Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE4279

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE” (Eżami mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri) (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 81, 2.3.2018, p. 81–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE”

(Eżami mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri)

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 081/11)

Relaturi:

Bernd DITTMANN; Denis MEYNENT; Ronny LANNOO

Deċiżjoni tal-Bureau

30.5.2017

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KESE

Adottata fil-plenarja

18.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

176/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Sabiex tiġi stabbilita leġislazzjoni adatta li tagħmel possibbli li jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 3 tat-TUE, il-KESE jfakkar fl-importanza tal-prinċipju tal-implimentazzjoni kif imiss u f’waqtha; il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; il-prinċipji tal-prekawzjoni u tal-prevedibbiltà; il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”; u l-prinċipji tad-dimensjoni esterna tal-kompetittività u tat-test tas-suq intern.

1.2.

L-għan tal-leġislazzjoni Ewropea għandu dejjem ikun li jinħoloq qafas legali li jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini jgawdu l-vantaġġi tas-suq intern u li jevitaw piżijiet amministrattivi bla bżonn. Huwa għalhekk li l-KESE jemmen li l-monitoraġġ tal-applikazzjoni fil-post huwa essenzjali. Huwa wkoll favur leġislazzjoni li tista’ tiġi adattata. Huwa jinnota li mhuwiex biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda l-proċess leġislattiv ukoll li għandhom ikunu jistgħu jiġu adattati biex jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini.

1.3.

Għal din ir-raġuni, huwa tal-fehma li l-applikabbiltà tal-liġi tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi kkunsidrata sa mill-bidu ta’ dan iċ-ċiklu leġislattiv, fil-mument tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u li l-ekosistema Ewropea f’dan il-qasam għandha tkompli tiġi żviluppata.

1.4.

Madankollu, il-KESE jenfasizza li t-titjib tar-regolamentazzjoni ma jiħux post id-deċiżjonijiet politiċi u m’għandu fl-ebda każ iwassal għal deregolamentazzjoni u lanqas ikollu l-effett li jnaqqas il-livell tal-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent u d-drittijiet fundamentali.

1.5.

Il-biċċa l-kbira tad-diffikultajiet marbutin mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea tiġi min-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttivi. Għalhekk, il-KESE ġeneralment jirrakkomanda l-użu ta’ regolamenti aktar milli direttivi fl-Opinjonijiet tiegħu.

1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li t-titjib tal-mod li bih il-Kummissjoni tikkonsulta mal-partijiet interessati huwa kruċjali fl-iżvilupp ta’ leġislazzjoni li tkun faċli biex tiġi implimentata mill-Istati Membri u l-partijiet interessati.

1.7.

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li jista’ jaqdi rwol siewi bħala intermedjarju bejn il-leġislaturi u l-utenti tal-leġislazzjoni tal-UE. Min-naħa tiegħu, il-KESE jaġġusta kontinwament il-metodi ta’ ħidma tiegħu. Għaldaqstant, dan l-aħħar iddeċieda li jieħu sehem attiv fil-valutazzjoni taċ-ċiklu leġislattiv bili jwettaq valutazzjonijiet ex-post tal-acquis tal-Unjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-21 ta’ Diċembru 2016, is-Sur Pietro Russo, Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), informa b’ittra lill-Viċi President tal-KESE, is-Sur Michael Smyth, li ser jiġu stabbiliti kuntatti fil-livell amministrattiv dwar analiżi panoramika mnedija mill-QEA dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE li jsir mill-Kummissjoni Ewropea, b’konformità mal-obbligi tagħha. L-eżami mitlub mill-Qorti jissejjes fuq l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jipprevedi li l-“Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Hija għandha tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skont dawn it-Trattati. Hija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […]”.

2.2.

Fit-3 ta’ Mejju 2017, is-Sur Leo Brincat, Membru tal-Qorti, ressaq quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-KESE dokument bi tliet settijiet ta’ mistoqsijiet.

2.3.

Fid-dawl tal-importanza politika tad-dossier, is-Segretarju Ġenerali tal-KESE għarraf bih lill-Bureau, li ddeċieda li jwaqqaf grupp ad hoc magħmul minn tliet membri, inkarigat mit-tfassil ta’ risposta fil-forma ta’ Opinjoni fuq inizjattiva proprja abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KESE. Il-QEA għandha tirċievi l-kontribut tal-KESE sabiex dan jiġi integrat fir-rapport tagħha, previst għal Mejju 2018.

2.4.

Essenzjalment, il-Qorti tixtieq tisma’ lill-KESE dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni Ewropea biex tinforza l-liġi tal-UE jissodisfawx il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej. Il-Qorti tixtieq tkun taf dwar l-aspetti speċifiċi tal-monitoraġġ tal-applikazjoni tal-leġislazzjoni li jiġbdu l-attenzjoni tal-KESE b’mod partikolari.

3.   Il-mistoqsijiet tal-Qorti

3.1.

Il-QEA fasslet tliet settijiet ta’ mistoqsijiet bil-għan li tkun taf il-pożizzjoni tal-KESE f’dak li jirrigwarda:

a.

l-inizjattivi ewlenin imnedija mill-Kummissjoni bil-għan li l-liġi tal-UE tiġi applikata aħjar (“Tfassil Aħjar tal-Liġijiet” u “Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar”), b’mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza tagħhom, ir-reazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ewwel effetti pożittivi potenzjali tagħhom);

b.

it-temi ewlenin marbuta ma’ applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE, b’mod partikolari dwar l-applikabbiltà, it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-liġi tal-UE;

c.

ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE, b’mod partikolari l-użu li jagħmel il-KESE mill-informazzjoni u r-rapporti prodotti mill-Kummissjoni (1), il-punti u s-suġġerimenti tal-KESE dwar kif jista’ jittejjeb it-tfassil tar-rapporti dwar l-applikazzjoni tal-liġi.

3.2.

It-tweġibiet ta’ din l-Opinjoni, li bl-ebda mod ma tippretendi li hi eżawrjenti, huma bbażati fuq pożizzjonijiet espressi f’bosta Opinjonijiet tal-KESE (2).

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

L-għanijiet tal-Unjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE. B’mod partikolari: “Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent. […] Hija għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.”

4.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar fl-importanza tal-prinċipji diġà definiti biex tiġi stabbilita leġislazzjoni adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, il-prinċipju tal-implimentazzjoni kif imiss u f’waqtha, il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-prinċipju tal-prekawzjoni, tal-prevedibbiltà, ta’ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, tad-dimensjoni esterna tal-kompetittività u tat-test tas-suq intern (3).

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Dwar l-inizjattivi ewlenin imnedija mill-Kummissjoni bil-għan li l-liġi tal-UE tiġi applikata aħjar (“Tfassil aħjar tal-liġijiet” (4) u “Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar” (5))

5.1.1.

Il-kwistjoni tat-“Tfassil aħjar tal-liġijiet” ilha żmien twil tokkupa lill-KESE, li ddedika għaliha għadd kbir ta’ Opinjonijiet u rapporti ta’ informazzjoni (6), kif ukoll bosta dibattiti, seminars, studji u seduti (7).

5.1.2.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-programm “Tfassil aħjar tal-liġijiet”, il-KESE huwa tal-fehma li r-regolamentazzjoni fiha nnifisha mhijiex ostaklu u li, għall-kuntrarju, hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattat. Il-Kumitat, għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Viċi President Timmermans fakkar kemm-il darba li l-programm REFIT ma setax iwassal għal deregolamentazzjoni tal-acquis tal-UE u lanqas ikollu l-effett li jnaqqas il-livell tal-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent u tad-drittijiet fundamentali (8).

5.1.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li t-tijib tar-regolamentazzjoni aħjar u intelliġenti hija kompitu komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji, il-konsumaturi u l-ħaddiema. Madankollu, il-KESE jenfasizza li t-titjib tar-regolamentazzjoni ma jiħux post id-deċiżjonijiet politiċi.

5.1.4.

B’hekk, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE”, il-KESE (9):

laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-miżuri marbutin mar-regolamentazzjoni aħjar ser ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ att legali u li ser jiġu koperti kemm il-miżuri ex-ante kif ukoll dawk ex-post;

talab l-inklużjoni tal-korpi konsultattivi tal-UE fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet;

kien favur involviment komprensiv tal-partijiet interessati permezz ta’ konsultazzjonijiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ inizjattiva politika;

enfasizza l-ħtieġa li jintgħażlu l-partijiet interessati adatti u talab għall-indipendenza, l-imparzjalità u t-trasparenza fl-għażla tal-esperti għall-korpi differenti;

talab għal iżjed trasparenza fir-rigward tat-trilogi informali u argumenta favur l-użu limitat ta’ dan l-istrument;

talab li l-Kummissjoni tiffoka iżjed fuq in-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri u rrakkomanda, għalhekk, li jintużaw ir-regolamenti pjuttost milli d-direttivi.

5.1.5.

Min-naħa l-oħra, meta aċċetta l-istedina indirizzata lilu mill-Kummissjoni biex jieħu sehem fil-Pjattaforma REFIT u meta żviluppa proposti bil-għan li jittejjeb il-funzjonament ta’ din il-pjattaforma (10), il-KESE ta xhieda tal-impenn tiegħu favur qafas legali tal-UE li jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini jgawdu l-vantaġġi tas-suq intern u li jevitaw piżijiet amministrattivi bla bżonn.

5.1.6.

Fil-qafas tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-grupp ta’ riflessjoni tal-partijiet ikkonċernati tal-pjattaforma REFIT, il-KESE kkontribwixxa b’mod attiv fit-tfassil ta’ għadd ta’ Opinjonijiet tal-pjattaforma, li kkontribwixxew għall-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni u ser ikomplu jagħmlu dan fil-ġejjieni. Il-prijoritajiet tal-KESE ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-elementi pprovduti mis-sezzjonijiet tiegħu u kienu jinkludu, fost l-oħrajn, proposta ta’ semplifikazzjoni fir-rigward tal-problemi ta’ duplikazzjoni u rekwiżiti ripetittivi li jirriżultaw minn atti legali differenti tal-Unjoni, kif ukoll il-bżonn ta’ standards Ewropej ċari u kompleti għall-prodotti tal-bini (ir-Regolament dwar il-Prodotti tal-Bini). Il-Kumitat kkontribwixxa wkoll għall-iżvilupp ta’ lista komprensiva ta’ suġġerimenti dwar kif jistgħu jittejbu l-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea, li ser jgħin fir-rieżami li għaddej bħalissa tal-linji gwida u tas-sett ta’ għodod għal tfassil aħjar tal-liġijiet.

5.2.

Dwar it-temi ewlenin marbuta ma’ applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE (l-applikabbiltà tal-leġislazzjoni, it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku)

5.2.1.   Applikabbiltà

5.2.1.1.

Il-KESE kontinwament jadatta l-metodi ta’ ħidma tiegħu bil-għan li jikkontribwixxi biex tiġi vvalutata l-kwalità tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Inqas minn sentejn ilu ddeċieda li jieħu sehem attiv fil-valutazzjoni taċ-ċiklu leġislattiv bili jwettaq valutazzjonijiet ex-post tal-acquis tal-Unjoni.

5.2.1.2.

Il-KESE (11) huwa tal-fehma li l-applikabbiltà tal-liġi tal-UE għandha tiġi kkunsidrata sa mill-bidu ta’ dan iċ-ċiklu leġislattiv, fil-mument tal-valutazzjonijiet tal-impatt. Minkejja l-progress li diġà sar, l-ekosistema Ewropea fil-qasam tal-valutazzjoni tal-impatt (VI) għad trid tiġi żviluppata iżjed. Il-KESE jipproponi numru ta’ possibbiltajiet ta’ titjib biex tissaħħaħ il-kwalità tal-VI, fosthom speċifikazzjonijiet għal studji fil-qasam tal-VI li jkunu trasparenti, aċċessibbli u pluralisti, l-estensjoni tar-reġistru Ewropew tal-VI, il-ħtieġa ta’ approċċ kwalitattiv u approċċ metodoloġiku konverġenti fil-livell tal-matriċi ta’ riċerka tal-VI bejn l-istituzzjonijiet Ewropej differenti. Il-KESE għandu wkoll, fil-futur, janalizza ċerti studji tal-impatt (dawk li jikkonċernaw temi fejn l-istituzzjoni għandha pożizzjoni b’saħħitha), jeżamina mill-ġdid l-aspetti metodoloġiċi u jagħti fehmtu dwar il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew territorjali fl-aktar stadju avvanzat taċ-ċiklu leġislattiv. Din il-ħidma għandha wkoll tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kwalunkwe Opinjoni konsultattiva tal-KESE relatata mal-abbozzi ta’ leġislazzjoni mħejjija minn dawn l-istess valutazzjonijiet tal-impatt.

5.2.1.3.

Fil-fehma tal-KESE (12), l-għan tal-leġislazzjoni Ewropea għandu dejjem ikun li jinħoloq qafas legali li jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini jgawdu l-vantaġġi tas-suq intern u li jevitaw piżijiet amministrattivi bla bżonn. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-monitoraġġ tal-applikazzjoni fil-post huwa essenzjali. Huwa wkoll favur leġislazzjoni li tista’ tiġi adattata.

5.2.1.4.

Il-leġislazzjoni Ewropea għandha tkun soda dwar l-objettivi tagħha, dejjem konformi mal-objettivi mħaddna fit-trattat u flessibbli fil-qafas tat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali (13). F’dan il-kuntest, il-KESE huwa favur li ssir kjarifika tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

5.2.1.5.

Il-KESE jinnota, barra minn hekk, li mhuwiex biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda l-proċess leġislattiv innifsu li għandhom ikunu jistgħu jiġu adattati biex jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini (14). F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda (15):

a.

applikazzjoni iktar stretta tal-prinċipji tal-programm “tfassil aħjar tal-liġijiet”;

b.

it-trasparenza fil-livelli kollha tal-abbozzar tal-leġislazzjoni;

c.

l-iżvilupp ta’ sistema ta’ monitoraġġ iktar sistematika għat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-livell nazzjonali;

d.

li jiġu kkunsidrati r-rwol u s-setgħat imsaħħa mogħtija mit-Trattati lill-parlamenti nazzjonali;

e.

użu iktar frekwenti mill-Kummissjoni tal-komunikazzjonijiet interpretattivi tagħha;

f.

sforz imsaħħaħ fil-livell tas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-kodifikazzjoni.

5.2.1.6.

Il-biċċa l-kbira tad-diffikultajiet marbutin mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE tiġi min-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttivi. Għalhekk, il-KESE ġeneralment jirrakkomanda l-użu ta’ regolamenti aktar milli direttivi fl-Opinjonijiet tiegħu (16).

5.2.1.7.

Barra minn hekk, fil-qafas tal-programm REFIT, il-Kummissjoni kienet ħabbret li kellhom isiru konsultazzjonijiet għall-valutazzjonijiet, ir-rapporti tal-kwalità u t-tħejjija ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra aħjar il-fehmiet tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni Ewropea, li issa għandu wkoll kompetenza fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ex-post.

5.2.1.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li t-titjib tal-mod li bih il-Kummissjoni tikkonsulta mal-partijiet interessati huwa kruċjali fl-iżvilupp ta’ leġislazzjoni li faċilment tista’ tiġi implimentata mill-Istati Membri u l-partijiet interessati. F’dan ir-rigward, huwa diġà ressaq proposti biex jittejjeb b’mod strutturat il-proċess ta’ konsultazzjoni u biex jiġi żgurat il-monitoraġġ tiegħu (17).

5.2.1.9.

Il-KESE esprima d-dispjaċir tiegħu li l-miżuri tal-programm “Tfassil aħjar tal-liġijiet” ma jikkunsidrawx biżżejjed ir-rwol, il-funzjoni u r-rappreżentattività tal-KESE kif stabbiliti fit-Trattati u, b’hekk, ikunu qed jitilfu l-opportunità li jagħmlu użu mill-għarfien espert u l-kompetenza tal-membri tiegħu u li jiġu apprezzati l-kompiti mogħtija lilu. Sfortunatament, il-fatt li l-KESE jipparteċipa fil-pjattaforma REFIT (il-fażi ex-post) ma jirriflettix b’mod adegwat il-kompiti u r-responsabbiltajiet tiegħu f’dak li jirrigwarda t-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u l-effettività tal-istituzzjonijiet (18).

5.2.1.10.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tal-acquis tal-UE ta’ spiss issofri minn nuqqas ta’ rieda politika min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrispettaw u jiżguraw li jiġu rispettati r-regolamenti li ma jidhrux li “jidħlu” mal-korpus tal-liġijiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali u t-tendenza persistenti li jiżdiedu mekkaniżmi regolatorji ġodda mhux meħtieġa mar-regolamenti tal-UE jew li jingħażlu ċerti partijiet biss ta’ dawn ir-regolamenti u jiġu injorati oħrajn (19).

5.2.1.11.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li s-sistema “EU Pilot” (djalogu informali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-ksur tal-liġi tal-UE qabel it-tnedija ta’ proċedura ta’ ksur formali) hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-funzjonament tagħha għad irid jiġi vvalutat. Barra minn hekk, din is-sistema ma għandhiex tintuża biex tissostitwixxi l-proċeduri ta’ ksur.

5.2.2.   Trasparenza

5.2.2.1.

Il-KESE (20) jemmen li kull leġislazzjoni għandha tkun ir-riżultat ta’ deliberazzjonijiet politiċi pubbliċi. Huwa jemmen li l-proċess leġislattiv Ewropew jistħoqqlu jiġi rivedut fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona u, jekk meħtieġ, fil-kuntest ta’ Trattat ġdid sabiex il-politiki Ewropej jagħtu riżultati aħjar. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-kwalità, il-leġittimità, it-trasparenza u n-natura inklużiva tal-leġislazzjoni.

5.2.2.2.

Il-laqgħat tal-formazzjonijiet tal-Kunsill li jaħdmu skont il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għandhom ikunu pubbliċi, għall-finijiet ta’ trasparenza u demokrazija. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proċedura leġislattiva aċċellerata fit-trilogu m’għandhiex tiġi applikata ħlief f’każi ta’ emerġenza, li fil-fatt huwa konformi mal-kundizzjonijiet tat-Trattat (21).

5.2.2.3.

Għall-kuntrarju tal-kumitati tal-Parlament Ewropew, il-laqgħat tat-trilogu la huma trasparenti u lanqas aċċessibbli. Il-limitazzjoni tal-proċedura leġislattiva għal qari wieħed biss twassal għal-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili (22).

5.2.2.4.

Il-Parlament Ewropew, iżda wkoll il-korpi bħall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-KESE, għandhom jiġu integrati aħjar fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew (23).

5.2.2.5.

Fir-rigward tal-atti delegati, il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid aktar trasparenza għat-teħid tad-deċiżjonijiet (ara l-Artikolu 290 tat-TFUE), fatt li l-Kumitat enfasizza diversi drabi (24).

5.2.2.6.

Bara minn hekk, inħolqot ċerta konfużjoni minħabba l-għadd varjat ta’ ismijiet tal-aġendi u l-programmi (“Tfassil aħjar tal-liġijiet”, “Regolamentazzjoni Intelliġenti”, “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, eċċ.). Għandha tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-programmi u l-proġetti, kif ukoll ir-relazzjoni bejniethom, sabiex il-pubbliku jifhem lil min huma indirizzati (25).

5.2.2.7.

Barra minn hekk, fl-interess tat-trasparenza u l-leġittimità, il-Kumitat talab (26) li l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru mingħajr preġudizzju għad-djalogu ċivili strutturat (l-Artikolu 11(2) tat-TFUE) jew għall-konsultazzjonijiet li jsiru f’kuntesti speċifiċi, bħall-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali (l-Artikolu 154 tat-TFUE) jew il-konsultazzjoni tal-korpi konsultattivi bħall-KESE (l-Artikolu 304 tat-TFUE).

5.2.3.   Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku

5.2.3.1.

Jeħtieġ li tissaħħaħ u tittejjeb il-komunikazzjoni mal-pubbliku. Il-komunikazzjoni tnibbet l-interess, li jġib miegħu l-fehim. L-hekk imsejħa narrattiva ġdida għall-Ewropa għandha tibda bi strateġija ta’ komunikazzjoni u semplifikazzjoni kondiviża mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, jidher utli li ntennu dak li l-KESE kien saħaq dwaru fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-Att dwar is-Suq Uniku”, jiġifieri li l-partiti politiċi, il-mezzi tax-xandir, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-partijiet interessati kollha għandhom responsabbiltà storika fir-rigward tal-kapaċità tal-UE li tiffaċċja b’suċċess l-isfidi tad-dinja globali fuq il-bażi tal-valuri li s’issa dejjem ikkaratterizzaw l-ekonomiji soċjali tagħna tas-suq (27).

5.2.3.2.

In-netwerks ta’ appoġġ stabbiliti mill-Kummissjoni ftit li xejn huma magħrufa; dan huwa partikolarment minnu għan-netwerk SOLVIT, li għandu l-għan li jgħin liċ-ċittadini jew lin-negozji tal-UE meta d-drittijiet tagħhom ma jiġux rispettati mill-amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru ieħor. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni bil-għan li jiġi promoss aħjar dan in-netwerk.

5.2.3.3.

Possibbiltà waħda (28) tista’ tkun li l-Kummissjoni tagħmel iktar enfasi fuq l-informazzjoni pubblika, għaliex fl-aħħar mill-aħħar huma l-gvernijiet tal-Istati Membri, li ma jittrasponux il-liġi, jew li jagħmlu dan b’mod żbaljat jew tardiv. Huma proprju dawn il-pajjiżi li approvaw ir-regolamentazzjoni fil-Kunsill. Huma għandhom jitqiesu responsabbli għall-applikazzjoni universalment difettuża tal-acquis tal-UE, liema ħaġa tiġi kkonfermata mill-ġdid kull sena fir-rapporti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll b’mod sistematiku liema miżuri huma essenzjali biex titwettaq bidla radikali tas-sitwazzjoni attwali u għandha tikkunsidra l-proposti preċedenti tal-KESE (29) f’dan il-qasam.

5.3.

Dwar ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Kummissjoni dwar implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE (monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (30) u r-rispett ta’ din l-istess liġi mill-Istati Membri)

5.3.1.

Naturalment, il-kwistjoni tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE hija ta’ tħassib, għall-KESE, li fassal Opinjonijiet speċifiċi dwar dan is-suġġett (31). Huwa indirizza wkoll din il-kwistjoni f’Opinjonijiet dwar suġġetti oħrajn (“Regolamentazzjoni Intelliġenti”, “Tfassil aħjar tal-liġijiet”, “REFIT”, eċċ.) u f’seduti u seminars dwar is-suġġett (b’mod partikolari fil-qafas tal-Osservatorju tiegħu tas-Suq Uniku).

5.3.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE spiss talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-rapport annwali tagħha għal Opinjoni sabiex jitqiesu l-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE u jappoġġa l-applikazzjoni tal- liġi fl-UE (32).

5.3.3.

Fil-fatt, il-KESE jemmen li jista’ jaqdi rwol siewi bħala intermedjarju bejn il-leġislaturi u l-utenti tal-leġislazzjoni tal-UE. Huwa jista’, pereżempju, jagħmel kontribut speċifiku għar-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri billi jimmira fuq iż-żidiet li saru mill-Istat Membri waqt it-traspożizzjoni (33).

5.3.4.

Barra minn hekk, il-KESE (34) ssuġġerixxa miżuri għat-titjib tat-traspożizzjoni tad-direttivi, b’mod partikolari:

tiġi antiċipata l-għażla tal-istrument normattiv tat-traspożizzjoni;

jitħaffef il-pass tal-proċess tat-traspożizzjoni hekk kif id-direttiva tigi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, billi l-koordinazzjoni interna tiġi assenjata lil punt ta’ kuntatt intern li jżomm bażi tad-data stabbilita għal dan il-għan;

tiġi ppreferuta t-traspożizzjoni permezz ta’ transkrizzjoni mill-ġdid f’każ ta’ dispożizzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati jew ta’ definizzjonijiet;

tiġi konċessa traspożizzjoni permezz ta’ referenza mmirata għad-dispożizzjonijiet normattivi/inkundizzjonati tad-direttiva bħalma huma l-listi, it-tabelli li juru l-prodotti, sustanzi u oġġetti previsti mid-direttiva, il-mudelli tad-dokumenti jew iċ-ċertifikati mehmużin fl-anness għad-direttiva;

jiġu adottati proċeduri nazzjonali ta’ traspożizzjoni skont l-iskop tad-direttiva billi wieħed jirrikorri għal proċeduri mgħaġġla mingħajr ma jiġu injorati l-konsultazzjonijiet interni obbligatorji marbuta mal-adozzjoni tat-testi normattivi.

5.3.5.

Bl-istess mod, il-KESE huwa tal-fehma li monitoraġġ adegwat tal-affarijiet Ewropej fi ħdan l-Istati Membri jkun partikolarment utli għall-Kummissjoni u jikkontribwixxi għall-kwalità tal-ħidma tagħha (35).

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Arar r-Rapport mill-Kummissjoni dwar “Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali tal-2015” [COM(2016) 463 final].

(2)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 100; ĠU C 277, 17.11.2009, p. 6; ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87; ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52 (INT/262) (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 325, 30.12.2006, p. 3 (INT/311) (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 43, 15.2.2012, p. 14; ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66; ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 192; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45; ĠU C 487, 28.12.2016, p. 51.

(3)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 51 (punt 2.14).

(4)  COM(2016) 615 final.

(5)  ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.

(6)  Ara l-Opinjonijiet “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE” (relatur: is-Sur Dittmann, ĠU C 13, 15.1.2016, p. 192); “Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea” (relatur: is-Sur Lannoo, ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57); “REFIT” (relatur: is-Sur Meynent, ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45); “Regolamentazzjoni aħjar: atti ta’ implimentazzjoni u atti ddelegati” (rapport ta’ informazzjoni li ma ġiex ippubblikat fil-ĠU, relatur: is-Sur Pegado Liz).

(7)  Nistgħu nsemmu bħala eżempju l-Jum Ewropew tal-Konsumatur 2016 dwar it-tema “It-tfassil aħjar tal-liġijiet għall-konsumaturi?”, id-dibattitu mal-Viċi President Frans Timmermans fis-sessjoni plenarja tat-18 ta’ Marzu 2017, l-istudju “L-implimentazzjoni tal-għan ta’ ‘Tfassil aħjar tal-liġijiet’– L-effett tar-rapport Stoiber” u l-edizzjoni tal-2015 tal-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili dwar it-tema “Id-djalogu ċivili: għodda għal leġislazzjoni aħjar fl-interess ġenerali”.

(8)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45 (punt 2.2).

(9)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 192.

(10)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45 (punt 2.12.1).

(11)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 11, punt 4.6.1.

(12)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 51 (punt 1.7).

(13)  Idem (punt 1.11).

(14)  Idem (punt 2.7).

(15)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87 (punt 3.6).

(16)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9 (punt 2.1).

(17)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57

(18)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 192 (punt 2.6).

(19)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 100 (punt 3.5).

(20)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 51 (punti 1.9 u 2.6).

(21)  Idem (punt 3.11).

(22)  Idem (punt 3.15).

(23)  Idem (punt 3.16).

(24)  Idem (punt 3.17).

(25)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66 (punt 5.2).

(26)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57 (punt 2.1.2).

(27)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47 (punt 1.7).

(28)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 192 (punt 4.4.9).

(29)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66

(30)  COM(2016) 463 final.

(31)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9ĠU C 347, 18.12.2010, p. 62

(32)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 62 (punt 1.10).

(33)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45 (punt 3.2.4).

(34)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9 (punt 5).

(35)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 3 (punt 6.1.13) (mhux disponibbli bil-Malti).


Top