This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IE0936
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Listening to the citizens of Europe for a sustainable future (Sibiu and beyond)’
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn)”
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn)”
ĠU C 228, 5.7.2019, pp. 37–49
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
5.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 228/37 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn)”
(2019/C 228/06)
Relaturi: Vladimíra DRBALOVÁ
Peter SCHMIDT
Yves SOMVILLE
|
Deċiżjoni tal-Bureau |
16.10.2018 |
|
Bażi legali |
Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura |
|
Opinjoni adottata fil-plenarja |
20.3.2019 |
|
Sessjoni plenarja nru |
542 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
217/6/8 |
Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli
1. Introduzzjoni
|
1.1 |
Il-KESE huwa pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tagħha, permezz tad-diversità tal-membri tiegħu, u għalhekk jixtieq jipproponi l-viżjoni ambizzjuża tiegħu għall-futur, bl-Ewropa ssir il-mexxej globali fl-iżvilupp sostenibbli. |
|
1.2 |
Il-pedament tal-Unjoni Ewropea huwa wieħed mill-proġetti ta’ paċi, soċjali u ekonomiċi l-aktar ta’ suċċess fl-istorja Ewropea. L-Ewropa tagħna kienet imwaqqfa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi (1). Dawn il-valuri għandhom jibqgħu fil-qalba tal-iżvilupp u l-politiki futuri tal-UE. |
|
1.3 |
Seba’ deċennji ta’ paċi u stabbiltà fl-Ewropa hija kisba storika u eċċezzjonali. Il-proġett Ewropew u l-kostruzzjoni tal-Unjoni Ewropea, li ħolqu unjoni fost il-popli tal-Ewropa u li, pass pass, rabtu lill-Istati Ewropej flimkien b’għan komuni, għamlu dan possibbli. Dan jispjega għalfejn l-UE għadha proġett attraenti għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi li jipparteċipaw fil-politika tal-viċinat tal-UE. Madankollu, l-Ewropa trid tkun lesta tiffaċċja żviluppi ġeopolitiċi ġodda. Il-KESE għandu jkollu rwol biex iqajjem kuxjenza dwar il-fatt li l-paċi ma tistax titqies bħala fatt xi għal dejjem. |
|
1.4 |
Is-suq uniku fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tiegħu huwa fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea. Għalhekk għandu jkun kapaċi jiġġenera tkabbir u innovazzjoni sostenibbli, jiġbed l-investiment u jrawwem il-kompetittività sostenibbli tal-kumpaniji tiegħu fi swieq globalizzati. Madankollu, huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li l-impatt pożittiv tas-suq uniku ma ġiex mifrux b’mod ugwali u li mhux iċ-ċittadini kollha huma f’pożizzjoni li jibbenefikaw mil-ġid tiegħu. |
|
1.5 |
Tkabbir sostenibbli jfisser li t-tkabbir għandu jkun ibbażat mhux biss fuq il-kwantità imma wkoll – fil-fatt, aktar, – fuq il-kwalità, li jfisser (i) l-ebda sfruttament tal-ambjent jew tax-xogħol, (ii) kondizzjonijiet tal-għajxien ġusti, (iii) tkabbir ekonomiku mkejjel mhux biss mill-fluss annwali, iżda wkoll minn ħażniet ta’ ġid u d-distribuzzjoni tagħhom, (iv) l-issodisfar tal-ħtiġijiet ta’ kulħadd fi ħdan il-limiti tal-mezzi tal-pjaneta, (v) ekonomiji li qed jiżviluppaw li jippermettulna nirnexxu, irrispettivament minn jekk jikbrux jew le, u (vi) fluss magħluq ta’ dħul li jiċċirkola bejn id-djar, in-negozji, il-banek, il-gvern u l-kummerċ, li jopera b’mod soċjali u ekoloġiku. L-enerġija, il-materjali, id-dinja naturali, is-soċjetà umana, il-poter u l-ġid li għandna komuni: kollha huma nieqsa mill-mudell attwali. Ix-xogħol bla ħlas tal-persuni li jindokraw – prinċipalment in-nisa – huwa injorat, għalkemm l-ebda ekonomija ma tista’ taħdem mingħajrhom (2). |
|
1.6 |
Sadanittant, il-kompetittività sostenibbli hija mudell li jibbilanċja l-prosperità ekonomika, il-kwistjonijiet ambjentali u l-inklużività soċjali. F’dan il-kuntest, l-indiċi tal-kompetittività globali aġġustat għas-sostenibbiltà jeħtieġ li jqis żewġ dimensjonijiet ġodda – dawk ambjentali u soċjali (3). |
|
1.7 |
L-erba’ libertajiet, jiġifieri l-libertà tal-moviment ta’ prodotti, ċittadini, servizzi u kapital, li flimkien jippermettu l-iżvilupp kummerċjali u ekonomiku, l-impjiegi, il-kreattività u l-innovazzjoni, l-iskambju tal-ħiliet u l-iżvilupp tal-infrastruttura f’żoni remoti, huma l-essenza tal-Ewropa. Il-libertajiet ekonomiċi li jiffunzjonaw tajjeb u r-regoli tal-kompetizzjoni jimxu id f’id mad-drittijiet soċjali fundamentali, iżda m’għandhomx idgħajfuhom. |
|
1.8 |
Minkejja dan, l-UE għadha qed tiffaċċja sfidi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u politiċi interni u esterni eċċezzjonali (4) li jheddu l-eżistenza tagħha: il-protezzjoniżmu fis-suq uniku, l-inugwaljanzi soċjali, il-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u l-estremiżmu (5), kif ukoll bidliet kbar fix-xena ġeopolitika u bidliet teknoloġiċi ewlenin. |
|
1.9 |
Il-klima li qed tinbidel aktar malajr, il-kollass tal-bijodiversità, riskji ambjentali oħra u n-nuqqas kollettiv li jitwettqu politiki ta’ suċċess huma wkoll theddida vitali għall-popolazzjoni, l-ekonomija u l-ekosistemi tal-Ewropa. Għalhekk għandna bżonn strateġija b’saħħitha tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU. Soċjetajiet iktar ugwali għandhom rekord ambjentali aħjar u kapaċità akbar biex isiru dejjem aktar sostenibbli. |
|
1.10 |
Hemm ħtieġa ċara li tiġi indirizzata d-domanda għal impjiegi ta’ kwalità min-naħa taċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha, speċjalment f’reġjuni b’livell għoli ta’ qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, jew li qed jiffaċċjaw bidliet strutturali. Dan jobbliga lill-istituzzjonijiet kollha, il-gvernijiet, is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili – biex jiddefinixxu mill-ġdid Ewropa sostenibbli biex jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. |
|
1.11 |
Hemm ħtieġa urġenti li jitjieb l-aċċess għas-swieq tax-xogħol permezz ta’ korrelazzjoni bejn il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u sistema ta’ edukazzjoni mtejba biex jinħolqu settijiet ta’ ħiliet adegwati, pereżempju permezz tas-sistema doppja. |
|
1.12 |
Id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali huma marbuta ma’ xulxin u l-ekonomija għandha tkun l-istrument għat-tiġdid soċjali, ekonomiku u kulturali, permezz tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ ħiliet ewlenin u diversifikazzjoni akbar. L-Aġenda 2030 tan-NU għandha tħeġġeġ lis-settur privat biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali sostenibbli, u b’hekk jitrawwem tkabbir ekwu u sostenibbli tal-benesseri għal kulħadd u l-protezzjoni tad-drittijiet soċjali, umani u tax-xogħol (6). |
|
1.13 |
Id-dimensjoni kulturali, fid-diversità kollha tagħha, tal-proġett Ewropew għandha wkoll tkun rikonoxxuta bis-sħiħ fil-politiki kollha tal-UE. Din tinvolvi l-għarfien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, l-integrazzjoni ta’ dimensjoni kulturali u kreattiva fl-edukazzjoni u l-appoġġ għall-ħolqien kontemporanju bħala mutur għall-koeżjoni u l-iżvilupp. |
|
1.14 |
Is-sostenibbiltà hija proċess li jħares ’il quddiem, li jrid ikun immexxi minn rieda politika qawwija u d-determinazzjoni li tissawwar Unjoni Ewropea sostenibbli billi mmexxu l-ekonomiji tagħna lejn futur reżiljenti u kooperattiv, effiċjenti fir-riżorsi, b’livell ta’ karbonju baxx u soċjalment inklużiv (7), fejn l-imġiba, l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-gvernijiet, tal-kumpaniji, tal-ħaddiema, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi huma mmexxija mir-realizzazzjoni tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħhom b’mod responsabbli.
|
2. L-Ewropa tal-Persuni
|
2.1 |
F'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej, l-Ewropa hija perċepita dejjem anqas bħala soluzzjoni, u dejjem aktar ta’ problema. In-nazzjonaliżmu u l-protezzjoniżmu huma theddid attwali. Fid-dawl tat-telf tal-identità u l-valuri, u wara li ġiet injorata d-dimensjoni kulturali tal-proġett Ewropew, l-Ewropa mhix qed jirnexxilha ssib tweġibiet li jikkorrispondu għal-livell tal-kwistjonijiet lokali u globali. |
|
2.2 |
Huwa importanti ħafna li wieħed jagħraf it-tħassib leġittimu taċ-ċittadini, speċjalment dak taż-żgħażagħ, u li jżid il-parteċipazzjoni demokratika tagħhom. It-titjib u r-riforma tal-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni eżistenti tal-UE u l-proċessi ta’ konsultazzjoni huwa tal-akbar importanza. Il-kwistjonijiet marbuta maż-żgħażagħ huma inkorporati fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha u f’oħrajn.
|
3. Ewropa Soċjali
|
3.1 |
Il-Mudell Soċjali Ewropew għandu jipprovdi protezzjoni b’saħħitha u ġusta għaċ-ċittadini kollha, filwaqt li jnaqqas il-faqar u jipprovdi opportunitajiet biex kulħadd jirnexxi. Dħul diċenti għandu jnaqqas id-distakk bejn il-persuni għonja u dawk żvantaġġati u jiżgura għajxien ta’ kwalità. Kulħadd għandu jibbenefika minn standards ta’ xogħol diċenti, ugwaljanza, titjib fil-benesseri u tnaqqis fid-disparitajiet tas-saħħa ġewwa u bejn il-pajjiżi u bejn il-ġenerazzjonijiet. L-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni, l-impjiegi ta’ kwalità għolja, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saħħa u l-kura tas-saħħa pubblika ta’ kwalità tajba, affordabbli u aċċessibbli, l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u ta’ kwalità, il-ġustizzja ambjentali, l-edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja u l-aċċess ugwali għall-kultura: dawn iridu jkunu prinċipji ewlenin li jmexxu l-aġendi politiċi nazzjonali u Ewropej.
|
4. Ambjent Sostenibbli
|
4.1 |
Ir-riskji ambjentali jkomplu jiddominaw ir-riżultati tal-Istħarriġ annwali dwar il-Perċezzjoni tar-Riskji Globali (GRPS). Din is-sena, huma responsabbli, skont il-probabbiltà, għal tlieta mill-ħames riskji ewlenin u għal erbgħa skont l-impatt. It-temp estrem kien ir-riskju tal-akbar tħassib, iżda dawk li wieġbu għall-istħarriġ huma dejjem aktar inkwetati dwar il-falliment tal-politika ambjentali: wara li niżlet fil-pożizzjonijiet tal-klassifikazzjonijiet wara Pariġi, in-“nuqqas ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima”reġa’ lura għat-tieni post f’termini ta’ impatt din is-sena (17). |
|
4.2 |
Ma jista’ jkun hemm ebda ħajja, ebda impjieg u ebda intraprenditorija fuq pjaneta mejta. Għalhekk, il-kollass tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima jfissru li huwa prerekwiżit assolut għall-UE biex toħloq impjiegi ta’ kwalità għolja (18) u tipprovdi soluzzjoni ta’ benefiċċju għall-impjegaturi, għall-ħaddiema u għal rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili. Id-dewmien fl-adattament, jew in-nuqqas totali ta’ azzjoni, jista’ jżid b’mod sostanzjali l-ispiża totali marbuta mat-tibdil fil-klima (19) u l-impatt fatali tiegħu fuq il-bijodiversità, inkluża l-umanità. |
|
4.3 |
L-abbozz tal-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima ilu jiġi diskuss għal bosta snin u għadu qed jiġi diskuss. Dan il-Patt jippermetti lill-UE żżomm it-tmexxija tagħha fl-iżvilupp sostenibbli u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (20).
|
5. Negozju Ewropew bħala mexxej globali sostenibbli aktar b’saħħtu
|
5.1 |
In-negozju huwa fattur għall-iżvilupp tas-soċjetà u l-ambjent, u l-kompetittività sostenibbli hija prekondizzjoni neċessarja għall-kumpaniji biex jaqdu r-rwol tagħhom fis-soċjetà. Il-kumpaniji qed joperaw dejjem aktar b’mod sostenibbli, skont iċ-ċirkostanzi u r-riżorsi speċifiċi tagħhom stess u f’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tagħhom, biex jimmonitorjaw, jivvalutaw u jirrappurtaw dwar l-impatti fuq is-soċjetà, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet tal-bniedem li jħallu l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom. Għalhekk, l-Ewropa teħtieġ li tieħu approċċ fil-politiki tagħha li huwa konformi mal-ambizzjoni tagħha li ssir il-mexxej globali fl-iżvilupp sostenibbli. Diġà hemm atturi ewlenin fost il-kumpaniji fl-Ewropa, iżda dawn għandhom ikunu aktar ambizzjużi u jxerrdu din il-mentalità sostenibbli fil-katini tal-valur, u jinkoraġġixxu b'mod partikolari lill-SMEs. |
|
5.2 |
Għadd kbir ta’ mudelli ġodda qed jittrasformaw ir-relazzjoni bejn il-produtturi, id-distributuri u l-konsumaturi. Uħud minn dawn il-mudelli ġodda (bħall-ekonomija funzjonali, l-ekonomija kollaborattiva u l-finanzi responsabbli) ifittxu li jindirizzaw sfidi ewlenin oħra għan-nies u għall-pjaneta li huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli, bħall-ġustizzja soċjali, il-governanza parteċipattiva u l-konservazzjoni tar-riżorsi u l-kapital naturali.
|
6. Kummerċ Ħieles u Ġust
|
6.1 |
Il-politika kummerċjali tal-UE hija fattur ewlieni li japplika għall-UE kollha kemm hi u tabilħaqq tgħaqqad lill-Istati Membri kollha tagħha. Il-politika kummerċjali għenet lill-UE biex iżżid il-prosperità tagħha permezz ta’ skambji kummerċjali ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab. Illum l-UE hija l-forza ewlenija fil-kummerċ dinji, b’aktar minn 30 miljun impjieg marbuta mal-kummerċ internazzjonali (25), rwol ewlieni fil-kummerċ tas-servizzi u bilanċi favorevoli sinifikanti fil-kummerċ fl-oġġetti, pereżempju mal-Istati Uniti (aktar minn EUR 107.9 biljun għall-ewwel 11-il xahar tal-2018). Fl-istess ħin, l-UE tinkorpora u tippromovi, permezz tal-kummerċ, il-valuri tal-inklużjoni soċjali u l-ħarsien tal-ambjent li huma essenzjali għat-tiswir tal-globalizzazzjoni sostenibbli – fi kliem ieħor, forma ta’ globalizzazzjoni li tkun ta' benefiċċju mhux biss lil kumpaniji kbar u investituri, iżda wkoll lil nies ordinarji, ħaddiema, bdiewa, konsumaturi u SMEs. |
|
6.2 |
L-UE għandha l-għan li tippromovi – b’mod multilaterali, bilaterali u unilaterali – viżjoni tal-politika tal-kummerċ li tgħaqqad l-approċċ tradizzjonali merkantili mal-aċċess għas-suq (tariffi u mhux tariffi) b’għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli f’konformità mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. |
|
6.3 |
Il-politika kummerċjali tal-UE saħħet ir-rwol tas-soċjetà ċivili kemm fil-fażi tan-negozjati kif ukoll fil-fażi tal-implimentazzjoni bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi. Il-KESE jappoġġja l-professjonalizzazzjoni ta’ kull organizzazzjoni li tippermetti liċ-ċittadini jkunu aktar involuti fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-ftehimiet kummerċjali u aktar kontroll fuq il-konformità tas-sħab kummerċjali mal-impenji u l-istandards “kwalitattivi” (26).
|
7. Prodotti u servizzi pubbliċi
|
7.1 |
Skont il-Prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, “Kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inklużi l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali” (28). Dawn is-servizzi ma jistgħux joperaw biss skont il-kompetizzjoni komuni u r-regoli tas-suq: regoli speċifiċi huma essenzjali biex jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess aċċessibbli għal dawn is-servizzi, li huma kkunsidrati essenzjali u li huma rikonoxxuti bħala valuri komuni tal-Unjoni (29).
|
8. Tassazzjoni ġusta
|
8.1 |
Il-politika tat-taxxa fl-UE għandha żewġ komponenti: it-tassazzjoni diretta, li tibqa’ r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri, u t-tassazzjoni indiretta, li taffettwa l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq uniku. Fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, madankollu, l-UE stabbilixxiet xi standards armonizzati għat-tassazzjoni tal-persuni u tal-kumpaniji, filwaqt li l-Istati Membri ħadu miżuri konġunti biex jipprevjenu l-evitar tat-taxxa u t-tassazzjoni doppja. Madankollu, l-UE trid tkompli tippromovi sistema fiskali ġusta li teħtieġ li l-individwi u l-entitajiet legali jħallsu t-taxxa fuq id-dħul u l-profitti tagħhom b’mod proporzjonali. Fir-rigward tat-tassazzjoni indiretta, l-UE tikkoordina u tarmonizza l-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazji tas-sisa. Hija tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix imfixkla minn varjazzjonijiet fir-rati tat-tassazzjoni indiretti u minn sistemi li jagħtu lin-negozji f’pajjiż wieħed vantaġġ inġust fil-konfront ta’ oħrajn. |
|
8.2 |
In-nuqqas ta’ trasparenza, diskriminazzjoni, distorsjoni tal-kompetizzjoni u prattiki dannużi tat-taxxa jżid l-inugwaljanzi ekonomiċi u jnaqqas l-investimenti u l-impjiegi, li jwasslu għal nuqqas ta’ sodisfazzjon soċjali, nuqqas ta’ fiduċja u defiċit demokratiku. Din hija r-raġuni għaliex politika ta’ tassazzjoni ġusta tal-UE għandha tiġi implimentata biex iżżomm mal-istrateġija globali tas-sostenibbiltà, u mhux biex tkun f’kontradizzjoni magħha, ħalli b’hekk ikunu promossi l-konverġenza ekonomika u soċjali, il-koeżjoni soċjali u l-investiment fl-iżvilupp sostenibbli.
|
9. Governanza
|
9.1 |
It-tmexxija tat-trasformazzjoni lejn żvilupp sostenibbli teħtieġ approċċ ġdid ta’ governanza u regoli u strumenti ġodda, meta jiġu definiti u implimentati il-politiki tal-UE. L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ approċċ politiku olistiku u transsettorjali biex jiżgura li l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jiġu indirizzati flimkien.
|
10. Approċċ komprensiv għall-politika ta’ migrazzjoni
|
10.1 |
Id-dibattitu dwar il-futur ta’ Ewropa sostenibbli ma jistax jinjora l-approċċ tal-Ewropa għall-migrazzjoni. L-iżviluppi demografiċi juru li l-Ewropa se jkollha bżonn il-migranti, it-talent, il-ħiliet u l-potenzjal intraprenditorjali tagħhom. Hemm bżonn urġenti li jinbidlu n-narrattiva u l-politiki dwar il-migrazzjoni bbażati fuq kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ pajjiżi terzi, biex jiġi żgurat dibattitu razzjonali abbażi tal-fatti. Ir-refuġjati u l-migranti m'għandhomx jitqiesu bħala theddida iżda bħala opportunità għall-mudell ekonomiku u soċjali tal-Ewropa (37). Għal dan għandna bżonn approċċ u strateġija komprensiva għall-migrazzjoni.
|
11. Il-baġit tal-UE
|
11.1 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-valur miżjud Ewropew għoli tal-programmi li l-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 tikkonċentra fuqhom iż-żidiet prinċipali fin-nefqa (RŻI, Erasmus+). Madankollu, il-Kumitat jistaqsi dwar il-fatt jekk dawn iż-żidiet isirux askapitu ta' tnaqqis qawwi fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-politika ta' koeżjoni u l-Politika Agrikola Komuni (PAK), minħabba l-isforz biex jitnaqqas il-baġit tal-UE, li jonqos minn 1,16 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-UE27 fil-baġits attwali, għal 1,11 % biss fil-QFP ta’ wara l-2020. |
|
11.2 |
Il-KESE għandu dubji dwar it-tnaqqis propost fl-impenji ppjanati għall-PAK. Dan it-tnaqqis se jagħmilha impossibbli biex jiġi implimentat mudell ta' żvilupp rurali sostenibbli, objettiv globali tar-riforma l-ġdida tal-PAK, u objettivi oħra inklużi fil-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-ikel u tal-agrikoltura. |
|
11.3 |
Sfortunatament, il-proposta tal-Kummissjoni tidher li hija mmirata b’mod esklużiv lejn il-preservazzjoni tal-istatus quo, u l-KESE jiddispjaċih għad-diskrepanza bejn in-natura u d-daqs tal-isfidi l-ġodda li qed tiffaċċja l-UE, u l-ambizzjonijiet tagħha, u r-riżorsi disponibbli biex tiksibhom. |
|
11.4 |
In-nuqqas ta' fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet demokratiċi nazzjonali u Ewropej qed twassal għat-tkabbir ta' movimenti politiċi li jqajmu dubji dwar il-valuri u l-prinċipji demokratiċi u l-UE nnifisha. Uħud minn dawn il-movimenti politiċi issa huma parti minn gvernijiet ta’ xi Stati Membri tal-UE.
|
12. Komunikazzjoni
|
12.1 |
Lanqas il-kunċetti u l-programmi politiċi l-aktar ambizzjużi fil-livell tal-UE mhu se jikkontribwixxu biex jingħeleb id-distakk eżistenti bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha jekk ma jiġux ikkomunikati b’mod adegwat. |
|
12.2 |
Dan in-nuqqas ta’ qbil bejn l-inizjattivi, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u l-perċezzjoni tagħhom miċ-ċittadini tagħha jwassal għal ċirku vizzjuż ta’ ċittadini mhux infurmati jew infurmati ħażin, bil-konsegwenza li l-populiżmu qed jiżdied fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, qed nosservaw il-ħolqien ta’ sentiment anti-Ewropew min-naħa ta’ xi setturi tal-popolazzjoni, xi ħaġa li ddgħajjef ix-xogħol kontinwu fuq il-bini tal-proġett Ewropew. |
|
12.3 |
Għalhekk, strateġija ta’ komunikazzjoni komuni u komprensiva għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, fil-livelli kollha, inklużi l-atturi kollha tas-soċjetà ċivili, hija meħtieġa b’mod urġenti sabiex tiġġieled kontra dan in-nuqqas ta’ informazzjoni, kif ukoll informazzjoni li tqarraq b’mod deliberat. |
|
12.4 |
Politika ta’ komunikazzjoni effettiva għandha tieħu l-forma ta’ djalogu reali bejn dawk li jipprovdu l-informazzjoni u dawk li jirċevuha, biex jiġi evitat approċċ minn fuq għal isfel. |
|
12.5 |
Informazzjoni sostanzjali, kredibbli u vivaċi dwar suġġetti Ewropej tgħin biex toħloq kuxjenza u tiġġenera interess fi kwistjonijiet Ewropej. |
|
12.6 |
Il-KESE, bħala pont bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha u permezz tat-350 membru tiegħu, għandu jservi ta’ faċilitatur għal miżuri kkoordinati bħal dawn. Id-diversità tal-membri tal-KESE hija vantaġġ ewlieni f’termini ta’ kuntatt mal-akbar numru possibbli ta' ċittadini minn kull parti tal-Ewropa. B'mod partikolari, jeħtieġ tingħata aktar attenzjoni liż-żgħażagħ.
|
Brussell, l-20 ta’ Marzu 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Artikolu 2.
(2) Din id-definizzjoni ta’ tkabbir sostenibbli ġejja minn Kate Raworth, mill-Istitut tat-Tibdil fl-Ambjent ta’ Oxford University, u l-kunċett tagħha ta’ “doughnut economics”, alternattiva innovattiva għall-ekonomiji tat-tkabbir, u l-mudell ekonomiku u sostenibbli l-ġdid għas-seklu 21 li jista’ jgħin biex tintemm l-inugwaljanza – https://www.kateraworth.com/doughnut/
(3) Din id-definizzjoni hija bbażata fuq ix-xogħol ta’ Sten Thore u Ruzanna Tarverdyan dwar il-kompetittività sostenibbli: https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0040162516000664?via%3Dihub
(4) Opinjoni tal-KESE tat-18 ta’ Ottubru 2017 dwar “It-tranżizzjoni lejn futur Ewropew iżjed sostenibbli”(ĠU C 81, 2.3.2018, p. 44).
(5) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2018 dwar “Iż-żieda fil-vjolenza neofaxxista fl-Ewropa”.
(6) Opinjoni tal-KESE tas-7 ta’ Diċembru 2017 dwar “Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u l-investiment għat-tilħiq u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)”(ĠU C 129, 11.4.2018, p. 27).
(7) Opinjoni tal-KESE tal-21 ta’ Settembru 2016 dwar "Żvilupp sostenibbli: immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE"(ĠU C 487, 28.12.2016, p. 41).
(8) Opinjoni tal-KESE tal-14 ta’ Novembru 2012 dwar “Prinċipji, proċeduri u azzjonijiet għall- applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat ta’ Lisbona”(ĠU C 11, 15.1.2012, p. 8).
(9) Opinjoni tal-KESE tat-13 ta’ Lulju 2016 dwar "L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (reviżjoni)", (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 35).
(10) Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018
Eurochild Child Participation Strategy (Strateġija għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal tal-Eurochild) (Mhux disponibbli bil-Malti) tal-5 ta’ April 2017
Il-Programm tan-NU dwar iż-Żgħażagħ – Participation in Development – Summary Guidelines for Development Partners (Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fl-Iżvilupp – Linji Gwida Sommarji għas-Sħab għall-Iżvilupp) (Mhux disponibbli bil-Malti)
(11) Opinjoni tal-KESE tat-18 ta’ Ottubru 2018 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142).
(12) Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Settembru 2015 dwar It-titjib tat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 183).
(13) Riżoluzzjoni tal-KESE tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 11).
(14) Il-Kummissjoni Globali tal-ILO dwar il-Futur tax-Xogħol - Work for a brighter future (Ħidma għal ġejjieni aktar pożittiv) (Mhux disponibbli bil-Malti) tat-22 ta’ Jannar 2019.
(15) Opinjoni tal-KESE tal-20 ta’ Frar 2019 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 - Għal Ewropa aktar b’saħħitha fid-dawl tal-inċertezza globali (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 24).
(16) Karta ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea Towards a Sustainable Europe by 2030 (Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030) (Mhux disponibbli bil-Malti) tat-30 ta’ Jannar 2019.
(17) The Global Risk Report 2019 (Ir-Rapport dwar ir-Riskju Globali 2019) għall-forum ekonomiku dinji - sommarju eżekuttiv (Mhux disponibbli bil-Malti).
(18) Opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ Jannar 2017 dwar Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).
(19) OECD – Rapport dwar The economic consequences of Climate Change (Il-Konsegwenzi Ekonomiċi tat-Tibdil fil-Klima) tat-2 ta' Settembru 2016 (Mhux disponibbli bil-Malti).
(20) Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima ( ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8 ).
(21) Opinjoni tal-KESE tat-2 ta’ Lulju 2015 dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020 (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 74).
(22) Opinjoni tal-KESE tas-6 ta’ Diċembru 2017 dwar Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18).
(23) Opinjoni tal-KESE tas-27 ta’ April 2016 dwar Il-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98).
(24) Manifesto for a Sustainable Europe for its Citizens (Manifest għal Ewropa Sostenibbli għaċ-Ċittadini Tagħha) tat-28 ta’ Settembru 2018 (Mhux disponibbli bil-Malti).
(25) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2015 dwar Kummerċ għal Kulħadd.
(26) Opinjoni tal-KESE tat-23 ta’ Jannar 2019 dwar Ir-rwol tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 28).
(27) Opinjoni tal-KESE tat-23 ta’ Jannar 2019 dwar Ir-riforma tad-WTO biex tadatta għal żviluppi fil-kummerċ dinji (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 15).
(28) Dawn is-servizzi, li l-Kummissjoni tiddeskrivi bħala “servizzi essenzjali”, u li l-20 prinċipju tagħhom ma jipprovdix lista eżawrjenti, jaqgħu taħt “servizzi ta’ interess ġenerali”soġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-kunċett ta’ “servizzi essenzjali”ma jeżistix fid-dritt tal-Unjoni, li jittratta biss servizzi pubbliċi (trasport) u servizzi ta’ interess ġenerali (ekonomiċi, mhux ekonomiċi).
(29) Bħalissa l-KESE qed jabbozza Opinjoni fuq inizjattiva proprja Għal implimentazzjoni aħjar tal-Pilastru Soċjali, il-promozzjoni ta’ servizzi essenzjali fi ħdan il-qafas tal-kontribut tal-KESE għas-Summit ta’ Sibiu u lil hinn minnu.
(30) Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165).
(31) Opinjoni tal-KESE tal-20 ta’ Settembru 2017 dwar Sistema fiskali favorevoli għal kompetizzjoni ġusta u għat-tkabbir ekonomiku (ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18).
(32) Ara n-nota 31 f'qiegħ il-paġna.
(33) Opinjoni tal-KESE tal-20 ta’ Settembru 2017 dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Komuni (Konsolidata) (ĠU C 434, 15.12.2017, p. 58).
(34) Opinjoni tal-KESE tat-12 ta’ Lulju 2018 dwar It-tassazzjoni tal-profitti ta’ kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija diġitali (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 73).
(35) Ara n-nota 22 f'qiegħ il-paġna.
(36) Opinjoni tal-KESE tas-7 ta’ Diċembru 2017 dwar Il-Vantaġġi ta’ approċċ ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) għal żvilupp integrat lokali u rurali (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 36).
(37) Opinjoni tal-KESE tat-12 ta’ Diċembru 2018 dwar L-ispejjeż tan-nuqqas ta’ immigrazzjoni u tan-nuqqas ta’ integrazzjoni (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 1).
(38) Final report and recommendations of the High Level Group on Own Resources on the Future financing of the EU, (Rapport u rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji) (mhux disponibbli bil-Malti) – Diċembru 2016.
(39) Opinjoni tal-KESE tad-19 ta’ Settembru 2018 dwar Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).
ANNEX
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 59(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):
a) Punt 1.5
Ibdel it-test kif ġej:
Tkabbir sostenibbli jfisser li t-tkabbir għandu jkun ibbażat mhux biss fuq il-kwantità imma wkoll – fil-fatt, aktar, – fuq il-kwalità, li jfisser (i) l-ebda sfruttament tal-ambjent jew tax-xogħol, (ii) kondizzjonijiet tal-għajxien ġusti, (iii) tkabbir ekonomiku mkejjel mhux biss mill-fluss annwali, iżda wkoll minn ħażniet ta’ ġid u d-distribuzzjoni tagħhom, (iv) l-issodisfar tal-ħtiġijiet ta’ kulħadd fi ħdan il-limiti tal-mezzi tal-pjaneta, (v) ekonomiji li qed jiżviluppaw li jippermettulna nirnexxu, irrispettivament minn jekk jikbrux jew le, u (vi) fluss magħluq ta’ dħul li jiċċirkola bejn id-djar, in-negozji, il-banek, il-gvern u l-kummerċ, li jopera b’mod soċjali u ekoloġiku. L-enerġija, il-materjali, id-dinja naturali, is-soċjetà umana, il-poter u l-ġid li għandna komuni: kollha huma nieqsa mill-mudell attwali. Ix-xogħol bla ħlas tal-persuni li jindokraw – prinċipalment in-nisa – huwa injorat, għalkemm l-ebda ekonomija ma tista’ taħdem mingħajrhom. Il-kunċett ta’ tkabbir sostenibbli jirreferi għal tkabbir li jirrikonoxxi mhux biss kunsiderazzjonijiet ekonomiċi iżda wkoll kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali. F’dawn l-aħħar snin ġew ippreżentati tipi differenti ta’ mudelli ekonomiċi, pereżempju d-“doughnut economics” li għandu l-għan li jissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali ta’ kulħadd (abbażi ta’ 12-il “fondazzjoni soċjali”) fi ħdan il-mezzi tal-pjaneta (definiti minn 9 “konfini planetarji”). Bl-istess mod, il-proposti saru biex jitkejjel it-tkabbir b’indikaturi li jmorru ‘lil hinn mill-PDG’.
Raġuni
L-għan huwa li jiġi ċċarat il-fatt li t-test imħassar mhuwiex definizzjoni adottata b’mod komuni ta’ tkabbir sostenibbli, iżda jirreferi għall-mudell ekonomiku ppreżentat minn Kate Raworth imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna. Fil-fatt, it-test lanqas ma jiddeskrivi l-idea ċentrali ta’ dan il-mudell “Doughnut”, iżda jgħaqqad il-prerekwiżiti, il-karatteristiċi, l-implikazzjonijiet u l-aspetti tal-kejl marbutin miegħu.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
: |
75 |
|
Kontra |
: |
132 |
|
Astensjonijiet |
: |
11 |
b) Punt 1.6
Ibdel it-test kif ġej:
Sadanittant, il-kunċett tal-kompetittività sostenibbli hija jirreferi għal mudell li jibbilanċja l-prosperità ekonomika, il-kwistjonijiet ambjentali u l-inklużività soċjali. F’dan il-kuntest,Dan hu rifless, pereżempju, fl-indiċi tal-kompetittività globali aġġustat għas-sostenibbiltà mill-WEF jeħtieġ li jqis żewġ dimensjonijiet ġodda – dawk ambjentali u soċjali.
Raġuni
L-indiċi tal-kompetittività aġġustat għas-sostenibbiltà jqis b’mod speċifiku d-dimensjonijiet ambjentali u soċjali.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
: |
64 |
|
Kontra |
: |
147 |
|
Astensjonijiet |
: |
13 |
c) Kaxxa 1 (wara l-punt 1.14), it-2 inċiż
Ibdel it-test kif ġej:
Il-kompetittività u s-sostenibbiltà ma jmorrux kontra xulxin sakemm l-aspetti soċjali u ambjentali huma parti integrali tal-valutazzjoni tal-prodotti u s-servizzi fis-suq.mid-definizzjoni tal-kompetittività. Il-kompetittività ma tridx tkun definita biss skont il-kwantità u l-ipprezzar imma preferibbilment billi jitqiesu wkoll il-valuri, il-kwalità u s-sostenibbiltà Ewropej.
Raġuni
Il-kompetittività fis-swieq mhix iddeterminata mid-definizzjonijiet.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
: |
66 |
|
Kontra |
: |
148 |
|
Astensjonijiet |
: |
9 |
d) Kaxxa 1 (wara l-punt 1.14), il-5 inċiż
Ibdel it-test kif ġej:
Jeħtieġ li l-kumpaniji Ewropej, il-ħaddiema, il-konsumaturi u s-soċjetà ċivili kollha jaqdu r-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom u jaġixxu bħala mexxejja f’għajnejn il-bqija tad-dinja fir-rigward tas-sostenibbiltà jekk il-kompetittività u s-sostenibbiltà ekonomika tas-sistema Ewropea tagħna jiġu definiti mill-ġdid fir-rigward tal-fruntieri tal-pjaneta unika tagħna.
Raġuni
L-atturi kollha tas-soċjetà ċivili jeħtieġ jaqdu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom. Dan jgħodd irrispettivament mid-definizzjonijiet.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
: |
56 |
|
Kontra |
: |
138 |
|
Astensjonijiet |
: |
9 |