli kif ukoll tranżizzjoni ġusta. Huwa magħruf sew li t-tranżizzjoni tal-industrija tal-avjazzjoni għan-newtralità tal-karbonju se tirrikjedi investiment sinifikanti u l-ETS hija opportunità biex jiġi pprovdut l-investiment meħtieġ għal dan. Dan l-investiment għandu jiffoka fuq iż-żieda tad-disponibbiltà u l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, filwaqt li jnaqqas ukoll il-kost tagħhom biex jiżgura li l-utenti jkunu jistgħu jżommu l-profittabbiltà filwaqt li jiddekarbonizzaw is-settur.

3.4.2.

Aħna nilqgħu l-ambizzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni fl-aspetti relatati mal-avjazzjoni tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, u nappoġġjaw l-iżvilupp kontinwu ta’ miżuri tal-avjazzjoni sostenibbli kemm fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS kif ukoll fil-proposta għal Regolament dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għat-trasport bl-ajru sostenibbli. Dawn iż-żewġ proposti huma komplementari u, għaldaqstant, id-dħul magħmul mill-ETS għandu jappoġġja l-għanijiet tagħhom. Għalhekk, id-dħul mill-ETS għandu jintuża biex jippromovi l-aċċess għal u jnaqqas il-kost tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fiż-ŻEE kollha. Barra minn hekk, l-ETS tista’ tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-ajruporti, lill-fornituri tal-fjuwils u lill-kumpaniji tal-groundhandling għat-tranżizzjoni lejn ir-rekwiżiti l-ġodda għad-disponibbiltà ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fl-ajruporti.

3.4.3.

Id-dħul għandu jiġi investit mill-ġdid ukoll fi proġetti ta’ żvilupp li se jkomplu jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni. Teknoloġija bħall-fjuwils tal-idroġenu hija għażla biex jitnaqqas l-impatt tal-avjazzjoni fit-tul. Tali teknoloġija, madankollu, hija għalja ħafna u fadlilha ħafna biex tilħaq l-applikazzjoni fis-suq, għalkemm l-investiment fi proġetti tal-idroġenu u fjuwils alternattivi oħra se jappoġġja t-tnaqqis fil-kostijiet u l-adozzjoni aktar mgħaġġla tagħhom maż-żmien.

3.4.4.

Id-dħul għandu jappoġġja wkoll tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema fl-industrija tal-avjazzjoni li ġew affettwati b’mod negattiv minħabba t-tibdil fil-klima. Huwa antiċipat li xi infrastruttura tal-avjazzjoni mhux se tibqa’ tintuża maż-żmien mal-iżvilupp t-teknoloġija. Dawn il-ħaddiema jistgħu jispiċċaw mingħajr impjiegi, u huma meħtieġa opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet sabiex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jaqilbu għal impjiegi ekoloġiċi u sostenibbli ġodda. Sabiex dan jiġi implimentat, jista’ jinħoloq fond soċjali tal-avjazzjoni li se jippermetti t-taħriġ u t-tranżizzjoni tal-ħaddiema tal-avjazzjoni. Tali fond jista’ jiġi ġestit mill-Kummissjoni Ewropea, bl-appoġġ kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tat-trade unions.

3.4.5.

Minbarra dan il-fond, il-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha mal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, ma’ kumitati ta’ djalogu soċjali settorjali u ma’ fora konġunti oħrajn, bħar-Roundtable dwar l-Avjazzjoni, dwar l-impatt kontinwu tal-ETS riveduta matul l-implimentazzjoni tagħha. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni fid-djalogu soċjali mal-ħaddiema u l-fehim tal-ħtiġijiet u t-tħassib li għandhom fir-rigward tal-avjazzjoni sostenibbli u t-tranżizzjoni ġusta fis-settur.

3.5.   L-espansjoni tat-trasport intermodali

3.5.1.

It-trasport intermodali huwa mod faċli u kosteffettiv biex jitnaqqas minnufih l-impatt tat-trasport fuq il-klima. Illum il-ġurnata, ħafna linji tal-ajru diġà jippermettu lill-passiġġieri jixtru biljetti intermodali, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet mal-operaturi ferrovjarji. Ftehimiet bħal dawn jippermettu tnaqqis ġenerali fit-titjiriet, iżda jippromovu wkoll l-użu tat-trasport tal-massa sostenibbli b’mod effiċjenti.

3.5.2.

Il-proposta għandha tħeġġeġ lill-operaturi jiżviluppaw networks tat-trasport intermodali fil-bażijiet ewlenin tagħhom biex jippermettu l-espansjoni għal network akbar, filwaqt li tnaqqas ukoll titjiriet qosra ħafna bla bżonn. Dan jista’ jiġi mħeġġeġ billi jiżdied il-livell ta’ kwoti bla ħlas f’żoni oħra fin-network tal-linja tal-ajru li ma għandhomx konnessjonijiet ferrovjarji konvenjenti meta l-linji tal-ajru jaqilbu r-rotot għal modi ta’ trasport mhux bl-avjazzjoni.

3.6.   Konnettività reġjonali

3.6.1.

Fin-nuqqas ta’ forma alternattiva ta’ trasport, hemm riskju li l-ETS tista’ twassal għal konnettività mnaqqsa ma’ reġjuni remoti tal-Ewropa. Huwa essenzjali li kwalunkwe azzjoni meħuda ma għandhiex thedded il-konnettività mar-reġjuni periferali Ewropej u mal-Istati Membri.

3.6.2.

Ir-reġjuni periferali jiddependu fuq l-avjazzjoni biex jiżguraw il-konnettività u l-iżvilupp ekonomiku tagħhom. Id-dipendenza tagħhom hija minħabba d-distanza, id-daqs żgħir, l-insularità u d-dipendenza qawwija tagħhom fuq il-konnettività mal-kontinent għall-oġġetti, l-aċċess għas-servizzi, il-konnettività u l-koeżjoni territorjali.

3.6.3.

Barra minn hekk, dawn ir-reġjuni għandhom xi wħud mill-aktar rati baxxi tal-PDG fl-Ewropa u, għaldaqstant, għandhom jiġu protetti u promossi. Għalhekk, nipproponu li l-istatus speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, Réunion, San Martin, Azores, Madeira, u l-Gżejjer Kanarji) jinżamm, u li tali reġjuni jiġu eżentati mill-ETS skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, li jippermetti derogi mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE f’dawn ir-reġjuni.

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(2)  https://www.eurocontrol.int/publication/eurocontrol-data-snapshot-16-recovery-wide-variations.

(3)  https://www.eurocontrol.int/publication/eurocontrol-forecast-update-2021-2027.

(4)  https://www.etf-europe.org/ground-handling-sector-fights-for-its-survival-as-more-than-half-of-airport-based-workers-are-out-of-work/.

(5)  https://zpp.net.pl/en/press-release-new-eu-emissions-trading-scheme-how-to-mitigate-the-risks-for-european-consumers-and-smes/.

(6)  https://www.eurocontrol.int/sites/default/files/2021-09/covid19-eurocontrol-comprehensive-air-traffic-assessment-30092021.pdf.


Top