Ce document est extrait du site web EUR-Lex
Document 52020XG0616(01)
Council conclusions on shaping Europe’s digital future 2020/C 202 I/01
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa 2020/C 202 I/01
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa 2020/C 202 I/01
ST/8711/2020/INIT
ĠU C 202I, 16.6.2020, p. 1-12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 202/1 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa
(2020/C 202 I/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
FILWAQT LI JFAKKAR
— |
fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sinifikat tal-5G għall-ekonomija Ewropea u l-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskji tas-sigurtà marbuta mal-5G |
— |
fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-futur ta’ Ewropa b’diġitalizzazzjoni għolja wara l-2020: “Tingħata spinta lill-kompetittività diġitali u ekonomika mal-Unjoni kollha u lill-koeżjoni diġitali” |
— |
fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-UE |
— |
fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kontenut Ewropew fl-ekonomija diġitali |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija Ewropea għad-data” |
— |
fil-White Paper “Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali — Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE — Implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa soċjali b’saħħitha għal transizzjonijiet ġusti” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari — Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali Ewropew għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-coronavirus” |
— |
fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta’ data anonimizzata dwar il-mobbiltà |
— |
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Gwida dwar l-Apps li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data” |
1.
JIRRIKONOXXI l-importanza tat-teknoloġiji diġitali fit-trasformazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej, speċjalment bħala mezz biex tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 — kif issottolinjat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew — u biex jinħolqu l-impjiegi, isiru avvanzi fl-edukazzjoni u fil-ħiliet diġitali ġodda, jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni, jiġi promoss il-ġid komuni u titrawwem inklużjoni aħjar taċ-ċittadini. JILQA’ l-Pakkett Diġitali reċenti tal-Kummissjoni Ewropea: il-komunikazzjonijiet “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” u “Strateġija Ewropea għad-data”, kif ukoll il-White Paper “Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali — Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja”.
2.
JAQBEL li l-Ewropa għandha l-assi u l-punti b’saħħithom, inkluż bażi industrijali robusta u suq uniku diġitalizzat vibranti, biex taħtaf b’suċċess l-opportunitajiet u tindirizza l-isfidi li qed jaffaċċja s-settur diġitali, filwaqt li tiżgura l-inklużività tiegħu, partikolarment għall-gruppi l-aktar vulnerabbli, is-sostenibbiltà tiegħu, il-bilanċ ġeografiku u l-benefiċċji għall-Istati Membri kollha, b’rispett sħiħ għall-valuri komuni tal-UE u d-drittijiet fundamentali. JAPPELLA lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-komunità xjentifika biex jappoġġaw u jinvolvu ruħhom f’dawn l-isforzi. JIRRIKONOXXI li biex dawn l-azzjonijiet ikunu effettivi, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej, filwaqt li jiġi żgurat li t-trasformazzjoni diġitali tkun mifruxa madwar it-territorju kollu kemm hu.
3.
JAQBEL li aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali ser tkun komponent essenzjali tar-rispons tal-UE għall-kriżi ekonomika ġġenerata mill-pandemija tal-COVID-19, kif enfasizzat fid-dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu.
4.
JISSOTTOLINJA li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jenħtieġ li jkomplu jintensifikaw l-isforzi biex titrawwem id-diġitalizzazzjoni tas-Suq Uniku li fih l-ekonomija diġitali tkun karatterizzata minn livell għoli ta’ fiduċja, sigurtà, sikurezza u għażla għall-konsumaturi, kif ukoll kompetittività b’saħħitha bbażata fuq qafas li jippromwovi t-trasparenza, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, u li jkun teknoloġikament newtrali. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ immirat, aġli, ibbażat fuq il-fatti u li jsolvi l-problemi, biex tindirizza l-ostakli transkonfinali mhux ġustifikati u tiżgura l-konsistenza u l-koerenza mal-leġislazzjoni eżistenti meta tfassal il-qafas il-ġdid għall-futur diġitali tal-Ewropa.
5.
JENFASIZZA l-importanza, fl-ambjent ta’ wara l-kriżi, li tiġi protetta u msaħħa s-sovranità diġitali fl-UE u r-rwol ta’ tmexxija fi ktajjen tal-valur diġitali internazzjonali strateġiċi bħala elementi ewlenin biex jiġu żgurati l-awtonomija strateġika, il-kompetittività globali u l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jiġu promossi wkoll il-valuri komuni tal-UE, it-trasparenza, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fix-xena internazzjonali, u jiġi żgurat l-impenn għall-kooperazzjoni internazzjonali mas-settur pubbliku u dak privat u mal-komunità xjentifika. F’dan ir-rigward, JIRRIKONOXXI l-importanza tal-kontribut tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għat-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa u r-rwol kruċjali tagħhom għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji diġitali.
6.
JENFASIZZA l-impatt sinifikanti li t-trasformazzjoni diġitali ser ikompli jkollha fuq is-suq tax-xogħol Ewropew, partikolarment f’termini ta’ bidla fid-domanda għall-ħiliet kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali ta’ ċerti tipi ta’ impjiegi u l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tieħu kont tal-politiki u l-inizjattivi tal-UE dwar is-suq tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali bil-ħsieb li tinkiseb is-sinerġija tagħhom mal-politiki u l-inizjattivi diġitali.
7.
JAQBEL li l-kisba ta’ dawn l-għanijiet teħtieġ spinta sostanzjali għall-investiment u koordinazzjoni usa’ tiegħu, b’rabta mal-pjan għall-irkupru tal-UE, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, b’enfasi partikolari fuq proġetti ta’ infrastruttura b’impatt għoli li ser jippermettu li l-Ewropa tkun fuq quddiem fil-ktajjen tal-valur diġitali globali, fl-innovazzjoni u fil-kreattività. JENFASIZZA l-importanza kritika tal-Programm Ewropa Diġitali fil-bini u l-użu, f’livell globali suffiċjenti, ta’ kapaċità diġitali madwar l-Unjoni, partikolarment fl-intelliġenza artifiċjali, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-kumpanniji, u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Diġitali) biex jiġi żgurat l-użu madwar l-UE ta’ networks tal-Gigabits u aċċess komprensiv għal infrastrutturi diġitali avvanzati b’kapaċità għolja ħafna tul il-ktajjen tal-valur kollha. JIRRIKONOXXI wkoll il-kontribut importanti tal-programm Orizzont Ewropa futur u tal-fondi strutturali għat-trasformazzjoni diġitali. JENFASIZZA l-ħtieġa li jiġu allokati fondi suffiċjenti għal dawn il-programmi. JINKORAĠĠIXXI lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi meħtieġa u jiġbru r-riżorsi meħtieġa, fil-kuntest ta’ wara l-kriżi, biex jaħsdu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni u jsaħħu l-kompetittività tal-industrija tagħna, fil-livell Ewropew, dak nazzjonali u dak reġjonali. JINNOTA li satelliti u assi u servizzi oħra bbażati fl-ispazju huma essenzjali għall-implimentazzjoni u l-funzjonament ta’ bosta applikazzjonijiet diġitali kif ukoll għall-provvista ta’ konnettività f’żoni remoti u l-monitoraġġ tal-ambjent u t-tibdil fil-klima. Għalhekk huwa kruċjali li jkomplu jiġu promossi l-programmi spazjali Ewropej sabiex jinkisbu l-aħjar prekondizzjonijiet possibbli għat-trasformazzjoni diġitali.
8.
JAGĦRAF ir-rwol essenzjali li għandhom it-teknoloġiji diġitali bħan-networks tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna, il-blockchain, l-intelliġenza artifiċjali u l-computing ta’ prestazzjoni għolja fl-applikazzjoni ta’ miżuri marbuta mal-COVID-19, partikolarment fl-oqsma tax-xogħol mill-bogħod, it-tagħlim mill-bogħod, u r-riċerka. JISSOTTOLINJA l-importanza li l-UE tkun tista’ tiddependi minn għodod diġitali affidabbli u tagħmel għażliet teknoloġiċi awtonomi, sabiex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini Ewropej f’dan il-kuntest.
9.
JILQA’ l-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-apps li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u r-Rakkomandazzjoni dwar sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta’ data anonimizzata u aggregata dwar il-mobbiltà. JAPPELLA għal enfasi speċifika fuq il-kwistjoni tal-aċċess għas-sistemi operattivi, u l-interoperabbiltà tagħhom, li wriet li hija essenzjali fil-kriżi attwali tal-COVID-19.
10.
JAPPELLA lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex janalizzaw bir-reqqa l-esperjenzi miksuba mill-pandemija tal-COVID-19 sabiex jisiltu konklużjonijiet għall-futur li ser jinfurmaw l-implimentazzjoni tal-politiki attwali u futuri tal-Unjoni fid-dominju diġitali. JIRRIKONOXXI l-valur ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni transkonfinali, komunikazzjoni diġitali u koordinazzjoni internazzjonali f’ħin reali fir-rispons għall-COVID-19. JENFASIZZA l-valur tat-teknoloġiji bbażati fuq l-internet fiż-żamma tad-djalogu, l-attività u s-servizzi kummerċjali filwaqt li l-ħajja pubblika hija ristretta. JENFASIZZA l-opportunità tas-servizzi bbażati fuq l-internet li jnaqqsu l-effetti disważivi fuq is-settur tan-negozju, b’mod partikolari l-SMEs.
Data u cloud
11. |
JIRRIKONOXXI l-importanza tal-ekonomija tad-data bħala faċilitatur ewlieni biex l-Ewropa tirnexxi fl-era diġitali u JENFASIZZA l-isfidi li jirriżultaw miż-żieda sinifikanti fl-ammont ta’ data disponibbli, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ oġġetti konnessi. JISSOTTOLINJA li jenħtieġ li l-ekonomija tad-data Ewropea tiġi żviluppata b’mod iċċentrat fuq il-bniedem u f’konformità mal-valuri komuni tal-UE, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, imsejsa fuq l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej, u f’konformità mad-drittijiet tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-kompetizzjoni u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. JENFASIZZA li l-individwi, l-impjegati u l-kumpanniji fl-Ewropa jenħtieġ li jżommu kontroll fuq id-data tagħhom, fuq il-bażi ta’ infrastrutturi tad-data sikuri u reżiljenti, ktajjen tal-valur fdati, filwaqt li jiġi ppreservat il-prinċipju tal-aċċess miftuħ tal-UE fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Dan għandu jsaħħaħ l-awtonomija tal-Ewropa u jagħmilha l-aħjar post fid-dinja għall-kondiviżjoni, il-protezzjoni, il-ħżin u l-użu tad-data. |
12. |
JIRRIKONOXXI li, biex tikseb massa kritika u tirnexxi fl-ekonomija tad-data, l-Ewropa teħtieġ li tagħti prijorità, b’mod partikolari billi tipprovdi infrastruttura adegwata, il-fużjoni u l-kondiviżjoni ta’ data fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi, fost in-negozji, fost l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, u bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet pubbliċi u dawk ta’ riċerka, b’mod li tiġi preservata/msaħħa l-privatezza u li jiġu rrispettati s-sigrieti kummerċjali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. JISSOTTOLINJA li l-prinċipji tax-xjenza miftuħa u r-rakkomandazzjonijiet tar-Research Data Alliance huma utli biex jappoġġaw lill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-promozzjoni ta’ approċċ komuni flessibbli għall-ġbir, l-ipproċessar u d-disponibbiltà tad-data. JILQA’ f’dan il-kuntest l-iżvilupp tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC). |
13. |
JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora l-iżvilupp ta’ qafas orizzontali konsistenti għall-aċċess għad-data u l-użu tagħha mis-settur privat kif ukoll dak pubbliku madwar l-UE, ibbażat b’mod partikolari fuq it-tnaqqis tal-kosti tat-transazzjoni għall-kondiviżjoni u l-ġbir volontarji tad-data, inkluż permezz ta’ standardizzazzjoni biex tinkiseb interoperabbiltà aħjar tad-data. JAPPELLA lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti dwar il-governanza tad-data u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ spazji tad-data komuni Ewropej għas-setturi strateġiċi tal-industrija u d-dominji ta’ interess pubbliku, inkluż is-saħħa, l-ambjent, l-amministrazzjoni pubblika, il-manifattura, l-agrikoltura, l-enerġija, il-mobbiltà, is-servizzi finanzjarji u l-ħiliet. JISSOTTOLINJA li l-ispazji komuni Ewropej tad-data jenħtieġ li jkunu bbażati fuq sforz konġunt bejn is-settur pubbliku u dak privat bil-għan li tingħata data ta’ kwalità għolja mill-partijiet kollha involuti. |
14. |
JISSOTTOLINJA li aċċess u użu usa’ tad-data jistgħu potenzjalment jinvolvu għadd ta’ sfidi, bħal kwalità insuffiċjenti tad-data, distorsjoni fil-preżentazzjoni tad-data u sfidi għall-protezzjoni u s-sigurtà tad-data, jew kundizzjonijiet kummerċjali inġusti, li jeħtieġ li kollha kemm huma jiġu indirizzati b’approċċ komprensiv u għodod ta’ politika xierqa. B’hekk JINKORAĠĠIXXI lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi konkreti biex jindirizzaw dawn l-isfidi, f’konformità mal-liġi eżistenti tal-Unjoni u tal-Istat Membru, e.ż. il-GDPR, u filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji FAIR (Traċċabbiltà, Aċċessibbiltà, Interoperabbiltà u Użu mill-Ġdid). |
15. |
JENFASIZZA l-valur tal-użu u l-użu mill-ġdid ta’ data pubblika u dik korporattiva fl-ekonomija u l-importanza tal-użu ta’ data għall-ġid komuni, inkluż għal tfassil aħjar tal-politika u komunitajiet aktar intelliġenti, għall-għoti ta’ servizzi pubbliċi mtejba u għal riċerka fl-interess pubbliku. JAPPOĠĠA lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tesplora l-possibbiltajiet li tiġi promossa l-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-gvernijiet filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi tal-kumpanniji relatati mal-għarfien espert tad-data sensittiva tagħhom. |
16. |
JINKORAĠĠIXXI lill-Kummissjoni biex tieħu passi konkreti biex tiġi ffaċilitata l-emerġenza ta’ ekosistemi ġodda mmexxija mid-data. F’dan il-kuntest, IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet dwar il-modalitajiet biex jiġi żgurat aċċess ġust għal data miżmuma privatament u l-użu ġust tagħha, inkluż billi tippromwovi arranġamenti ta’ kondiviżjoni tad-data bbażati fuq kundizzjonijiet ġusti, trasparenti, raġonevoli, proporzjonati u mhux diskriminatorji. |
17. |
JISSOTTOLINJA li l-infrastruttura u s-servizzi tal-cloud huma importanti għall-aġilità, is-sovranità, is-sigurtà, ir-riċerka u l-kompetittività diġitali Ewropej u għaldaqstant importanti għall-Ewropa biex tibbenifika b’mod sħiħ mill-ekonomija tad-data. Għalhekk jenħtieġ li tkun garantita l-protezzjoni ta’ data Ewropea kritika f’tali infrastrutturi. JAPPELLA biex jiġu federati servizzi tal-cloud Ewropej fdati, sikuri u siguri u kapaċità ta’ komputazzjoni ta’ prestazzjoni għolja li jkunu jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fuq bażi volontarja. JISSOTTOLINJA l-importanza ta’ approċċ Ewropew għall-federazzjoni tal-clouds, speċjalment ta’ valuri għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna, u aċċessibbli b’mod ugwali għall-partijiet ikkonċernati Ewropej kollha. JENFASIZZA wkoll il-ħtieġa għal infrastrutturi ta’ konnettività sottostanti ta’ kapaċità għolja, inkluż il-kejbils taħt il-baħar, li jikkollegaw l-Ewropa kontinentali, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi, biex jibnu tali federazzjoni b’mod effikaċi u effiċjenti. JIRRIKONOXXI l-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni u b’hekk il-kooperazzjoni ma’ fornituri mhux mill-UE li jirrispettaw il-valuri komuni tal-UE, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. |
18. |
JINKORAĠĠIXXI lill-Kummissjoni biex tiżgura, fejn meħtieġ permezz ta’ proposti ġodda, li s-servizzi tal-cloud ipprovduti fl-Ewropa jikkonformaw ma’ rekwiżiti ewlenin ta’ interoperabbiltà, portabbiltà u sigurtà, fost l-oħrajn, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm dipendenza (lock-in) tal-bejjiegħ u biex jiġu żgurati kondizzjonijiet kuntrattwali bilanċjati, ġusti u trasparenti għall-aċċess tal-atturi kollha tas-suq għall-infrastruttura tal-cloud u s-servizzi tal-cloud. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tħaffef it-twettiq ta’ qafas koerenti madwar ir-regoli applikabbli u l-awtoregolamentazzjoni għas-servizzi tal-cloud, fil-forma ta’ “ġabra ta’ regoli għall-cloud”, biex tiżdied iċ-ċarezza u biex tiġi ffaċilitata l-konformità. |
Intelliġenza artifiċjali
19. |
JIRRIKONOXXI li l-intelliġenza artifiċjali hija teknoloġija li tevolvi malajr u li tista’ tikkontribwixxi għal ekonomija aktar innovattiva, effiċjenti, sostenibbli u kompetittiva, kif ukoll għal firxa wiesgħa ta’ benefiċċji soċjetali, bħat-titjib tas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini, il-benesseri pubbliku, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kura tas-saħħa jew l-appoġġ għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. JENFASIZZA r-rwol pożittiv tal-applikazzjonijiet ta’ intelliġenza artifiċjali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u JAPPOĠĠA l-użu rapidu u innovattiv tal-applikazzjonijiet tal-IA f’dan ir-rigward. |
20. |
JENFASIZZA li, fl-istess ħin, xi applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jinvolvu għadd ta’ riskji, bħal deċiżjonijiet preġudikati u opaki li jaffettwaw il-benesseri taċ-ċittadini, id-dinjità tal-bniedem jew id-drittijiet fundamentali, bħad-drittijiet tan-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u l-integrità fiżika, is-sikurezza u s-sigurtà, u għaldaqstant jirriproduċu u jsaħħu sterjotipi u inugwaljanzi. Riskji oħrajn jinkludu l-użu ħażin għal skopijiet kriminali jew malizzjużi bħad-diżinformazzjoni. |
21. |
JIRRIKONOXXI li l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fejn id-drittijiet fundamentali huma involuti jenħtieġ li jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u drittijiet fundamentali oħra. JENFASIZZA li jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa l-aspetti etiċi, soċjali u legali xierqa sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-applikabbiltà ta’ regoli ġodda. Dawn jenħtieġ li jindirizzaw l-opportunitajiet u r-riskji, isaħħu l-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali u jippromwovu l-innovazzjonijiet. |
22. |
JINKORAĠĠIXXI lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu approċċ etiku u ċċentrat fuq il-bniedem għall-politika dwar l-IA. JAPPOĠĠA l-approċċ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-eċċellenza u l-fiduċja bl-objettiv doppju li jiġi promoss l-użu tal-intelliġenza artifiċjali permezz ta’ network ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali li jkopru t-territorju tal-UE u li jiġu indirizzati r-riskji assoċjati ma’ ċerti użi ta’ din it-teknoloġija minn kmieni, matul l-iżvilupp u l-ittestjar tagħha, b’attenzjoni partikolari għall-użu ta’ teknoloġiji tar-rikonoxximent tal-wiċċ kif ukoll għall-użu ta’ data bijometrika oħra. |
23. |
JILQA’ l-konsultazzjoni dwar il-proposti ta’ politika li jinsabu fil-White Paper tal-Kummissjoni u r-rapport ta’ akkumpanjament dwar l-implikazzjonijiet ta’ sikurezza u responsabbiltà u JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti, b’kont meħud tal-leġislazzjoni eżistenti, li jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju, proporzjonat u, jekk ikun meħtieġ, regolatorju fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali, inkluż skema volontarja ta’ tikkettar li ssaħħaħ il-fiduċja u tissalvagwarda s-sigurtà u s-sikurezza, filwaqt li jiġu stimulati l-innovazzjoni u l-użu tat-teknoloġija. |
24. |
JINKORAGGIXXI lill-Istati Membri biex ikomplu jrawmu l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll l-użu ta’ intelliġenza artifiċjali affidabbli fl-Ewropa bħala parti mill-Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-Pjan Ikkoordinat dwar l-IA wara tmiem il-konsultazzjonijiet pubbliċi fuq il-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. |
Teknoloġiji abilitanti u ktajjen tal-valur diġitali
25. |
JIRRIKONOXXI l-importanza tas-supercomputing, it-teknoloġiji kwantistiċi u l-cloud computing bħala faċilitaturi għas-sovranità teknoloġika, il-kompetittività fuq livell globali u trasformazzjoni diġitali li tirnexxi, li jirfdu l-oqsma ta’ prijorità bħall-intelliġenza artifiċjali, il-big data, il-blockchain, l-Internet tal-Oġġetti u ċ-ċibersigurtà. |
26. |
JAPPOĠĠA t-tkomplija tal-Impriża Konġunta EuroHPC li għandha l-għan li tistabbilixxi fl-Ewropa ekosistema fuq livell dinji ta’ servizzi ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja u ta’ infrastruttura tad-data iperkonnessa u federata, disponibbli kemm għall-komunità xjentifika kif ukoll għall-industrija, u li tiżviluppa kompetenzi relatati bl-għan li jitwessa’ l-aċċess għal dawn ir-riżorsi teknoloġiċi. JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex irawmu l-investiment fl-infrastruttura ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja u biex jiżguraw aċċess għall-SMEs. |
27. |
JIRRIKONOXXI l-importanza tal-mikroelettronika “made in Europe” bħala teknoloġija sottostanti essenzjali għal trasformazzjoni diġitali li tkun ta’ suċċess f’ħafna setturi industrijali bħalma huma s-settur awtomobilistiku, dak tal-manifattura, tal-ajrunawtika, tal-ispazju, tad-difiża u tas-sigurtà, tal-agrikoltura u tal-kura tas-saħħa. JISSOTTOLINJA l-potenzjal ta’ ktajjen ta’ valur tal-hardware u s-software sikuri, siguri, sostenibbli u affidabbli, li jippermettu u jistabbilixxu l-fiduċja f’teknoloġiji diġitali Ewropej. |
Iċ-ċibersigurtà
28. |
JISSOTTOLINJA l-importanza taċ-ċibersigurtà bħala komponent għal Suq Uniku diġitalizzat, peress li dan jiżgura l-fiduċja fit-teknoloġija diġitali u l-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali. JIRRIKONOXXI li konnettività akbar, filwaqt li jissaħħu s-servizzi diġitali, jistgħu jwasslu biex ċittadini, kumpanniji u gvernijiet ikunu esposti għal theddid u kriminalità ċibernetiċi li qed jiżdiedu fl-għadd u fis-sofistikazzjoni. F’dan il-kuntest, JENFASIZZA l-importanza li jiġu salvagwardati l-integrità, is-sigurtà u r-reżiljenza ta’ infrastrutturi kritiċi, networks tal-komunikazzjoni elettronika, servizzi u tagħmir terminali. JAPPOĠĠA l-ħtieġa li jiġi żgurat u implimentat approċċ koordinat biex inaqqas ir-riskji ewlenin, bħall-ħidma konġunta li għaddejja abbażi tas-sett ta’ għodod tal-UE fuq iċ-ċibersigurtà 5G u l-iskjerament sigur tal-5G fl-UE. JAPPOĠĠA aktar kooperazzjoni strateġika, operazzjonali u teknika bejn il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri. JISSOTTOLINJA li ċ-ċibersigurtà hija responsabbiltà kondiviża tal-atturi kollha iżda s-sigurtà integrata mill-fażi tad-disinn u b’mod awtomatiku hija prekondizzjoni għall-fiduċja tal-utenti. JINKORAĠĠIXXI kooperazzjoni u kollaborazzjoni volontarja bejn is-settur pubbliku u dak privat u JENFASIZZA l-importanza li ċ-ċittadini tal-UE jiġu edukati permezz ta’ programmi ta’ ħiliet diġitali xierqa dwar il-mitigazzjoni tat-theddid ċibernetiku. |
29. |
JIRRIKONOXXI l-valur tat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipprevjeni, tiskoraġġixxi, tiddisswadi u twieġeb għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi bl-użu tal-qafas tagħha għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE kontra l-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (“sett ta’ għodod taċ-ċiberdiplomazija”). |
30. |
JILQA’ l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tiżgura regoli konsistenti għall-operaturi tas-suq u li tiffaċilita kondiviżjoni ta’ informazzjoni sigura, robusta u xierqa dwar it-theddid kif ukoll l-inċidenti, inkluż permezz ta’ rieżami tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (id-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà), biex tkompli l-ħidma fuq opzjonijiet għal reżiljenza ċibernetika mtejba u risponsi aktar effettivi għall-attakki ċibernetiċi, b’mod partikolari dwar attivitajiet ekonomiċi u soċjetali essenzjali, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri, inkluż ir-responsabbiltà għas-sigurtà nazzjonali tagħhom. |
31. |
JAPPOĠĠA lill-Kummissjoni fit-tisħiħ tas-suq uniku għal prodotti, servizzi u proċessi taċ-ċibersigurtà, peress li suq uniku diġitalizzat, jista’ jirnexxi biss jekk ikun hemm fiduċja mill-pubbliku ġenerali li dawn il-prodotti, is-servizzi u l-proċessi jipprovdu livell adegwat ta’ ċibersigurtà. Ir-rekwiżiti minimi għall-prodotti tal-Internet tal-Oġġetti ser jiggarantixxu livell minimu ta’ ċibersigurtà għall-kumpanniji u l-konsumaturi. JENFASIZZA f’dan il-kuntest il-ħtieġa li l-SMEs jiġu appoġġati bħala element essenzjali tal-ekosistema taċ-ċibersigurtà Ewropea. JISSOTTOLINJA l-ħtieġa għal aktar żvilupp ta’ standards taċ-ċibersigurtà u, fejn xieraq, skemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodotti, servizzi u proċessi tal-ICT, ibbażati fuq standards Ewropej jew internazzjonali u f’konformità mal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà. JAQBEL li dan ser ikun kontribut importanti biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-prodotti konnessi li jitqiegħdu fis-suq, filwaqt li ma jxekkilx l-innovazzjoni. Fiż-żewġ oqsma, l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) jenħtieġ li taqdi rwol importanti fil-kisba ta’ livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni kollha. JIEĦU NOTA tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Unità konġunta taċ-Ċibersigurtà tal-UE. |
32. |
JAPPOĠĠA l-isforzi mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità teknoloġika u industrijali tal-Unjoni li tipproteġi lilha nnifisha minn theddid ċibernetiku billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà sabiex tiżgura l-ekonomija u l-infrastrutturi kritiċi tagħha b’mod awtonomu u ssir mexxej globali fis-suq ta-ċibersigurtà. IĦEĠĠEĠ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni strateġiċi u sostenibbli bejn l-industriji, il-komunitajiet tar-riċerka fiċ-ċibersigurtà u l-gvernijiet, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ċivili-militari, u l-koordinazzjoni u l-ġbir flimkien ta’ investimenti fl-innovazzjoni minn kumpanniji u negozji ġodda taċ-ċibersigurtà biex jespandu globalment, bħall-ħidma konġunta li għaddejja biex jinħoloq network ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni nazzjonali, flimkien maċ-Ċentru Ewropew Industrijali, Teknoloġiku u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà. |
5G/6G u konnettività
33. |
JISSOTTOLINJA li l-kisba tal-objettivi tal-konnettività tal-Gigabits tal-UE għall-2025 b’infrastrutturi ta’ kapaċità għolja sikuri, bħall-fibra u l-5G, teħtieġ li tingħata spinta lill-investimenti f’networks li kapaċi joffru veloċitajiet ta’ Gigabits, li huma disponibbli għall-unitajiet domestiċi kollha, dawk rurali jew urbani, l-intrapriżi u muturi soċjoekonomiċi oħra, kif ukoll il-kurituri tat-trasport ewlenin Ewropej, bħala bażi għall-ekonomija u s-soċjetà diġitali Ewropej. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tiċċara l-komunikazzjoni tal-Gigabits kif xieraq u JILQA’ l-finanzjament għal dan l-għan permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri f’oqsma ta’ falliment tas-suq. IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw aktar is-sostenibbiltà tat-teknoloġiji eżistenti kollha tal-broadband li kapaċi jikkontribwixxu għall-introduzzjoni ta’ infrastrutturi tan-network b’kapaċità għolja ħafna fl-Ewropa kollha. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-Regolament dwar ir-Roaming, tressaq rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-introduzzjoni tan-network u tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ infrastrutturi b’kapaċità għolja ħafna, inkluż dawk tal-fibra u tal-5G. Barra minn hekk, JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tressaq pakkett ta’ miżuri addizzjonali biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet attwali u emerġenti tal-introduzzjoni tan-network sa tmiem l-2021, inkluż id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband u Programm ġdid tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju, kif ukoll biex terġa’ teżamina r-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-istat fuq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni inkluż il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-broadband, mill-aktar fis possibbli, sabiex jiġi ffaċilitat il-finanzjament pubbliku meħtieġ, inkluż għall-introduzzjoni ta’ konnettività b’kapaċità għolja ħafna f’żoni rurali u remoti. |
34. |
JISSOTTOLINJA li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa għal konnettività veloċi u minn kullimkien, iżda li f’ħafna reġjuni Ewropej din għadha mhijiex fis-seħħ.
JAPPELLA lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kondizzjonijiet ta’ investiment, inkluż permezz ta’
|
35. |
JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tressaq Pjan ta’ Azzjoni rieżaminat għall-5G u s-6G appoġġat b’miżuri ta’ finanzjament adegwati, ibbażati fuq il-fondi mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif ukoll mill-fond għall-irkupru tal-UE. Jenħtieġ li dawn il-passi jistabbilixxu l-qafas it-tajjeb biex il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jinvestu fl-aktar soluzzjonijiet avvanzati tan-network u tas-servizzi tal-5G, f’konformità mal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni, u joffru inċentivi lill-kumpanniji Ewropej biex jibdew jiżviluppaw u jsaħħu l-kapaċitajiet tat-teknoloġija fis-6G. JIRRIKONOXXI l-importanza tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali biex jiġu offruti inċentivi għal investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp għall-parteċipazzjoni kontinwa tal-industrija tal-UE fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin fil-5G/6G, li huma meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-konnettività tal-UE għall-2025. |
36. |
JENFASIZZA li l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bħall-5G/6G jenħtieġ li tippreserva l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-awtoritajiet tas-sigurtà u tal-ġudikatura li jwettqu l-funzjonijiet leġittimi tagħhom b’mod effettiv. IQIS il-linji gwida internazzjonali dwar l-impatt tal-oqsma elettromanjetiċi fuq is-saħħa. JESPRIMI l-importanza tal-ġlieda kontra t-tixrid ta’ informazzjoni żbaljata relatata man-networks tal-5G, b’attenzjoni speċjali għal dikjarazzjonijiet foloz li dawn in-networks jikkostitwixxu theddida għas-saħħa jew huma marbutin mal-COVID-19. |
37. |
JAPPELLA lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u metodoloġiji dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ewlenin rilevanti rakkomandati fis-sett ta’ għodod taċ-ċibersigurtà tal-5G u b’mod partikolari biex japplikaw, fejn xieraq, ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-fornituri ta’ riskju għoli għal assi ewlenin definiti bħala kritiċi u sensittivi fil-valutazzjonijiet tar-riskju kkoordinati tal-UE. Il-fornituri potenzjali kollha jeħtieġ li jiġu vvalutati abbażi ta’ kriterji oġġettivi komuni. JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tivvaluta, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, ir-Rakkomandazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà ta’ networks tal-5G u, f’dan ir-rigward, JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli valutazzjoni tal-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod u, jekk rilevanti, biex tesplora aktar metodoloġiji u għodod biex jittaffew ir-riskji possibbli taċ-ċibersigurtà għall-5G. |
Sostenibbiltà ambjentali
38. |
JIRRIKONOXXI li l-infrastrutturi, it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet diġitali huma faċilitaturi importanti ħafna għall-indirizzar tal-isfidi klimatiċi u ambjentali fl-Ewropa, kif propost fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. JAPPELLA lill-ekosistema diġitali tal-Ewropa biex tikkontribwixxi b’mod attiv malajr kemm jista’ jkun biex jintlaħaq l-objettiv ta’ UE newtrali għall-klima. JENFASIZZA l-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk bejn it-trasformazzjoni ekoloġika u dik diġitali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-teknoloġiji diġitali għall-ħarsien tal-ambjent u tal-klima, pereżempju permezz ta’ programmi ta’ finanzjament iddedikati. |
39. |
IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kapaċità li jipprevedu riskji klimatiċi u ambjentali bl-użu tal-aktar teknoloġiji avvanzati, biex jisfruttaw ir-rwol ewlieni globali tal-UE. JAPPELLA lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, imexxu l-iżvilupp ta’ strateġija globali għad-data ambjentali sal-2025. |
40. |
JENFASIZZA li jridu jiġu sfruttati soluzzjonijiet diġitali intelliġenti fis-setturi kollha, b’mod partikolari biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bħala prijorità u biex tiġi aċċellerata t-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem b’passaporti ta’ prodotti diġitali biex tippermetti t-traċċabbiltà u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tul il-katina tal-valur. |
41. |
JINNOTA, madankollu, li fil-preżent is-settur tal-ICT jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal perċentwal li dejjem qed jiżdied ta’ emissjonijiet globali tal-gassijiet serra u ż-żieda qawwija fl-użu tissuġġerixxi li din il-marka tal-karbonju tista’ tirdoppja fis-snin li ġejjin jekk ma jittiħdux miżuri xierqa. JAQBEL, għalhekk, li s-settur tal-ICT innifsu jenħtieġ li jkompli jnaqqas l-impronta ambjentali u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiegħu. JAGĦRAF ir-rwol ta’ mudell li joffru dawk li huma fuq quddiem nett fil-qasam diġitali pubbliku u privat u JĦEĠĠIĠHOM jikkondividu t-tagħlimiet meħuda tagħhom. JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq miżuri, flimkien ma’ valutazzjoni tal-impatt dettaljata, biex sal-2030 tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u tiġi żgurata n-newtralità tal-klima taċ-ċentri u n-networks tad-data, permezz fost l-oħrajn tal-promozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll sistemi storiċi, u biex tiġi evitata l-obsolexxenza diġitali. |
42. |
JAPPOĠĠA l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-marka tal-karbonju tal-apparati, filwaqt li jingħataw dritt estiż li l-apparati jissewwew faċilment u b’mod affordabbli u s-software jiġi aġġornat awtomatikament f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. IĦEĠĠEĠ lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità għat-tiswija, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tal-oġġetti elettroniċi u biex jintegraw il-kriterji l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku fuq iċ-ċentri tad-data u s-servizzi tal-cloud fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom dwar l-akkwist pubbliku. IĦEĠĠEĠ l-użu ta’ prodotti li jintużaw mill-ġdid jew li jinkorporaw materjali riċiklati permezz tal-politiki tal-akkwist tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE. |
Saħħa elettronika
43. |
JIRRIKONOXXI li l-kriżi tal-COVID-19 turi l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura u l-valur tagħha fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u r-rispons tagħhom għall-pandemija. JISSOTTOLINJA li l-iżvilupp ta’ Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa mill-Kummissjoni flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri għandu l-potenzjal li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ prevenzjoni, dijanjosi, trattamenti u kura effettivi. Jista’ jiżgura wkoll aktar kosteffettività u ottimizzazzjonijiet fil-fluss tax-xogħol fil-kura tas-saħħa, li b’hekk iwasslu għal titjib fl-eżiti tas-saħħa għall-pazjenti, sistemi mtejba ta’ sorveljanza epidemjoloġika, u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tas-saħħa. JAQBEL li l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa jenħtieġ li jkun xprunat mill-iskop u mill-kwalità. Dan jeħtieġ fehim komuni tal-użu ta’ data dwar is-saħħa skont id-dritt internazzjonali, tal-Unjoni u dak nazzjonali, u f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ livell għoli għall-protezzjoni tad-data personali dwar is-saħħa. |
44. |
Fil-kuntest tal-kriżi ta’ wara l-COVID-19, IFAKKAR li l-applikazzjonijiet mobbli biex jiġu appoġġati t-traċċar u t-twissija tal-kuntatti jenħtieġ li jinkludu l-garanziji kollha għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, u jkunu interoperabbli minn naħa għal oħra tal-fruntieri skont il-linji gwida mħejjija bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, JAPPELLA lill-Istati Membri biex jistabbilixxu salvagwardji b’saħħithom, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan direzzjonali Ewropew għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-coronavirus. |
45. |
JISTIEDEN lill-Istati Membri jingħaqdu fi sforz mifrux mal-UE kollha biex iżidu l-investiment f’sistemi li jipprovdu aċċess sikur u affidabbli għal data dwar is-saħħa fil-fruntieri u lil hinn minnhom u l-introduzzjoni ta’ dawn is-sistemi, b’mod partikolari billi jesploraw il-possibbiltajiet għall-iżvilupp ta’ format Ewropew għall-iskambju ta’ rekords elettroniċi tas-saħħa li ser jgħin biex jingħelbu l-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà, u billi jappoġġaw l-azzjonijiet għal-linji gwida Ewropej u jallinjaw l-istrateġiji tas-Saħħa Elettronika fin-Network Ewropew tas-Saħħa Elettronika, filwaqt li jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ livell għoli għall-protezzjoni tad-data personali dwar is-saħħa. JINNOTA li minbarra dan, sabiex isir progress fuq il-mediċina personalizzata u preventiva, huma meħtieġa sforzi konsiderevoli biex tkun tista’ tiġi skambjata data dwar is-saħħa għal skopijiet ta’ riċerka. |
Att dwar is-Servizzi Diġitali
46. |
JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ, timmodernizza u tiċċara r-regoli għas-servizzi diġitali permezz tal-adozzjoni ta’ pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u JENFASIZZA l-ħtieġa għal azzjoni rapida f’dan il-qasam. |
47. |
JINNOTA li l-ekonomija tal-pjattaformi hija parti importanti tas-Suq Uniku, peress li tgħaqqad il-kumpanniji u l-konsumaturi Ewropej bejn il-fruntieri nazzjonali, tippermetti l-kummerċ, l-intraprenditorija u mudelli ta’ negozju ġodda, kif ukoll iżżid l-għażla ta’ oġġetti u servizzi għall-konsumatur. JIRRIKONOXXI li l-estensjoni u d-diversità ta’ mudelli u servizzi ta’ negozju diġitali ġodda nbidlu b’mod sinifikanti maż-żmien u xi servizzi qajmu sfidi ġodda li l-qafas regolatorju eżistenti mhux dejjem jindirizza. JENFASIZZA l-benefiċċji importanti li ġabet magħha d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku f’termini taċ-ċertezza legali, il-kummerċ transkonfinali u t-tkabbir tas-servizzi diġitali. |
48. |
JENFASIZZA l-ħtieġa għal regoli ċari u armonizzati bbażati fuq l-evidenza dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi ta’ rendikont għal servizzi diġitali li jiggarantixxu lill-intermedjarji tal-internet livell xieraq ta’ ċertezza tad-dritt. JENFASIZZA l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet Ewropej u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, li jippreservaw u jsaħħu l-prinċipji fundamentali tas-Suq Uniku u l-ħtieġa li tittejjeb is-sikurezza taċ-ċittadini u li jiġu protetti d-drittijiet tagħhom fl-isfera diġitali fis-Suq Uniku kollu kemm hu. |
49. |
JENFASIZZA l-ħtieġa għal azzjoni effettiva u proporzjonata kontra l-attivitajiet u l-kontenut illegali online, inkluż id-distribuzzjoni ta’ oġġetti illegali, iffalsifikati u perikolużi, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni, f’Internet miftuħ, ħieles u sikur. JAGĦRAF il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tixrid ta’ diskors ta’ mibegħda u d-diżinformazzjoni online. |
50. |
JIRRIKONOXXI li ċerti kumpanniji ta’ pjattaformi online kbar ħafna jipprovdu viżibbiltà u aċċess għas-suq lil kumpanniji iżgħar. Madankollu, huma jiġbdu wkoll assi estensivi, inkluż ammonti vasti ta’ data, li jistgħu jibdluhom fi gwardjani fl-ekonomija diġitali. Dan jista’ joħloq ir-riskju li tiġi ristretta l-kapaċità ta’ innovaturi ġodda li jidħlu fis-suq b’suċċess, u li tiġi limitata l-għażla għall-konsumaturi. JILQA’ l-valutazzjoni u r-rieżami li għaddejjin mill-Kummissjoni tal-idoneità tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għall-era diġitali u t-tnedija ta’ inkjesta settorjali. JAPPOĠĠA l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiġbor evidenza dwar il-kwistjoni u tesplora aktar ir-regoli ex ante biex tiżgura li s-swieq ikkaratterizzati minn pjattaformi kbar li għandhom effetti sinifikanti tan-netwerk, u li jaġixxu bħala gwardjani, jibqgħu ġusti u kontestabbli għall-innovaturi, għan-negozji u għall-parteċipanti ġodda fis-suq. |
Politika dwar il-media
51. |
JAPPOĠĠA l-pjan li tissaħħaħ politika dwar il-media li tibqa’ valida għall-futur bil-promozzjoni ta’ media ħielsa u affidabbli. Il-ġurnaliżmu ta’ kwalità, xenarju tal-media varjat, sostenibbli u indipendenti, it-trasparenza u l-promozzjoni qawwija tal-litteriżmu fil-media huma partikolarment importanti fil-proċess tat-trasformazzjoni diġitali u huma kruċjali għad-demokrazija Ewropea, filwaqt li jgħinu fil-ġlieda kontra t-tifrix ta’ fake news u diżinformazzjoni online. Dan l-isforz għandu jqis ukoll il-potenzjal kulturali u kreattiv sabiex jissaħħaħ il-kontenut Ewropew. Dan jinkludi wkoll l-iżvilupp ulterjuri tal-programm Ewropa Kreattiva tal-UE, li jenħtieġ li jappoġġa proġetti awdjoviżivi innovattivi permezz tal-programm MEDIA. |
Identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji, amministrazzjonijiet pubbliċi, standards u blockchain
52. |
JIRRIKONOXXI li, minbarra li huma faċilitatur essenzjali tas-Suq Uniku diġitalizzat, is-soluzzjonijiet għall-ġestjoni tal-identità diġitali u s-servizzi fiduċjarji (firem elettroniċi, siġilli, kronogrammi, servizzi ta’ konsenja rreġistrati u awtentikazzjoni ta’ siti web) ser jikkontribwixxu għat-tiswir tas-soċjetà tal-ġejjieni. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tirrieżamina l-leġislazzjoni eżistenti, fost l-oħrajn biex toħloq qafas affidabbli, komun, interoperabbli u teknoloġikament newtrali għall-identità diġitali, li jissalvagwardja l-vantaġġ kompetittiv tan-negozji Ewropej u li jħares il-valuri komuni u d-drittijiet fundamentali tal-UE, bħall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza. F’dan il-kuntest, JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tikkunsidra proposti biex tkompli tiżviluppa l-qafas attwali għall-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni transkonfinali bbażat fuq ir-Regolament eIDAS lejn qafas għal identità diġitali Ewropea, li jistgħu jixprunaw lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli għall-Ewropej kollha identitajiet diġitali sikuri, interoperabbli u li jkunu jistgħu jintużaw b’mod mifrux għal transazzjonijiet governattivi u privati sikuri online. JENFASIZZA li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa għal żvilupp rapidu ta’ servizzi pubbliċi online li jippermettu liċ-ċittadini jikkomunikaw mal-awtoritajiet pubbliċi mill-bogħod. |
53. |
JIRRIKONOXXI li trasformazzjoni diġitali rapida u komprensiva tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha hija element essenzjali tas-Suq Uniku diġitalizzat u tal-istrateġija għall-irkupru mill-kriżi u forza li tixpruna soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda u innovattivi għas-servizzi pubbliċi u l-isfidi tas-soċjetà. JIRRIKONOXXI li l-maturità u l-kwalità tad-data jvarjaw bejn il-pajjiżi, li b’hekk jaffettwa l-kapaċità li jingħataw servizzi transkonfinali. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tipproponi politika msaħħa tal-UE dwar il-gvernijiet diġitali, b’kont meħud tal-inklużjoni elettronika taċ-ċittadini u l-atturi privati kollha, biex tiżgura koordinazzjoni u appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri kollha tal-UE, inkluż interoperabbiltà u standards komuni għal flussi u servizzi tad-data tas-settur pubbliku li jkunu sikuri u mingħajr fruntieri. JIRRIKONOXXI li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ir-responsabbiltà miżjuda li jiżguraw li ċ-ċittadini jiġu ttrattati bl-istess mod u li huma intitolati għall-istess drittijiet ta’ aċċess għall-gvern diġitali. |
54. |
JIRRIKONOXXI li d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-ġustizzja tal-Istati Membri għandha l-potenzjal li tiffaċilita u ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja fl-UE kollha. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambji diġitali transkonfinali bejn l-Istati Membri kemm f’materji kriminali kif ukoll f’dawk ċivili u biex tiżgura s-sostenibbiltà u l-iżvilupp kontinwu tas-soluzzjonijiet tekniċi li ġew żviluppati għal skambji transkonfinali. |
55. |
JIRRIKONOXXI l-importanza tal-istandardizzazzjoni bħala għodda strateġika li tappoġġa l-politiki industrijali u diġitali Ewropej. JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija għall-istandardizzazzjoni li tippermetti kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u interoperabbiltà, sabiex tissaħħaħ is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni u l-governanza tagħha u biex jiġi żgurat li l-UE jkollha l-għodod biex tistabbilixxi u tippromwovi standards Ewropej tat-teknoloġija fuq livell globali, inkluż biex trawwem l-ekodisinn ta’ servizzi u tagħmir diġitali, kif ukoll biex tħeġġeġ l-involviment ta’ atturi Ewropej f’fora globali ta’ standardizzazzjoni, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandards u l-ENISA. JIRRIKONOXXI l-ħtieġa li jitqiesu standards internazzjonali stabbiliti sew u prattiki tal-industrija li ilhom jeżistu. |
56. |
JIRRIKONOXXI li l-UE u l-Istati Membri jenħtieġ li jesploraw l-opportunitajiet li t-teknoloġija tal-blockchain tista’ toffri għall-benefiċċju taċ-ċittadini, is-soċjetà u l-ekonomija, fost l-oħrajn għas-sostenibbiltà, il-funzjonament aħjar tas-servizzi pubbliċi u t-traċċabbiltà tal-prodotti biex jiżguraw is-sikurezza permezz ta’ skambji u transazzjonijiet ta’ data deċentralizzati affidabbli. JISTENNA BIL-ĦERQA l-istrateġija li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-blockchain li għandha l-għan li ssaħħaħ it-tmexxija Ewropea f’dan il-qasam. |
Ħiliet u edukazzjoni
57. |
JINNOTA li l-UE qed tiffaċċa domanda dejjem akbar mis-setturi kollha għal impjegati li jkollhom ħiliet diġitali bażiċi, kif ukoll nuqqas ta’ miljun professjonist tal-ICT, li tista’ xxekkel il-potenzjal tal-iżvilupp diġitali tagħha. JAPPELLA lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu miżuri biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom ħiliet diġitali bażiċi u biex sal-2025 inaqqsu bin-nofs din id-diskrepanza attwali, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri. |
58. |
JENFASIZZA li l-pandemija tal-COVID-19, minbarra li uriet il-ħtieġa għall-ħiliet diġitali, immotivat ukoll liċ-ċittadini biex jiksbu dawn il-ħiliet sabiex jaġġustaw għat-telexogħol u għal modi oħra ta’ involviment diġitali, bħall-użu ta’ metodi edukattivi diġitali minħabba l-lockdown tal-iskejjel u l-universitajiet matul il-pandemija. |
59. |
JAPPELLA lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u lis-settur privat, biex idaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha meħtieġa biex iħarrġu mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol għall-era diġitali, jiddiversifikaw il-forza tax-xogħol u jattiraw speċjalisti fl-ICT u fit-teknoloġija b’ħiliet għolja, inkluż Ewropej li jkunu emigraw, filwaqt li jadattaw ukoll postijiet tax-xogħol diġitali għall-ħaddiema u jipprovdu konnessjonijiet tal-internet affidabbli u veloċi lill-iskejjel sabiex jippromwovu l-użu ta’ riżorsi edukattivi diġitali. |
60. |
IĦEĠĠEĠ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll mas-settur privat, fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, b’mod partikolari l-impenn tagħha li tistabbilixxi perkors li juri kif l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jistgħu jżidu l-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE b’ħiliet u kompetenzi diġitali bażiċi, mis-57 % attwali għal 65 % sal-2025 u JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2020 taġġorna l-Aġenda għall-Ħiliet. |
61. |
JILQA’ r-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni kkoordinat dwar l-IA li għandu jiġi żviluppat mal-Istati Membri li jiffoka fuq il-kompetenzi meħtieġa għal xogħol fl-intelliġenza artifiċjali. JIRRIKONOXXI li sabiex jinkisbu l-għanijiet tagħha dwar id-data, jeħtieġ li l-Ewropa tagħmel investimenti proporzjonati fil-ħiliet u l-litteriżmu tad-data, inkluż permezz tat-taħriġ ta’ biżżejjed esperti u amministraturi tad-data biex jipprovdu l-ħiliet diġitali meħtieġa. |
62. |
JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali fl-2020 biex tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal transizzjonijiet ġusti. JILQA’ l-appoġġ fil-qafas tal-programm Erasmus+ u l-Programm Ewropa Diġitali tal-ġejjieni għall-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, esperimenti, proġetti pilota u ż-żieda fin-numru ta’ proġetti ta’ suċċess. |
63. |
JAPPELLA lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-edukazzjoni, biex ipoġġu aktar enfasi fuq ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fl-edukazzjoni u t-taħriġ. JILQA’ l-impenn tal-Kummissjoni favur il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel f’setturi differenti tal-ekonomija, inkluż fit-transizzjoni diġitali, kif espress fl-Istrateġija ta’ Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025. JAPPOĠĠA l-introduzzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri tal-Bniet u n-Nisa fil-Qasam Diġitali. |
Dimensjoni internazzjonali
64. |
JINNOTA li, filwaqt li l-UE hija u ser tibqa’ l-aktar reġjun miftuħ għall-kummerċ ġust u l-investiment fid-dinja, pajjiżi oħra madwar id-dinja qed jieħdu sehem fi prattiċi protezzjonisti. JENFASIZZA li l-kisba tal-benefiċċji ta’ trasformazzjoni diġitali teħtieġ kooperazzjoni internazzjonali, aċċess imtejjeb għas-suq u regoli li jiffaċilitaw il-kummerċ f’firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, li jinkludu iżda mhux limitati għal flussi ta’ data transkonfinali ma’ pajjiżi terzi, soġġetti għal eċċezzjonijiet għal objettivi leġittimi tal-politika pubblika, rekwiżiti ta’ żvelar għall-kodiċi tas-sors, dazji doganali fuq it-trasmissjoni elettronika, l-espansjoni tal-ftehim dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni u transazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll ir-rispett għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali. Għalhekk, IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż negozjati kummerċjali, sabiex tippromwovi standards u approċċi regolatorji li huma trasparenti, nondiskriminatorji u affidabbli, u li jippromwovu l-kummerċ diġitali. JAPPOĠĠA l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex trawwem approċċ internazzjonali għall-flussi tad-data, filwaqt li tippromwovi b’mod attiv il-mudell tagħha ta’ Internet globali sikur u miftuħ u ssegwi għanijiet ambizzjużi f’termini ta’ aċċess għas-suq. |
65. |
JENFASIZZA li l-implimentazzjoni tal-acquis fil-qasam diġitali mill-pajjiżi kandidati hija prijorità. JISSOTTOLINJA li preżenza diġitali b’saħħitha fil-politika tal-viċinat u tal-iżvilupp tal-UE tista’ u jenħtieġ li tippermetti żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab tagħna. JILQA’ f’dan ir-rigward l-impenn għall-promozzjoni attiva tal-istandards u l-valuri diġitali Ewropej madwar id-dinja kollha. |
66. |
JIRRIKONOXXI l-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi ġirien tal-UE sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-infrastruttura tal-5G. |
Tassazzjoni diġitali
67. |
JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li s-sistemi ta’ tassazzjoni tagħna jiġu adatti għall-era diġitali, filwaqt li tiġi żgurata tassazzjoni ġusta u effettiva, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2018 u t-22 ta’ Marzu 2019. |
Konklużjoni
68. |
JENFASIZZA l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat il-progress li jsir lejn l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imħabbra fil-Pakkett Diġitali tad-19 ta’ Frar 2020, inkluż permezz ta’ Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali aġġornat. JAPPELLA lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lis-sħab soċjali biex jikkontribwixxu b’mod attiv għas-suċċess tal-Pakkett Diġitali. JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex minn żmien għal żmien tinforma lill-Kunsill dwar il-progress miksub fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra fil-Pakkett Diġitali. |