This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IE3060
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Taxation of the collaborative economy — reporting requirements’ (additional opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — obbligi ta’ rappurtar” (opinjoni addizzjonali)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — obbligi ta’ rappurtar” (opinjoni addizzjonali)
ĠU C 364, 28.10.2020, pp. 62–66
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
28.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 364/62 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — obbligi ta’ rappurtar”
(opinjoni addizzjonali)
(2020/C 364/09)
|
Relatur: |
Ester VITALE |
|
Deċiżjoni tal-Bureau |
18.6.2019 |
|
Bażi legali |
Artikolu 29 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni (2010) |
|
|
Opinjoni addizzjonali |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adottata fis-sezzjoni |
24.6.2020 |
|
Adottata fil-plenarja |
16.7.2020 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
553 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
210/1/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
It-tassazzjoni u l-politiki fiskali jeħtieġ li jadattaw għall-iżvilupp kontinwu tal-ekonomija kollaborattiva. F’dan ir-rigward, m’għandhomx jiġu żviluppati reġimi ta’ tassazzjoni ġodda jew speċjali, u l-KESE jqis li jkun aktar xieraq li r-regoli u l-mudelli fiskali eżistenti jiġu adattati għall-kuntesti ekonomiċi ġodda, sabiex tinżamm sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi differenti involuti. |
|
1.2. |
Il-KESE jitlob li s-sistemi tat-taxxa nazzjonali jqisu l-fenomenu tal-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi diġitali, filwaqt li f’dan il-qasam jiġu rrispettati l-prinċipji li jikkaratterizzaw sistema ta’ tassazzjoni ġusta, jiġifieri l-koerenza, il-prevedibbiltà u n-newtralità li jiggarantixxu, fl-istess waqt, l-interess pubbliku fit-twettiq tal-obbligi tat-taxxa mill-partijiet interessati kollha. |
|
1.3. |
Il-KESE huwa konvint li l-politiki fiskali li għandhom jiġu applikati għad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u għall-iżvilupp ta’ għodod u soluzzjonijiet operattivi għandhom jiġu kkoordinati fil-livell internazzjonali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-OECD/G20 filwaqt li jirrikonoxxi li l-forom ta’ kooperazzjoni li nbdew diġà wasslu għal xi riżultati tanġibbli u jaf ikollhom riżultati aktar rilevanti fil-futur. |
|
1.4. |
Huwa importanti li l-istituzzjonijiet internazzjonali, Ewropej u nazzjonali jaġixxu b’mod effikaċi u rapidu biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ġodda maħluqa mill-ekonomija diġitali u kollaborattiva permezz ta’ approċċ proattiv pjuttost milli jirreaġixxu għall-emerġenza ta’ sfidi speċifiċi. |
|
1.5. |
Kwistjoni ewlenija fir-rigward tas-sistemi tat-tassazzjoni li għandha tiġi applikata għall-ekonomija kollaborattiva tikkonċerna l-obbligi imposti fuq il-pjattaformi diġitali għall-ġbir, il-komunikazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa u l-ħażna tal-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa (obbligi ta’ rappurtar). Tali obbligi m’għandhomx jikkostitwixxu piż amministrattiv eċċessiv għall-pjattaformi. |
|
1.6. |
Il-kondiviżjoni adegwata ta’ informazzjoni fi ħdan sistema funzjonali u proporzjonata għall-ġbir u l-iskambju ta’ data tista’ tabilħaqq tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet tat-taxxa, minn naħa waħda, u min-naħa l-oħra tiżgura sistema sigura u prevedibbli għan-negozji, li tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija kollaborattiva kollha kemm hi. |
|
1.7. |
Il-KESE jixtieq jara l-iżvilupp ta’ standard Ewropew għall-ġbir tad-data u l-informazzjoni dwar l-utenti tal-pjattaformi diġitali, li għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet tat-taxxa u jinżammu maż-żmien. L-obbligi ta’ rapportar għandhom ikunu ċari u armonizzati fl-Istati Membri kollha. Standard Ewropew jista’ jillimita l-azzjonijiet unilaterali mill-Istati Membri sal-punt li jinħoloq nuqqas ta’ omoġeneità regolatorja kontroproduttiva u applikazzjoni inċerta fis-suq intern. |
|
1.8. |
Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali li għandhom jiggwidaw l-azzjoni regolatorja fil-qasam tar-rapportar, il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi adottat approċċ li jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u li jippermetti li jintlaħaq l-għan regolatorju, jiġifieri l-ġbir ta’ informazzjoni ċara li tkun utli għall-ħidma tal-awtoritajiet tat-taxxa, mingħajr sagrifiċċju eċċessiv u bla bżonn tal-interessi privati tal-pjattaformi u tal-utenti aħħarin. |
|
1.9. |
Il-KESE jqis li r-regoli tat-taxxa dwar l-ekonomija kollaborattiva, inklużi r-regoli dwar l-obbligi ta’ rappurtar, għandhom f’kull każ jadattaw għas-setturi differenti u l-attivitajiet differenti tal-ekonomija kollaborattiva, li ħafna drabi huma differenti minn xulxin. |
|
1.10. |
Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi eżaminat jekk l-implimentazzjoni imminenti tad-Direttiva dwar ċerti rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fir-rigward ta’ talbiet għal informazzjoni għad-detezzjoni ta’ frodi tal-VAT tistax tintuża wkoll għal skopijiet ta’ taxxa diretta fir-rigward tal-obbligi ta’ rappurtar. |
|
1.11. |
L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet privati u l-awtoritajiet pubbliċi għandu jsir f’konformità mal-leġislazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-privatezza u l-ipproċessar tad-data personali tal-individwi, skont il-kriterji fir-rigward tal-ħtieġa, il-proporzjonalità u l-interpretazzjoni stretta ta’ eżenzjonijiet possibbli mill-prinċipji ġenerali ta’ privatezza għal raġunijiet ta’ infurzar tar-regoli tat-taxxa. |
2. Introduzzjoni u prinċipji ġenerali
|
2.1. |
L-iżvilupp ta’ politiki fiskali effettivi b’referenza għas-settur tal-ekonomija kollaborattiva huwa sfida kemm għall-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali kif ukoll għall-operaturi f’dan is-settur. F’dan ir-rigward, huwa kruċjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi differenti fl-ekonomija kollaborattiva u bejn dawk l-operaturi u l-operaturi tradizzjonali li joperaw fl-istess setturi. |
|
2.2. |
Il-KESE jemmen li l-ekonomija kollaborattiva qed tikber b’mod kostanti u konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin u hija opportunità għal aktar żvilupp għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, anke għall-futur, sa fejn tippermetti li jiġu mobilizzati riżorsi li għadhom ma ġewx sfruttati u tiġi implimentata l-inizjattiva taċ-ċittadini individwali. Fl-istess ħin, jirrikonoxxi l-ħtieġa għal regolamentazzjoni li tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, l-obbligi tat-taxxa u l-kompetizzjoni ġusta. |
|
2.3. |
Id-definizzjoni tal-“ekonomija kollaborattiva” kif użata f’din l-Opinjoni tirreferi għall-mudelli kummerċjali fejn l-attivitajiet huma appoġġjati minn pjattaformi ta’ kollaborazzjoni li jippermettu l-użu temporanju ta’ oġġetti jew servizzi li sikwit jiġu pprovduti minn partijiet privati. F’dan ir-rigward, inkluż mil-lat metodoloġiku, ikun importanti li jintlaħaq kunsens minimu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri dwar il-kunċett ta’ “ekonomija kollaborattiva”, sabiex tiġi evitata diskrepanza sinifikanti bejn id-definizzjonijiet differenti applikati fis-suq intern. |
|
2.4. |
L-ekonomija kollaborattiva hija fenomenu ekonomiku kumpless li trid tiġi koperta b’mod globali għal finijiet regolatorji, billi tinvolvi aspetti differenti tas-soċjetà u għadd ta’ entitajiet legali li tradizzjonalment jindirizzaw kwistjonijiet differenti u distinti. Pereżempju, l-iżvilupp kontinwu tal-ekonomija kollaborattiva jolqot ir-regoli dwar il-liġi tal-konsumatur, il-liġi tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, id-dritt kuntrattwali, id-dritt għall-privatezza u l-liġi dwar is-servizzi pubbliċi. |
|
2.5. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi tat-taxxa nazzjonali, li jikkoordinaw b’mod effikaċi fil-livell Ewropew, iqisu b’mod xieraq il-mudelli ta’ attività marbuta mal-fenomenu tal-ekonomija kollaborattiva. Ir-rispett tal-prinċipji ta’ sistema tat-taxxa ġusta (jiġifieri l-konsistenza, il-prevedibbiltà u n-newtralità) fir-rigward ta’ dawn il-mudelli l-ġodda huwa neċessarju għal kull parti interessata: l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u l-konsumaturi. |
|
2.6. |
Ir-regoli tradizzjonali dwar it-taxxa, madankollu, qed jitħabtu biex jadattaw għall-evoluzzjoni kontinwa tat-teknoloġija, u r-regoli tat-taxxa ta’ spiss qed jaqgħu lura meta mqabbel mal-ekonomija diġitali li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla ħafna. Għalhekk huwa opportun li l-adattament tar-regoli u l-prinċipji tradizzjonali għall-bidliet kontinwi jkun puntwali u adatt, filwaqt li tiġi kkoordinata l-azzjoni tal-leġislatur Ewropew u tal-leġislaturi nazzjonali differenti. |
|
2.7. |
Huwa partikolarment importanti li l-istituzzjonijiet internazzjonali, Ewropej u nazzjonali jaġixxu b’mod rapidu, effikaċi u koordinat biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ġodda maħluqa mill-ekonomija diġitali u kollaborattiva permezz ta’ approċċ proattiv pjuttost milli jirreaġixxu għall-emerġenza ta’ sfidi speċifiċi. |
|
2.8. |
Il-KESE huwa konvint li, fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, il-politiki dwar it-taxxa u l-iżvilupp ta’ għodod u soluzzjonijiet konkreti jridu jiġu kkoordinati fil-livell internazzjonali jew saħansitra globali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-OECD/G20 filwaqt li jirrikonoxxi li din il-kollaborazzjoni diġà waslet għal xi riżultati tanġibbli u jaf ikollha riżultati aktar rilevanti fil-futur. |
3. L-obbligi ta’ rappurtar
|
3.1. |
Kwistjoni ewlenija fir-rigward tas-sistemi tat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva tikkonċerna l-obbligi imposti fuq il-pjattaformi diġitali għall-ġbir, il-komunikazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa u l-ħżin tal-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa. Il-kondiviżjoni adegwata ta’ informazzjoni fi ħdan sistema funzjonali u proporzjonata għall-ġbir u l-iskambju ta’ data tista’ tabilħaqq tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet tat-taxxa li jistgħu jakkwistaw id-data b’mod rapidu u faċilment, minn naħa waħda, u min-naħa l-oħra tiżgura sistema prevedibbli għall-pjattaformi u għall-utenti tagħhom. L-obbligi ta’ rappurtar m’għandhomx jikkostitwixxu piż amministrattiv eċċessiv għall-pjattaformi u l-operaturi tas-settur. |
|
3.2. |
Diġà hemm diversi eżempji ta’ kollaborazzjoni effettiva bejn il-pjattaformi u l-awtoritajiet tat-taxxa fis-settur tat-trasport, bħal fil-każ tal-Estonja fejn ġew adottati dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw il-mili tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa għas-sewwieqa li jappartjenu għall-pjattaformi ta’ car-pooling. Eżempju ieħor ta’ soluzzjoni innovattiva, ukoll fl-Estonja, huwa l-identifikazzjoni ta’ ammont minimu u proporzjonat ta’ data li għandu jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet u l-possibbiltà, għall-operaturi tal-pjattaforma, li jużaw kont kurrenti speċifiku għall-konformità mat-taxxa. Dan il-kont kurrenti jiffaċilita relazzjoni diretta u rapida bejn l-operaturi, il-banek tagħhom u l-awtoritajiet tat-taxxa. Min-naħa l-oħra, f’xi reġjuni, il-pjattaformi diġitali ftit għandhom rieda li jikkooperaw mal-awtoritajiet finanzjarji. |
|
3.3. |
Għaldaqstant, il-KESE jixtieq jara l-iżvilupp ta’ standard Ewropew għall-ġbir tad-data u informazzjoni li l-pjattaformi għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet tat-taxxa u li jinżamm maż-żmien. Il-pluralità ta’ azzjonijiet unilaterali mill-Istati Membri u l-koeżistenza ta’ sistemi inugwali fis-suq intern – bħalma qed jiġri diġà parzjalment – fil-fatt huma maħsuba biex jiġġeneraw diffikultajiet operazzjonali u ineffiċjenzi għas-settur kollu tal-ekonomija kollaborattiva. |
|
3.4. |
L-iżvilupp ta' mudell Ewropew armonizzat ta’ rapportar għandu jkun ibbażat fuq l-esperjenza u l-feedback miġbura sal-lum il-ġurnata fil-prattika. Fl-Istati Membri differenti llum il-ġurnata hemm diversi sistemi ta’ rappurtar applikabbli li jvarjaw f’termini ta’ dispożizzjonijiet organizzattivi u l-kwantità u t-tip ta’ data li għandha tinġabar u tintbagħat. F’xi Stati Membri, is-sistemi ta’ rappurtar jinvolvu ħafna burokrazija u jirrikjedu sforz konsiderevoli min-naħa tal-pjattaformi diġitali, filwaqt li fi Stati Membri oħrajn is-sistemi huma aktar flessibbli u għandhom inqas impatt fuq l-operazzjonijiet ta’ kuljum. L-esperjenzi ta’ xi Stati Membri juru wkoll li sistemi ta’ rappurtar fakultattivi u volontarji, barra minn obbligi legali speċifiċi, ma jiffunzjonawx b’mod effettiv. |
|
3.5. |
Il-KESE jqis li l-frammentazzjoni attwali mhijiex sostenibbli fit-tul, peress li tista’ toħloq spejjeż ta’ konformità eċċessivi u ineffiċjenzi konnessi man-nuqqas ta’ omoġeneità tar-regolamentazzjoni fl-oqsma differenti tas-suq intern. Għal din ir-raġuni, għandu jinstab approċċ ibbilanċjat u proporzjonat għall-kwistjoni tar-rapportar, li jiżgura sistema simplifikata u funzjonali. Is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tista’ tabilħaqq tipprovdi inċentiv konkret biex il-pjattaformi diġitali jikkonformaw mar-regoli. |
|
3.6. |
Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali li għandhom jiggwidaw l-azzjoni regolatorja fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva b’mod ġenerali u l-obbligi ta’ rappurtar b’mod aktar speċifiku, il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġi adottat approċċ li jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għalhekk ser ikun meħtieġ li jkun jista' jintlaħaq l-għan regolatorju segwit, jiġifieri l-ġbir ta’ informazzjoni ċara u utli għall-ħidma tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-interess pubbliku, mingħajr sagrifiċċju eċċessiv tal-interess privat tal-pjattaformi diġitali u tal-utenti aħħarin. |
|
3.7. |
Dan l-approċċ għandu jiżgura regoli ċari u prevedibbli għall-operaturi tas-settur, sabiex ma jiġġenerawx spejjeż ta’ konformità eċċessivi (pereżempju permezz ta’ talbiet bla bżonn u sproporzjonati għal data), minn naħa waħda, u min-naħa l-oħra jiżgura l-ġbir effettiv ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa. |
|
3.8. |
Barra minn hekk, sistema ta’ rapportar proporzjonata u raġonevoli għandha tidentifika, mill-perspettiva kwalitattiva, liema data hija strettament meħtieġa u għandha tinġabar għall-finijiet ta’ infurzar tar-regoli tat-taxxa, mingħajr ma jiġu imposti piżijiet eċċessivi fuq il-pjattaformi diġitali u l-utenti professjonali jew l-utenti aħħarin tagħhom. Approċċ proporzjonat għandu jiddistingwi wkoll bejn entitajiet professjonali attivi fl-ekonomija kollaborattiva u dawk mhux professjonali, u jaġġusta b’mod xieraq l-obbiligi ta’ rapportar għaż-żewġ kategoriji differenti. |
|
3.9. |
Aspetti oħrajn li għandhom ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni armonizzata fil-livell Ewropew huma: i) il-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-parti responsabbli għall-ipproċessar; ii) il-persuni kkonċernati mill-ipproċessar; iii) ir-raġunijiet u l-entitajiet li għalihom tista’ tiġi żvelata d-data personali; iv) l-identifikazzjoni tal-metodi speċifiċi tal-ipproċessar; v) il-limitazzjoni tar-raġunijiet wara l-ipproċessar; vi) il-perjodi taż-żamma tad-data. |
|
3.10. |
L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet privati u l-awtoritajiet pubbliċi għandu jsir f’konformità mal-leġislazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-privatezza u l-ipproċessar tad-data personali tal-individwi, skont il-kriterji fir-rigward tal-ħtieġa, il-proporzjonalità u l-interpretazzjoni stretta ta’ eżenzjonijiet possibbli mill-prinċipji ġenerali ta’ privatezza għal raġunijiet ta’ infurzar tar-regoli tat-taxxa. |
|
3.11. |
F’dan ir-rigward, jista’ jkun utli li jittejjeb u jitħeġġeġ anke l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa differenti bil-għan li tiġi strutturata kooperazzjoni effettiva intiża biex jiġu evitati l-evitar tat-taxxa u l-frodi, kif ukoll sabiex jiġu armonizzati l-prattiki operattivi tal-awtoritajiet differenti. |
|
3.12. |
Ir-regoli tat-taxxa fl-ekonomija kollaborattiva, inklużi s-sistemi ta’ rappurtar, għandhom fi kwalunkwe każ jadattaw għas-setturi differenti tal-ekonomija kollaborattiva, peress li l-attivitajiet differenti f’dan is-settur ħafna drabi jkollhom karatteristiċi differenti u distintivi li jirrikjedu regoli speċifiċi u dedikati. |
|
3.13. |
Il-KESE jirrakkomanda li fi kwalunkwe każ jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-finijiet tat-taxxa għal attivitajiet imwettqa permezz tal-ekonomija kollaborattiva u għal attivitajiet tradizzjonali simili, f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità fiskali, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-funzjonament ta’ dawk is-swieq li jikkombinaw forom konvenzjonali ta’ attivitajiet u dawk imwettqa permezz tal-ekonomija kollaborattiva. |
|
3.14. |
Fl-aħħar nett, jista’ jkun utli għall-inċentivar tat-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva li jiġu identifikati limiti minimi li taħthom ċerti attivitajiet jitqiesu bħala mhux professjonali jew mhux ekonomikament rilevanti u b’hekk jikkwalifikaw għal eżenzjonijiet fiskali speċifiċi. Madankollu, huwa importanti li dawn il-limiti jiġu determinati b’mod raġonevoli b’segwitu għal valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt regolatorju. |
4. Il-VAT u l-ekonomija kollaborattiva
|
4.1. |
Għall-finijiet tal-VAT, huwa fundamentali li jiġi determinat b’mod preċiż il-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” u li jiġi stabbilit jekk din il-persuna hijiex qed twettaq attività ekonomika. Barra minn hekk, huwa daqsxejn ikkumplikat li jiġi determinat kif għandhom jiġu intaxxati t-tranżazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva li mhumiex soġġetti għal pagamenti fi flus kontanti, iżda xorta waħda jinvolvu xi forma ta’ ritorn, pereżempju abbażi tal-użu tad-data personali tal-utenti u l-estrazzjoni ta’ valur minn tali data. |
|
4.2. |
F'termini aktar preċiżi, għall-finijiet tal-VAT, għandha ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet differenti li jikkonċernaw il-ħlas għal servizzi: (i) sitwazzjonijiet fejn is-servizzi jingħataw bi ħlas ta’ somma flus; (ii) sitwazzjonijiet li fihom il-ħlas ma jsirx bil-flus, iżda b’forma ta’ servizz ieħor jew remunerazzjoni mhux monetarja; u (iii) sitwazzjonijiet li fihom is-servizz jingħata liberament mingħajr ebda ritorn (1). |
|
4.3. |
Fir-rigward taċ-ċirkostanzi prattiċi li possibbilment jaqgħu taħt il-punt ii), il-KESE jitlob li ssir analiżi bir-reqqa ta’ jekk l-attivitajiet tal-pjattaformi kollaborattivi humiex soġġetti għall-obbligi tal-VAT. |
|
4.4. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jikkunsidra li l-ħidma tal-grupp ta’ esperti dwar il-VAT tal-Kummissjoni Ewropea dwar It-trattament tal-VAT tal-ekonomija kollaborattiva hija utli u jirrakkomanda li din il-kwistjoni tiġi analizzata b’aktar reqqa. |
|
4.5. |
Ikun xieraq ukoll li l-Kummissjoni Ewropea u l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa jippromovu kooperazzjoni u koordinazzjoni reċiproċi fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-VAT għas-settur tal-ekonomija kollaborattiva, kemm bil-għan li jinbnew prattiki operattivi armonizzati, kif ukoll bil-ħsieb li tiġi skambjata informazzjoni utli għall-finijiet ta’ infurzar u sabiex jiġu evitati l-frodi u l-evitar tat-taxxa. |
|
4.6. |
Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi eżaminat jekk l-implimentazzjoni imminenti tad-Direttiva rigward ċerti rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament dwar l-identifikazzjoni ta’ frodi tal-VAT tistax tintuża fir-rigward tal-obbligi ta’ rappurtar, inkluż għal finijiet ta’ taxxa diretta, kemm fir-rigward ta’ pagamenti fuq l-Internet b’karta ta’ kreditu, kif ukoll fir-rigward ta’ pagamenti magħmula permezz ta’ trasferimenti bankarji diretti u metodi oħra ta’ pagament rapidu. |
Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Grupp ta’ esperti dwar il-VAT, laqgħa tal-1 ta’ April 2019 – taxud.c.1(2019)2026442 – EN, VAT Treatment of the sharing economy, VEG 081.