Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE3297

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP)” (COM(2017) 343 final — 2017/0143 (COD))

    ĠU C 81, 2.3.2018, p. 139–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 81/139


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP)”

    (COM(2017) 343 final — 2017/0143 (COD))

    (2018/C 081/19)

    Relatur:

    Philip VON BROCKDORFF

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 4.9.2017

    Il-Parlament Ewropew, 11.9.2017

    Bażi legali

    Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    5.10.2017

    Adottata fil-plenarja

    19.10.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    529

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    132/4/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jaqbel ma’ din il-proposta għal Regolament u mal-għan tagħha li tagħti spinta lill-investiment fl-UE kollha iżda mhux ċar dwar jekk l-investiment li jirriżulta minn din l-inizjattiva hux se jibqa’ fi ħdan l-UE.

    1.2.

    Il-KESE jilqa’ kull sforz biex jinkoraġġixxi liċ-ċittadini tal-UE jagħmlu provvediment adegwat għas-snin ta’ rtirar tagħhom. Madankollu, għall-KESE mhuwiex ċar lanqas l-impatt fuq il-mobilità tax-xogħol madwar l-UE li jirriżulta mill-forniment ta’ prodotti tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPPs).

    1.3.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-PEPPs huma l-aktar probabbli li jappellaw għal numru limitat ta’ gruppi, b’mod partikolari, il-professjonisti mobbli li jaħdmu f’għadd ta’ Stati Membri differenti matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, u dawk li jaħdmu għal rashom. Għandu jingħata kull sforz sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jipprovdu tassazzjoni ekwa fuq dan it-tip ta’ prodott. Barra minn hekk, jenfasizza li din l-inizjattiva m’għandha fl-ebda każ tiġi interpretata li tnaqqas l-importanza tal-pensjonijiet tal-Istat jew professjonali.

    1.4.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-mitigazzjoni tar-riskju għal dawk li jfaddlu matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u meta jirtiraw. Hija wkoll ferm rakkomandabbli iktar ċarezza fir-rigward ta’ x’qed jiġi ggarantit madwar l-għażla awtomatika. Preferibbilment, din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata mill-aktar fis possibbli mill-Kummissjoni.

    1.5.

    Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol ta’ EIOPA (1) fil-monitoraġġ tas-suq u r-reġimi superviżorji nazzjonali bl-għan li tintlaħaq konverġenza u konsistenza madwar l-UE speċjalment dwar l-istruttura tal-governanza għal PEPPs fi ħdan kwalunkwe fornitur.

    1.6.

    Minħabba li l-interazzjonijiet bejn l-iskemi tal-pensjonijiet statutorji, okkupazzjonali u personali huma uniċi għal kull Stat Membru, il-KESE jirrakkomanda li l-fornituri jkunu jistgħu jaddattaw il-PEPPs tagħhom għas-swieq nazzjonali filwaqt li jirrispettaw il-ħtieġa għal konverġenza u konsistenza, kif iddikjarat hawn fuq. Fl-istess ħin, l-istruttura tas-sistemi tal-pensjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata sew sabiex jiġu evitati t-tfixkil u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    1.7.

    Il-KESE mhux ċert jekk il-PEPPs hux se jagħmlu differenza fi Stati Membri li jiddependu ħafna fuq pensjonijiet statutorji u fejn it-tradizzjonijiet ta’ tfaddil privat għall-irtirar huma dgħajfa. Ir-rwol tal-Istati Membri fil-promozzjoni tal-PEPPs, għalhekk, jitqies bħala kruċjali biex jappoġġja din l-inizjattiva.

    1.8.

    Il-KESE jikkonkludi li l-PEPPs m’għandhomx jidhru bħala sempliċi estensjoni ta’ dak li hu attwalment disponibbli għal dawk li jagħżlu pjani ta’ tfaddil privati u volontarji.

    1.9.

    Biex il-prodotti ta’ pensjoni personali jkunu aktar attraenti, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-KESE ifittex ċarezza dwar jekk il-1,5 % proposti hux se jiġu applikata bħala perċentwali fissa jew soġġetta għal limitu massimu fuq valuri assoluti. Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll ir-rinunzja tal-miżata għal tibdil tal-fornitur wara perjodu ta’ żmien definit, għall-vantaġġ ta’ min ifaddal u l-prospett futur tal-PEPPs. Barra minn hekk, ir -regolament għandu wkoll jistabbilixxi regoli bażiċi dwar l-aċċess għal fondi akkumulati mill-eredi ta’ min ifaddal, fil-każ tal-mewt ta’ min ifaddal.

    2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

    2.1.

    Huwa stmat li madwar 27 % biss mill-243 miljun ċittadin tal-UE fl-età ta’ bejn 25 u 59 sena bħalissa qed iġġemmgħu għall-pensjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li l-offerta ta’ prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew se tinkoraġġixxi aktar tfaddil. Biex jintlaħaq dan l-għan, fid-29 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta tagħha għal Regolament li jistabbilixxi qafas għal prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew ġdid (PEPP). Din il-proposta hi kompletament f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2015 tal-UE dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u għandha l-għan li tespandi s-suq tal-pensjoni personali għal EUR 2,1 triljun sal-2030.

    2.2.

    Ladarba jiġi adottat, ir-Regolament ser jippermetti li prodotti tal-pensjoni personali pan-Ewropej jiġu offruti madwar l-Istati Membri. Ir-Regolament propost jipprovdi l-qafas għal sistema volontarja fl-UE kollha b’mod parallel ma’ skemi eżistenti tal-pensjoni personali. Il-PEPPs mhux se jieħdu post l-istrutturi nazzjonali eżistenti tal-pensjonijiet. Minflok, huma ser jikkumplimentaw l-iskemi eżistenti tal-pensjonijiet personali. Madankollu, il-PEPPs se jkunu offruti minn tipi differenti ta’ fornituri, fosthom assiguraturi, maniġers tal-assi u banek. Dawn ikunu disponibbli għal tqassim u xiri onlajn madwar l-Istati Membri kollha.

    2.3.

    Bħala komponent ewlieni tal-Pjan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-PEPPs ser joffru investiment fit-tul u opportunitajiet ta’ tkabbir f’suq kapitali madwar l-UE bi flussi kapitali fl-UE kollha. Dan għandu l-għan li jżid l-investiment kummerċjali u jipprovdi kapital għal proġetti ta’ infrastruttura. Żieda kemm fl-investiment privat kif ukoll f’dak pubbliku tista’ tgħin biex jiżdied il-ħolqien ta’ impjiegi madwar l-UE.

    2.4.

    Il-proposta tal-Kummissjoni ser tiffaċilita l-ġbir tal-assi tal-pensjoni minn fornituri li jwassal għal ekonomiji ta’ skala akbar u spejjeż aktar baxxi għall-fornituri barra miż-żieda fil-kompetizzjoni hekk kif fornituri ġodda jidħlu fis-suq tal-pensjonijiet. B’aktar fornituri milli hemm bħalissa, dawk li jfaddlu ser jibbenefikaw minn prezzijiet aktar baxxi minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni bejn il-fornituri, u possibbilment prospetti aħjar għal min ifaddal. Madankollu, huwa ta’ importanza kruċjali li dawk li jfaddlu jkunu kompletament konxji tar-riskji li jġarrbu u l-kundizzjonijiet marbuta mal-PEPP tagħhom.

    2.5.

    It-taħlita ta’ għażla akbar, is-semplifikazzjoni, il-prezzijiet aktar baxxi u, possibbilment, prospetti ta’ qligħ aħjar għal min ifaddal jistħgu jinkoraġġixxu lil aktar individwi jixtru dawn il-prodotti jew jissupplementaw l-intitolamenti tal-pensjoni jekk id-dħul tal-irtirar huwa mistenni li jkun inadegwat jew li jipprovdi dħul tal-irtirar f’każijiet fejn l-individwi ma jkunux koperti minn skema tal-pensjoni statutorja jew skema ta’ pensjoni okkupazzjonali.

    2.6.

    Il-Kummissjoni temmen li l-PEPPs x’aktarx li jkunu partikolarment attraenti għal ħaddiema mobbli li jaħdmu f’pajjiżi differenti tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u individwi li jaħdmu għal rashom. Jistgħu wkoll joħolqu aktar għażliet ta’ dħul tal-irtirar alternattivi f’dawk l-Istati Membri fejn l-introduzzjoni tal-prodotti tal-pensjoni personali bħalissa hija limitata.

    2.7.

    Billi r-Regolament propost jipprovdi għal karatteristiċi standardizzati tal-prodott immirati biex joffru protezzjoni lill-konsumaturi, il-qafas propost jippermetti flessibbiltà akbar fit-tfassil ta’ prodotti tal-pensjoni.

    2.8.

    Il-karatteristiċi ewlenin tar-Regolament propost jistipulaw li:

    Il-fornituri għandhom ikunu awtorizzati mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u ser jiġu rreġistrati f’reġistru ċentrali, filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali ser ikomplu jissorveljaw il-fornituri. L-EIOPA ser tissorvelja s-suq u r-reġimi superviżorji nazzjonali bl-għan li tintlaħaq konverġenza. Dan se jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali biex jissorveljaw il-fornituri li joperaw taħt oqfsa nazzjonali differenti (jiġifieri kompartimenti). Madankollu, mhuwiex ċar kif dan ser jaħdem fil-prattika, meta wieħed jikkunsidra b’mod partikolari li, fil-biċċa l-kbira, il-prodotti tal-pensjoni personali huma definiti fil-livell nazzjonali u li jista’ jkun meħtieġ għarfien speċifiku ta’ kull suq nazzjonali għal sorveljanza adegwata.

    Il-fornituri għandhom josservaw it-trasparenza fl-ispejjeż u t-tariffi u jissodisfaw rekwiżiti oħrajn tad-divulgazzjoni fil-forma ta’ Dokument bit-Tagħrif Ewlieni (qabel jiġi konkluż kuntratt) u jipprovdu dikjarazzjonijiet standardizzati u perjodiċi tal-benefiċċji.

    Il-PEPPs ser joffru sa ħames għażliet ta’ tfaddil b’għażla ta’ investiment b’riskju baxx ta’ inadempjenza b’garanzija limitata biex jiġi żgurat l-irkupru tal-investiment ta’ kapital. Il-konsumaturi jistgħu jirrinunzjaw ir-rekwiżit ta’ parir relatat ma’ dan tal-aħħar soġġett għal fornituri li jistaqsu dwar l-għarfien u l-esperjenza ta’ min ifaddal.

    L-individwi se jkollhom id-dritt li jibdlu l-fornituri fis-suq domestiku u dak transfruntier kull ħames snin bi spiża limitata.

    Il-fornituri jkunu jistgħu jinvestu f’firxa ta’ għażliet soġġetti għall-prinċipju tal-“persuna prudenti” u l-aħjar interess fit-tul ta’ min ifaddal.

    Il-PEPPs ser jippermettu kontributi kontinwi meta l-membri jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri u jippermettu t-trasferiment ta’ assi akkumulati mingħajr likwidazzjoni.

    Se tkun disponibbli firxa ta’ għażliet. Il-PEPP għandhom jipprivileġġjaw annwalitajiet fejn il-ħlasijiet lid-detentur ta’ polza jkunu fissi u garantiti..

    Għandhom jiġu pprovduti proċeduri tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-ilmenti faċli għall-utent.

    2.9.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni temmen li ambjent fiskali favorevoli għall-PEPPs huwa essenzjali għall-kompetittività u l-attraenza ta’ dan il-prodott ġdid, u tirrakkomanda li fil-każ tal-PEPPs, l-Istati Membri għandhom joffru trattament fiskali ugwali għal dak prodotti domestiċi komparabbli. Alternattivament, dawn għandhom joffru l-aktar trattament favorevoli fejn pjani ta’ pensjoni personali differenti huma ntaxxati b’mod differenti (2).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-prodotti tal-pensjoni personali mhumiex żviluppati kompletament madwar l-UE. Ir-rwol tagħhom, madankollu, jista’ jkun fundamentali biex jiggarantixxi dħul tal-irtirar adegwat għal dawk il-ħaddiema fejn il-pensjonijiet statutorji u okkupazzjonali huma dgħajfa jew mhux żviluppati biżżejjed. Barra minn hekk, huwa rikonoxxut b’mod ġenerali li sistemi tal-pensjoni fuq diversi pilastri huma l-aktar mod effikaċi biex jiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza ta’ dħul tal-irtirar.

    3.2.

    Għalhekk, il-KESE jilqa’ kull sforz biex jinkoraġġixxi liċ-ċittadini tal-UE jagħmlu provvedimenti adegwati għas-snin tal-irtirar tagħhom. It-taħlita ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u rati ta’ twelid li qed jonqsu tista’ twassal biex ġenerazzjonijiet futuri jkollhom iħallsu huma, ħlief jekk in-nies jaħdmu għal żmien itwal. Fl-Istati Membri kollha, iżda speċjalment f’dawk fejn is-sistema b’diversi pilastri tal-pensjonijiet għadha mhijiex żviluppata bis-sħiħ u fejn skema tal-pensjoni statutorja hija l-fornitur prinċipali, li n-nies jiġu mħeġġa jagħmlu tfaddil personali għall-irtirar tagħhom jagħmel ħafna sens.

    3.3.

    Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ l-għan tal-introduzzjoni tal-PEPPs bħala mod kif iżżid kemm il-kopertura tal-pensjonijiet privati kif ukoll l-allokazzjoni ta’ fondi għal investimenti fuq terminu twil. Iż-żieda fit-tfaddil fit-tul jista’ jkollha wkoll impatt pożittiv fuq l-ekonomiji nazzjonali.

    3.4.

    Il-KESE huwa konxju li x-xenarju tal-pensjoni tal-Ewropa bħalissa huwa frammentat. F’uħud mill-pajjiżi, iċ-ċittadini għandhom diversi prodotti tal-pensjoni personali minn fejn jagħżlu; f’oħrajn hemm veru ftit. It-traqqigħ tar-regoli Ewropej u nazzjonali u d-differenzi fit-trattament fiskali rriżultaw fi trasferiment limitat ta’ assi finanzjarji madwar l-UE, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ portabbiltà tal-prodotti tal-pensjoni madwar l-UE matul il-ħajja tax-xogħol tal-individwu. Jekk wieħed jassumi li dawn il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni huma korretti, il-PEPPs, flimkien ma’ miżuri oħra li jiffurmaw parti minn pakkett usa’ ta’ riformi, jistgħu jgħinu biex it-tfaddil jiżdied minn EUR 700 biljun għal aktar minn EUR 2 triljun sal-2030. Dan jagħti spinta kbira għall-investiment madwar l-UE.

    3.5.

    Barra minn hekk, il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li żżid in-numru ta’ fornituri. Iktar kompetizzjoni madwar l-UE għandha tgħin biex tbaxxi l-prezzijiet filwaqt li tipprovdi livell ta’ serħan il-moħħ dwar il-kwalità ta’ prodotti tal-pensjoni li qed tiġi offruta mill-assiguraturi, ditti ta’ investiment, fondi tal-pensjonijiet, maniġers tal-assi u banek fl-UE kollha. Iż-żieda fil-kompetizzjoni transkonfinali hija importanti ħafna u għandha ġġib vantaġġi ovvji għaċ-ċittadini permezz ta’ spejjeż imnaqqsa, għażla tal-prodott u portabbiltà tal-pensjonijiet.

    3.6.

    L-importanza marbuta ma’ salvagwardji kif ukoll sorveljanza minn awtorità superviżorja madwar l-UE hija wkoll milqugħa. Il-KESE jistenna li l-EIOPA jkollha rwol ċentrali fis-superviżjoni tal-fornituri u s-sorveljanza tas-suq.

    3.7.

    Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur permezz tal-għoti ta’ informazzjoni ċara lil dawk li jfaddlu kif ukoll il-protezzjoni tal-kapital taħt l-għażla prestabbilita ta’ riskju baxx; informazzjoni dwar tfaddil akkumulat; proċeduri amministrattivi ssemplifikati u proċeduri faċli għall-utent ta’ lmenti u rimedju barra l-qorti f’każijiet ta’ tilwim bejn dawk li jfaddlu u l-fornituri; spiża raġonevoli ta’ bidla minn fornitur għal ieħor; u protezzjoni lil dawk li jfaddlu fil-każ ta’ rtirar minħabba, pereżempju, diżabilità jew mard.

    3.8.

    Billi l-PEPPs se jkunu portabbli, il-KESE jemmen li l-faċilità li wieħed jaqleb minn fornitur għall-ieħor bejn il-fruntieri tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-ħaddiema, għalkemm il-punt sa fejn dan iżid il-mobbiltà tas-suq tax-xogħol mhuwiex ċar.

    3.9.

    Il-KESE jaqbel li din il-proposta tista’ tkun importarnti fir-rigward tal-ħolqien ta’ gruppi ġodda ta’ kapital. Sa issa, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) b’inizjattivi – bħalma huma l-liberalizzazzjoni ta’ regoli għal fondi ta’ kapital tar-riskju u l-iffaċilitar għall-kumpaniji ż-żgħar biex jiġu elenkati fil-boroż – kellhom suċċess limitat. Il-KESE jemmen li l-PEPPs jikkontribwixxu ferm għall-ħolqien ta’ sors ġdid ta’ fondi li jistgħu jiġu orjentati lejn l-investiment.

    3.10.

    Barra minn hekk, il-KESE jinnota li din l-inizjattiva hija rilevanti wkoll f’xenarju ta’ wara l-Brexit. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali kienet maħsuba, tal-inqas parzjalment, biex torbot is-swieq tal-Ewropa kontinentali aktar viċin mar-Renju Unit. Peress li l-ħruġ tal-Brittanja qed joqrob, il-ħtieġa li jiġi żviluppat suq kapitali pan-Ewropew assumiet importanza akbar minn qatt qabel. L-introduzzjoni tal-PEPPs ser isseħħ fi żmien opportun ħafna, speċjalment meta l-aqwa istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali ser jibdlu mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra. Dan kollu jista’ jgħin biex jiffaċilita l-fluss tal-kapital madwar l-UE b’inqas dipendenza fuq il-finanzjament bankarju.

    3.11.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-PEPPs huma l-aktar probabbli li jappellaw għal numru limitat ta’ gruppi, b’mod partikolari l-professjonisti mobbli li jaħdmu f’għadd ta’ Stati Membri differenti tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, dawk li jaħdmu għal rashom u dawk li jgħixu fi swieq fejn il-prodotti tal-pensjoni personali mhumiex żviluppati. Madankollu, il-KESE jifhem li l-Kummissjoni tagħti l-istess importanza lill-pensjonijiet professjonali, kif inhu enfasizzat fid-Direttiva riveduta dwar l-Istituzzjonijiet għall-Provvista ta’ Rtirar Okkupazzjonali (IORP) li tistipula r-rekwiżiti bażiċi ta’ governanza għal fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali. Kif kien il-każ tad-direttiva riveduta dwar l-IORP, l-għan ta’ dan ir-Regolament propost huwa wkoll li jtejjeb il-governanza u t-trasparenza, biex tiġi promossa l-attività transkonfinali u jiġu żviluppati aktar fornituri tal-PEPPs bħala investituri fuq terminu twil.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-PEPPs m’għandhomx jidhru bħala sempliċi estensjoni ta’ dak li hu disponibbli għal dawk li jagħżlu pjani ta’ tfaddil privati u volontarji. Bħala tali, ir-rwol tal-Istati Membri fil-promozzjoni tal-PEPPs u l-benefiċċji ta’ tfaddil f’wieħed minnhom huwa kruċjali. Fuq il-bażi tal-prinċipju tat-trattament nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-PEPPs jingħataw l-istess trattament fiskali favorevoli li l-Istati Membri jagħtu lil prodotti nazzjonali simili tagħhom stess. F’dawk il-każijiet fejn il-karatteristiċi tal-prodott ta’ PEPPs ma jaqblux il-kriterji kollha meħtieġa biex jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lil prodotti tal-pensjoni nazzjonali eżistenti, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu l-istess eżenzjoni mit-taxxa bħal dik mogħtija lil dawn il-prodotti tal-pensjoni nazzjonali.

    4.2.

    Il-KESE mhux ċert jekk il-PEPPs hux se jagħmlu differenza fi Stati Membri li jiddependu ħafna fuq pensjonijiet statutorji u fejn it-tradizzjonijiet ta’ tfaddil privat għall-irtirar huma dgħajfa. Kif intqal qabel, il-PEPPs huma aktar probabbli li jinteressaw lil dawk li jaħdmu għal rashom, u professjonisti mobbli, mentri dawk bi dħul baxx, ħaddiema b’kuntratti ta’ impjieg mhux stabbli u intermittenti jew ħaddiema staġjonali probabbli ma jaffordjawx prodott tal-pensjoni personali.

    4.3.

    Għal din ir-raġuni, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu inċentivati ċ-ċittadini biex jibdew ifaddlu minn kmieni matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom permezz tal-għoti mill-Istati Membri ta’ krediti ta’ taxxa. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li ċ-ċittadini jiġu pprovduti bi gwida professjonali dwar l-iffissar ta’ perjodi minimi ta’ investiment biex ikunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji ta’ investiment fuq terminu twil.

    4.4.

    Il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipprovdu lil min ifaddal b’sa ħames għażliet ta’ investiment, kollha bi tnaqqis tar-riskju. L-isfida ewlenija hawnhekk hija d-diverġenza fost l-Istati Membri. L-awtoritajiet nazzjonali se jkomplu jissorveljaw il-fornituri li joperaw fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, u għalhekk ir-rwol tal-EIOPA fil-monitoraġġ tas-suq u r-reġimi superviżorji nazzjonali bl-għan li tintlaħaq konverġenza huwa meqjus kritiku biex jipprovdi ċertu livell ta’ konsistenza fost l-Istati Membri.

    4.5.

    Il-KESE jaqbel ukoll mal-fehma tal-Kummissjoni li tissuġġetta l-fornituri tal-PEPP għal regolamentazzjoni xierqa li tinkludi n-natura fit-tul tal-prodotti u l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tagħhom. Il-KESE jfakkar li d-Direttiva dwar is-Solvenza II (2009/138/KE), ir-reġim regolatorju tal-assigurazzjoni fl-UE kollha, għandha l-għan li tgħaqqad suq uniku tal-assigurazzjoni tal-UE u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur billi tistabbilixxi “passaport tal-UE” (liċenzja waħdanija) għall-assiguraturi biex joperaw fl-Istati Membri kollha jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-UE. Is-Solvenza II kienet partikolarment immirata biex tipproteġi l-klijenti fejn l-assiguraturi huma l-fornituri ewlenin ta’ pensjonijiet personali. Il-KESE huwa tal-fehma li istituzzjonijiet finanzjarji oħra għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti stretti li jipprovdu l-istess livell ta’ protezzjoni.

    4.6.

    Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għal dekumulazzjoni. L-individwi li jfaddlu u jixtru PEPPs ser jeħtieġu appoġġ sinifikanti biex iwieġbu mistoqsijiet dwar kemm huwa meħtieġ biex jirtiraw fil-kumdità u l-aħjar mod biex jiġbdu l-assi tal-irtirar. Jeħtieġ li wieħed jislet mill-esperjenza ta’ approċċi ta’ dekumulazzjoni tal-irtirar minn pensjonijiet okkupazzjonali li jippermettu parir dwar l-aħjar strateġiji ta’ dekumulazzjoni. Il-KESE jaħseb li strateġiji bħal dawn huma intrinsiċi għall-prodotti tal-pensjoni u dawk li waslu biex jirtiraw għandhom isiru konxji ta’ prattiki u regoli dwar id-dekumulazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni.

    4.7.

    L-importanza tal-litteriżmu finanzjarju ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed (3). Il-KESE huwa tal-fehma li l-introduzzjoni b’suċċess tal-PEPPs ser tiddependi fil-parti l-kbira fuq jekk l-informazzjoni mogħtija hijiex ċara biżżejjed biex tippermetti lil dawk li jfaddlu li jqabblu u jikkuntrastaw prodotti u fl-aħħar jagħżlu l-prodott li jaqdi l-bżonnijiet tagħhom bl-aħjar mod. Barra minn hekk, dan jeħtieġ li jiġi standardizzat madwar l-UE minħabba l-importanza tal-portabbiltà.

    4.8.

    Informazzjoni prekuntrattwali dwar il-fażi tad-dekumulazzjoni u t-trattament tat-taxxa rilevanti hija meqjusa bħala rilevanti ħafna. Għalkemm il-KESE jaqbel li r-responsabbiltà diretta għall-forniment ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja taqa’ fuq il-fornituri, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali jibqa’ kritiku. Il-prodotti tal-pensjoni huma intrinsikament marbuta mal-politiki soċjali u r-reġim fiskali tal-Istati Membri. Dan jeħtieġ approċċ ta’ informazzjoni li jkun speċifiku għall-Istat Membru u għaldaqstant l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol sabiex jiżguraw li l-informazzjoni li tilħaq klijenti prospettivi tkun fattwali, tista’ tintuża u speċifika.

    4.9.

    Il-KESE huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet dwar il-bidla minn fornitur għal ieħor għandha tkun aktar attraenti għall-konsumaturi, u fl-istess ħin toffri iktar protezzjoni. Klijent ta’ PEPP għandu jkun jista’ jbiddel il-fornitur fi kwalunkwe ħin. Kwistjoni oħra hija dik tat-tariffi f’dawn iċ-ċirkustanzi. Il-KESE, għalhekk, ifittex ċarezza dwar kif se japplika l-limitu propost ta’ 1,5 % tal-bilanċ pożittiv. Għalkemm il-limitu ta’ 1,5 % jista’ jidher bħala xi ħaġa raġonevoli fuq il-karta, sakemm ma jkunx hemm ukoll limitu massimu f’termini assoluti, perċentwali fissa tista’ twassal lil dawk li jfaddlu biex jiġu ċċarġjati b’mod relattiv għall-valur assolut tal-iffrankar. Il-KESE jqis li dan huwa inġust u se jirriżulta effettivament fil-limitazzjoni tal-għażliet ta’ bdil ta’ dawk li jfaddlu. Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll ir-rinunzja tal-miżata għal tibdil tal-fornitur wara perjodu ta’ żmien definit, għall-vantaġġ ta’ min ifaddal u l-prospett futur tal-PEPPs.

    4.10.

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ regoli ċari dwar l-aċċess għal fondi akkumulati f’PEPP f’każ ta’ mewt ta’ min ifaddal. Dawk li huma intitolati għal dawn il-fondi għandhom jirċevuhom sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li jissottomettu d-dokumenti meħtieġa, u l-fornitur tal-prodott m’għandux ikun jista’ jiċċarġja kwalunkwe tip ta’ tariffa.

    4.11.

    Kif intqal qabel, l-inċentivi tat-taxxa għandhom rwol importanti fid-deċiżjoni ta’ individwu biex jiddifferixxi l-konsum u jfaddal għal meta jirtira. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar ir-rwol li l-inċentivi tat-taxxa jista’ jkollhom sabiex jiġi determinat is-suċċess jew tal-PEPPs. Madankollu, il-KESE jinnota li huwa f’idejn l-Istati Membri biex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’aċċess għall-inċentivi fiskali possibbli kollha.

    4.12.

    Peress li l-PEPPs huma prinċipalment immirati lejn professjonisti mobbli u dawk li jaħdmu għal rashom li jistgħu jaffordjaw li jikkontribwixxu għal PEPP, il-KESE huwa tal-fehma li l-forniment mill-Istati Membri ta’ inċentivi fiskali jiddiskrimina kontra dawk bi dħul aktar baxx li m’għandhomx il-possibilità li jieħdu kuntratt ta’ PEPP. Fid-dawl ta’ dan, l-Istati Membri għalhekk għandhom jikkunsidraw b’attenzjoni jekk jipprovdux inċentivi fiskali bħal dawn.

    4.13.

    Il-KESE jirrikonoxxi li prodotti tal-pensjoni fihom xi riskju minħabba n-natura fit-tul tagħhom. Madankollu, ċertu livell ta’ sofistikazzjoni tal-prodott ikun pass importanti biex jitnaqqsu r-riskji u l-inċertezzi, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-preferenzi ta’ dawk li jfaddlu. Li jitnaqqas ir-riskju f’każ ta’ individwi li ma kellhom l-ebda esperjenza preċedenti ta’ prodotti tal-pensjoni huwa meqjus bħala partikolarment importanti, u l-KESE jaqbel ma’ firxa ta’ alternattivi li jkunu disponibbli għal min ifaddal b’għażla prestabbilita obbligatorja waħda ta’ investiment fejn dak li jfaddal jitħalla jirkupra mill-inqas il-kapital investit nominali tiegħu jew tagħha.

    4.14.

    Is-sitwazzjoni fejn il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ivarjawskont il-fornitur tal-PEPP għandha tiġi evitata wkoll. Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet finanzjarji li joffru prodotti fit-tul għall-irtirar għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipju “tal-istess riskji, l-istess regoli”.

    4.15.

    Il-KESE juri wkoll li, kif enfasizzat fl-istqarrija għall-istampa ta’ Better Finance (il-Federazzjoni Ewropea ta’ dawk li jfaddlu u ta’ dawk li jużaw is-servizzi finanzjarji) (4) tad-9 ta’ Ottubru 2017, il-prodotti tal-pensjoni personali fit-tul “qegħdin jonqsu milli jipprovdu dħul adegwat ta’ sostituzzjoni minħabba li r-rendimenti tagħhom fit-tul jistgħu ma jkunux biżżejjed jew xi kultant anke negattivi (wara li titnaqqas l-inflazzjoni)”. Ir-responsabbiltà tal-fornituri biex jipprovdu lil dawk li jfaddlu bil-protezzjoni kollha meħtieġa u bl-aħjar rendimenti hija kruċjali għas-suċċess tal-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew. Madankollu, peress li l-parti l-kbira tal-fondi Ewropej tal-pensjoni attwalment hija investita f’bonds, il-prospetti ta’ titjib fir-rendimenti, għall-inqas fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien, ma jidhrux li huma tajbin ħafna.

    4.16.

    Fl-aħħar nett, il-KESE josserva li r-rwoli u l-interazzjoni bejn l-iskemi tal-pensjoni statutorji, okkupazzjonali u personali huma uniċi għal kull Stat Membru. Dawn fasslu s-swieq nazzjonali tal-pensjoni għal għexieren ta’ snin u mhijiex sorpriża li nsibu diversi prodotti tal-pensjoni madwar l-UE. F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li l-fornituri jkunu jistgħu jadattaw il-PEPPs tagħhom għas-swieq nazzjonali.

    Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

    (2)  C(2017) 4393 final.

    (3)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.

    (4)  Pension Savings: The Real Return, A Research Report by BETTER FINANCE, 2017.


    Top