This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017AE0654
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Building a European Data Economy’ (COM(2017) 9 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-bini ta’ ekonomija Ewropea tad-data” [COM(2017) 9 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-bini ta’ ekonomija Ewropea tad-data” [COM(2017) 9 final]
ĠU C 345, 13.10.2017, p. 130–137
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 345/130 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-bini ta’ ekonomija Ewropea tad-data”
[COM(2017) 9 final]
(2017/C 345/22)
Relatur: |
Joost VAN IERSEL |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 17.2.2017 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Adottata fis-sezzjoni |
14.6.2017 |
Adottata fil-plenarja |
5.7.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
527 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
148/0/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Konklużjonijiet
1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data”, li tikkonċerna l-konservazzjoni tad-data bħala faċilitatur ċentrali u kritiku tal-ekonomija l-ġdida (1). |
1.2. |
Il-Komunikazzjoni tiddiskuti data mhux personali u/jew kompletament anonimizzata. Fejn id-data tikkwalifika bħala data personali, jiġi applikat il-qafas tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR). |
1.3. |
Il-kwistjoni ewlenija hija li tinbena ekosistema tad-data bbażata fl-Ewropa bħala vettur indispensabbli għall-progress ekonomiku u soċjali, kif ukoll kompetittività b’saħħitha f’dinja li qiegħda fil-proċess ta’ trasformazzjoni radikali ma’ kompetituri b’saħħithom fl-Istati Uniti u l-Asja. Sabiex jitrawmu l-opportunitajiet ta’ konnettività u ta’ ħżin, hemm ħtieġa kbira għal investimenti pubbliċi u privati fl-infrastruttura fil-kontinent kollu. |
1.4. |
Il-ħolqien ta’ ekosistema tad-data teħtieġ l-ewwel nett miżuri għas-sensibilizzazzjoni fin-negozju, fis-servizzi pubbliċi, fis-soċjetà u fost l-Istati Membri. Hemm ħtieġa għal aktar fiduċja u onestà u rieda fost l-atturi kollha biex jaqsmu d-data. |
1.5. |
Il-KESE jenfasizza li hemm ħafna iktar involut milli dispożizzjonijiet legali u prattiċi. Il-kompetenzi ewlenin Ewropej għandhom b’mod urġenti jiġu aġġustati fil-kuntest tal-proċess ta’ trasformazzjoni attwali. L-Ewropa għadha lura f’dan il-qasam strateġiku. Hija meħtieġa attitudni proattiva fin-negozju biex tinfetaħ għal flussi dejjem jiżdiedu ta’ data u tiġi żviluppata l-kapaċità ta’ proċessar ta’ big data. Għandhom ikunu stabbiliti mudelli ta’ negozju flessibbli u aktar adattabbli. |
1.6. |
Strumenti li jippermettu l-innovazzjoni, filwaqt li jipproteġu l-interessi leġittimi tan-negozji u ċ-ċittadini, inklużi pjattaformi u workshops madwar l-UE, laboratorji fuq il-post, il-ħolqien ta’ ċentri ta’ eċċellenza, il-bini ta’ komunitajiet, il-Fabbriki tal-Futur, l-ittestjar, skambji, interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, l-ikkowċjar fost il-kumpaniji, mudelli ta’ kuntratti, l-interazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju, u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, kif ukoll sħubijiet pubbliċi-privati li fihom jieħdu sehem is-settur pubbliku u dak privat, pereżempju f’dimostraturi fuq skala kbira. |
1.7. |
L-ekwità privata u suq ta’ kapital ta’ riskju Ewropew aktar matur huma indispensabbli. |
Rakkomandazzjonijiet
1.8. |
Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi preċiża tas-sitwazzjoni attwali u ta’ attitudnijiet difensivi lejn il-fluss liberu tad-data fl-Istati Membri sabiex jitneħħew l-ostakli mhux ġustifikati billi jiġu stabbiliti id-dispożizzjonijiet legali u tekniċi adatti. It-tneħħija ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-fluss liberu tad-data għandha tkun parti integrali ta’ politika industrijali fl-Ewropa kollha. Il-ftuħ tas-swieq nazzjonali għandu jkun kopert ukoll mis-Semestru Ewropew. |
1.9. |
L-SMEs u l-innovazzjoni b’mod partikolari jbatu mil-lokalizzazzjoni tad-data. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li kull ħażna tad-data fl-Istati Membri għandha tkun immexxija mill-prinċipju ta’ moviment liberu. Il-KESE jitlob pjan direzzjonali u skadenzi għall-ftuħ tas-swieq nazzjonali. Is-Semestru Ewropew għandu wkoll ikopri din il-kwistjoni. |
1.10. |
Ir-riċerka pubblika hija sors importanti ħafna ta’ data. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ it-tixrid usa’ madwar l-Ewropa. |
1.11. |
Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-libertà kuntrattwali fis-settur privat għandha tkun rispettata. Huwa mixtieq qafas ġenerali tal-UE għall-istandards iżda dawn m’għandhom bl-ebda mod ixekklu l-innovazzjoni. Il-portabbiltà għandha tiġi promossa. |
1.12. |
Ir-responsabbiltà hija kwistjoni kontroversjali: tista’ tkun meħtieġa reviżjoni tad-direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, u jista’ jkun meħtieġ jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet legali speċjali għal M2M (bejn magna u oħra). |
1.13. |
Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna biex tagħti kunsiderazzjoni xierqa għal aspetti ta’ data f’diversi lingwi fil-fluss liberu tad-data u l-aċċess għad-data. |
1.14. |
Il-fattur uman huwa kruċjali. Il-programmi tal-UE jridu jiġu implimentati sabiex l-impjegati u ż-żgħażagħ jitħejjew għal żviluppi futuri. L-edukazzjoni u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol huma ta’ importanza kbira pereżempju sabiex jissodisfaw il-bżonn qawwi għal aktar analisti tad-data. |
1.15. |
Dawn il-proċessi għandhom jiġu mmonitorjati kif xieraq fin-negozju, kif ukoll mill-Kummissjoni u fuq livell nazzjonali, sabiex tinħoloq sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs ġenwina fil-livell Ewropew. |
2. Kuntest
2.1. |
Hemm distinzjoni bejn data personali u mhux personali – data personali u data tal-massa mhux speċifika. It-tnejn huma parti mis-suq diġitali iżda għandhom fil-mira oqsma differenti u huma koperti minn dispożizzjonijiet regolatorji tal-UE separati (2). |
2.2. |
Il-Komunikazzjoni dwar il-big data (3), b’segwitu għall-Komunikazzjoni “Lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-dejta” (4), tiddiskuti data mhux personali jew data anonima. |
2.3. |
F’każijiet speċifiċi hemm trikkib bejn id-data personali u mhux personali minħabba interazzjonijiet possibbli bejn iż-żewġ oqsma, u l-interazzjoni bejn is-settur privat u dak pubbliku. Pereżempju, fis-settur tas-saħħa, fejn l-interessi personali tal-pazjenti, l-interessi tan-negozju u l-interess pubbliku jikkoinċidu parzjalment. |
2.4. |
Il-bidliet huma multidimensjonali u imprevedibbli. Proċessi li għaddejjin relatati mar-ramifikazzjonijiet vertikali u orizzontali tad-data qed joħolqu dejjem aktar opportunitajiet biex tiġi miġbura, analizzata u proċessata d-data. Il-big data hija pedament kruċjali għal ekonomija futura mmexxija mill-klijent. |
2.5. |
Id-data għandha konsegwenzi kunsiderevoli fuq il-linji ta’ produzzjoni, l-interazzjoni ta’ servizzi u l-manifattura u l-katini ta’ valur. Hija ssaħħaħ il-frammentazzjoni tal-katini tal-valur. |
2.6. |
Għadd dejjem jikber ta’ start ups u scale ups juru r-rwol ewlieni tad-data. L-SMEs huma dipendenti ħafna fuq kuntest intenazzjonali (Ewropew) favorevoli u fuq il-finanzjament. |
2.7. |
Ekonomija mmexxija mill-klijent hija r-riżultat ta’ big data, komunikazzjonijiet bejn magna u oħra (M2M) u l-fluss liberu tad-data. Din tiġġenera prodotti u servizzi sofistikati. Is-setturi u l-livelli kollha fi ħdan il-kumpaniji qed jadattaw għal dawn il-bidliet. Iżda hemm differenzi konsiderevoli bejn setturi, kif ukoll bejn il-kumpaniji l-kbar u ż-żgħar, u l-pożizzjonijiet differenti ta’ kumpaniji fil-katini tal-valur, dipendenzi differenti fost il-kumpaniji, prospetti differenti fil-manifattura u s-servizzi, u konsegwentement varjetà ta’ fehmiet fost in-negozji. |
2.8. |
Jekk l-UE ma jirnexxilhiex tikseb il-potenzjal sħiħ tad-diġitalizzazzjoni, parti kbira tal-EUR 605 biljun f’valur miżjud se jkunu f’riskju hekk kif nersqu lejn l-2025. Min-naħa l-oħra, il-vantaġġi huma tabilħaqq iżjed impressjonanti: studju tal-Federazzjoni Ġermaniża tal-Industrija jipprevedi li EUR 1,25 triljun ta’ valur miżjud jista’ jinħoloq fl-Ewropa sal-2025. |
2.9. |
Għaddejjin proċessi simili madwar id-dinja. Studji komparattivi jagħtu prova li l-UE għadha lura f’dan il-qasam, minkejja l-prestazzjoni ekonomika dinjija attwali eċċellenti f’numru ta’ setturi. |
2.10. |
Hemm differenzi kulturali sostanzjali bejn in-negozju Amerikan u dak Ewropew. Fl-Ewropa, l-ixprun ewlieni tad-data huwa fil-biċċa l-kbira f’partijiet tal-industrija tal-manifattura (5). B’kuntrast, l-industrija tal-big data fl-Istati Uniti hija xprunata l-aktar minn kumpaniji tas-servizzi u dawk ibbażati fuq id-data, l-hekk imsejħa GAFA, u, dan l-aħħar, n-NATU (6). L-Istati Uniti għandha suq intern kbir u dinamiku u kundizzjonijiet finanzjarji eċċellenti. In-negozju jinvolvi mentalità li taċċetta t-teħid ta’ riskji. Barra minn hekk, kumpaniji tal-Istati Uniti għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom netwerks veloċi u kapaċità tal-ħażna kbira ħafna. Bl-istess mod, l-għadd ta’ pjattaformi kbar Ċiniżi qed jiżdied b’mod stabbli. |
2.11. |
Filwaqt li l-Ewropa qed tkarkar, il-komunikazzjoni tal-KE inkredibbilment ma tirreferix għall-kompetituri internazzjonali ewlenin tal-Ewropa, għalkemm huma r-raġuni prinċipali għaliex l-Ewropa għandha b’mod urġenti tiżviluppa l-produzzjoni u l-koordinazzjoni tal-politika tagħha. Fl-Istati Uniti u ċ-Ċina, il-miri nazzjonali ġew definiti reċentement bl-għan li tinkiseb u tiġi żgurata pożizzjoni ekonomika dominanti madwar id-dinja. Segwiti minn oħrajn, qed jappoġġjaw u jippromovu deliberatament il-big data bħala għodda biex tikkonsolida l-vantaġġ kompetittiv ta’ kumpaniji bbażati l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Fl-Istati Uniti, l-amministrazzjoni ta’ Obama adottat approċċ ċar ħafna lejn it-Tielet Rivoluzzjoni Industrijali Amerikana, l-ekwivalenti ta’ Industrija 4.0 fl-UE, bħala bażi għat-tisħiħ tal-kompetittività u d-dominanza ekonomika Amerikana. Strateġija bħal America first probabbilment se tintensifika din il-politika. Hawnhekk l-iżvilupp ulterjuri tal-big data għandu jitqies ukoll bħala fattur ġeopolitiku. |
3. Il-fluss liberu ta’ data bejn l-Istati Membri
3.1. |
Fost ir-raġunijiet għaliex “l-ekonomija diġitali Ewropea ħadet ħafna żmien biex tilqa’ r-rivoluzzjoni tad-dejta meta mqabbla mal-Istati Uniti tal-Amerika u jonqosha wkoll kapaċità industrijali komparabbli” (7), il-Kummissjoni tirrimarka ġustament dwar ir-rabta bejn ostakli għall-moviment liberu tad-data u l-iżvilupp bil-mod wisq tas-suq Ewropew. |
3.2. |
Filwaqt li l-protezzjoni tad-data fl-Istati Uniti hija prinċipalment ibbażata fuq il-forniment intenzjonali ta’ data u – f’dak li jirrigwarda d-data privata – taqa’ fl-isfera ta’ ħarsien tal-konsumatur, ħafna pajjiżi Ewropej għandhom liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data fis-seħħ u ħafna drabi stabbilixxew il-protezzjoni tad-data bħala dritt kostituzzjonali. Minn naħa, l-approċċ lejn is-sigurtà tad-data tal-Ewropa jista’ jitqies bħala vantaġġ kompetittiv; min-naħa l-oħra, l-użu u l-ipproċessar tal-big data jidher tant limitat li qed ixekkel l-innovazzjoni. |
3.3. |
Il-frammentazzjoni tas-suq trid tintemm. Il-Kummissjoni għandha tingħata mandat biex teżamina kif u sa liema punt għandhom jitneħħew id-diverġenzi fl-approċċ bejn l-Istati Membri sabiex jitnaqqsu d-differenzi fl-iżvilupp u fl-approċċi. |
3.4. |
Minħabba l-ammont dejjem jikber ta’ data minħabba l-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-Fabbriki tal-Futur u sistemi konnessi awtonomi, il-miżuri fuq livell Ewropew huma iżjed u iżjed meħtieġa u ta’ importanza strateġika. Il-bażi legali u teknika għal flussi ħielsa ta’ data mal-Ewropa hija pedament għall-bini ta’ ekonomija diġitali vasta u b’saħħitha (8). |
3.5. |
Għandha tiġi stabbilita politika industrijali tal-UE. Għandhom jitneħħew l-ostakli mhux ġustifikati għall-fluss liberu ta' data. Suq intern huwa inkompatibbli ma’ 28 politika industrijali differenti, kull waħda minnhom bl-objettivi u l-għodod proprji tagħha. Dan mhuwiex differenti fl-era diġitali (9). Il-Kummissjoni u l-gvernijiet għandhom għalhekk jaġixxu bħala moderaturi, b’viżjoni fit-tul li tiddefinixxi s-sitwazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ qafas fuq il-bażi ta’ sħubija bejn il-pubbliku u l-privat (10). |
3.6. |
Bir-raġun, il-Kummissjoni tinnota l-argumenti użati mill-awtoritajiet nazzjonali biex jirrestrinġu l-flussi tad-data. Il-miżuri ta’ lokalizzazzjoni li jintroduċu l-kontrolli tal-fruntieri diġitali b’mod effettiv u mill-ġdid (11) għandhom jiġu sostitwiti minn qafas Ewropew sodisfaċenti. |
3.7. |
Il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi dettaljata dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri u d-diskrepanzi kbar li jeżistu fl-Ewropa. Il-manifattura fl-avangwardja fil-Ġermanja hija l-aktar avvanzata fil-produzzjoni tad-data, segwita mir-raggruppamenti ta’ manifattura avvanzata f’pajjiżi oħrajn kbar u żgħar. Min-naħa l-oħra, pereżempju, qiegħda wkoll tikber b’mod qawwi l-big data bbażata fuq is-servizzi fi Franza u r-Renju Unit u f’xi ekonomiji iżgħar. |
3.8. |
Il-fluss liberu tad-data huwa mxekkel serjament mill-attitudnijiet difensivi tal-Istati Membri. Sa llum ġew identifikati mill-inqas 50 ostaklu legali u amministrattiv. Hemm ukoll differenzi sostanzjali fir-rekwiżiti tal-akkwist pubbliku bejn l-Istati Membri. Għad hemm kulturi u tradizzjonijiet differenti. Politiki industrijali nazzjonali joħolqu ambjenti leġislattivi differenti; ma jeżisti l-ebda qafas industrijali komuni. Nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward ta’ data mhux personali jista’ jkun ikkawżat ukoll minn approċċi differenti lejn il-mod kif id-data personali għandha tkun trattata legalment. Attitudnijiet difensivi fil-gvern u fin-negozju f’diversi pajjiżi għandhom it-tendenza li jsaħħu lil xulxin. |
3.9. |
Min-naħa l-oħra, hija biss il-fiduċja msaħħa bejn l-Istati Membri li se toħloq suq uniku li jevolvi bħala rifuġju sikur tad-data u art għammiela għall-innovazzjoni. |
3.10. |
Objettivi nazzjonali, bħall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-ħolqien progressiv ta’ valur miżjud huma moqdija l-aħjar billi jinħoloq suq komuni għall-big data, permezz tal-iżgurar tal-ħażna tad-data sikura permezz tal-ġestjoni b’teknoloġija mill-iktar avvanzata tal-ICT fuq skala kbira, u permezz tat-tlaqqigħ flimkien tal-potenzjal. |
3.11. |
Minbarra li tħalli impatt kontroproduttiv fuq it-trasparenza u xxekkel l-innovazzjoni, il-lokalizzazzjoni tad-data għandha effett negattiv l-aktar fuq l-SMEs b’operazzjonijiet transkonfinali. Għalhekk, il-KESE jappoġġja b’mod qawwi l-proposta tal-Kummissjoni li “kull Stat Membru li jieħu azzjoni li taffettwa l-ħżin jew l-ipproċessar tad-data għandu jiġi ggwidat minn ‘prinċipju tal-moviment liberu ta’ data fl-UE’” (12). |
3.12. |
Il-KESE jinsisti li l-kwistjoni li jinfetħu s-swieq nazzjonali għal tixrid tad-data madwar l-Ewropa kollha għandha tkun koperta wkoll mis-Semestru Ewropew annwali, inkluż ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi. Il-ftuħ ta’ data pubblika madwar l-Ewropa se jikkompleta s-suq uniku u joħloq sitwazzjoni ta’ kondizzjonijiet indaqs. Il-GDPR jgħin biex tinħoloq bażi komuni (13). |
3.13. |
Ir-reġjuni u ż-żoni urbani wkoll għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom data dinamika. Il-pjattaformi reġjonali ma’ atturi pubbliċi u privati se jrawmu ekonomiji reġjonali u jistgħu jsaħħu r-raggruppamenti reġjonali fil-kuntest internazzjonali. Ir-reġjuni u l-bliet għandhom jiġu persważi jaġixxu fi spirtu miftuħ. Hawnhekk ukoll, l-UE tista’ taqdi rwol importanti fl-iskambju tal-aħjar prattika u biex tipprovdi l-għarfien espert l-aktar riċenti lil entitajiet reġjonali. |
3.14. |
Ir-riċerka pubblika hija sors importanti ħafna ta’ data. Peress li hemm involuti l-flus tal-kontribwenti, huwa importanti li jkun żgurat li tali data tkun distribwita b’mod aktar wiesa’. B’mod partikolari l-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn riżervi ta’ data li jirriżultaw mir-riċerka. |
3.15. |
Data pubblika bħal din ta’ spiss tfixkel l-operazzjonijiet immexxija privatament. Arranġamenti kuntrattwali mas-settur kummerċjali ovvjament jinvolvu trattament differenti tad-data. Eżempji jinkludu d-data mhux personali prodotta fit-trasport, fis-settur tal-enerġija, minn satelliti, fir-reġistri tal-artijiet, u f’servizzi pubbliċi oħrajn. |
3.16. |
Fid-dawl tad-diskrepanzi kbar deplorabbli fl-Ewropa, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fluss ħieles ta’ data fl-Ewropa jista’ jikkontribwixxi wkoll għal konverġenza bejn l-ekonomiji nazzjonali, li hi ta’ interess konsiderevoli kemm għal ekonomiji aktar avvanzati kif ukoll dawk li għadhom lura. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jintalbu jappoġġjaw u jikkowċjaw lil xulxin sabiex jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi adatti. |
3.17. |
Il-Komunikazzjoni ma tindirizzax aspetti ta’ data f’diversi lingwi relatati mal-fluss liberu ta’ data jew l-aċċess għad-data. Billi d-data lingwistika tista’ wkoll tinħoloq biss mill-magni, fil-fehma tal-KESE l-Kummissjoni għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, u l-iskjerament għal traduzzjoni awtomatika ta’ data espressa fi diversi lingwi bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. |
3.18. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ olistiku u li jitrawwem sens ta’ skop komuni fil-Kunsill Kompetittività u lil hinn biex tinħoloq fiduċja reċiproka. Il-fiduċja hija essenzjali. Il-ftuħ tas-suq Ewropew għall-fluss liberu ta’ data mhux personali għandu wkoll impatt politiku profond. Jinqalgħu f’dan ir-rigward varjetà wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħat-tisħiħ tal-bażi tas-suq uniku u l-innovazzjoni f’kumpaniji kbar u żgħar, it-titjib tal-prospetti għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, il-promozzjoni tal-konverġenza ekonomika bejn l-Istati Membri, u l-kompetittività. |
4. L-aċċess għad-data u t-trasferiment ta’ data fis-suq
4.1. |
Il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa lejn għadd kbir ta’ interazzjonijiet possibbli bejn kumpaniji ta’ kull daqs fil-qasam tad-data (minn negozju għal negozju, jew B2B). Is-servizzi pubbliċi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Id-diversità ta’ data hija bla tarf u l-iżvilupp tagħha għalhekk mhux prevedibbli. |
4.2. |
Il-Kummissjoni ġustament tagħti prijorità lill-objettiv ta’ aċċess għal settijiet tad-data kbar u diversi minn atturi fis-suq ta’ kull tip. Hija tissottolinja bosta ostakli għall-aċċess ħieles u tinnota li “l-iskambju tad-data attwalment jibqa’ limitat” (14). |
4.3. |
Ir-raġunijiet għaliex il-kumpaniji jżommu d-data għalihom infushom huma ċari. Il-prodotti u s-servizzi huma prodotti abbażi ta’ skemi ta’ produzzjoni tal-kumpaniji jew, b’mod aktar ġenerali, strateġiji tal-kumpaniji, li mhumiex maqsuma ma’ oħrajn. Il-libertà kuntrattwali għandha tiġi rispettata u żgurata bħala punt ta’ prinċipju (15). |
4.4. |
L-istampa hija varjata ħafna. Kumpaniji kbar ħafna drabi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riċerka tagħhom stess, b’panorama wiesgħa ta’ applikazzjonijiet possibbli. Kumpaniji iżgħar min-natura tagħhom stess għandhom ambitu limitat. Iżda f’kull każ l-argumenti għall-kondiviżjoni tad-data ma’ kumpaniji oħrajn huma prevalenti, b’vantaġġi diretti għall-kumpaniji kollha involuti. |
4.5. |
Bħala regola, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkoprux data M2M. Jekk dan ikun il-każ, il-liġi tal-UE hija fis-seħħ għall-applikazzjonijiet speċifiċi li għandhom bżonn ta’ protezzjoni legali. F’każijiet oħra, din id-data u l-mod li bih tiġi ttrattata, tibqa’ soġġetta għal soluzzjonijiet kuntrattwali, pereżempju s-sjieda tad-data u l-prezzijiet. |
4.6. |
Il-qafas legali dwar id-data għandu jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ kumpaniji bl-istess mod kif jipproteġi l-oġġetti fiżiċi. |
4.7. |
Ftit li xejn hemm bżonn għal miżuri leġislattivi ġodda. Ir-regolazzjoni eżistenti tkopri ħafna mill-oqsma u tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi abbozzata mill-ġdid skont ir-rekwiżiti speċjali tal-era diġitali. |
4.8. |
Minħabba d-dinamika attwali u n-nuqqas ta’ prevedibilità tal-iżviluppi, qafas ġenerali ta’ standards eventwali bl-ebda mod ma għandu jfixkel l-innovazzjoni. L-istandards eżistenti ħafna drabi jillimitaw l-innovazzjonijiet, u standards ġodda ma tantx jistgħu jiġu stabbiliti mingħajr għarfien aħjar tal-iżviluppi. Għalhekk huma meħtieġa modi ġodda kif wieħed jirregola. Il-portabbiltà għandha tiġi promossa. |
4.9. |
Ir-responsabbiltà hija kwistjoni problematika (16). Xi direttivi huma fis-seħħ, u hekk kif l-ambitu tat-teknoloġija jitwessa’, jistgħu jkun li jkollhom jiġu riveduti, pereżempju biex id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodotti tinkludi wkoll l-IoT u l-Intelliġenza Artifiċjali. L-M2M jistgħu jeħtieġu dispożizzjonijiet legali speċjali dwar ir-responsabbiltà. Meta wieħed iqis il-varjetà kbira ta’ relazzjonijiet li qed jinbidlu kontinwament bejn il-kumpaniji f’dak li għandu x’jaqsam ma’ data, il-KESE jemmen li r-regolazzjoni eżistenti hija fil-biċċa l-kbira tagħha sodisfaċenti. Kull regolament ġdid għandu jrawwem l-innovazzjoni u ċertament mhux ifixkilha. |
4.10. |
Fluss jew trasferiment akbar ta’ data jista’ jinkiseb permezz ta’ kuntratti bejn in-negozji, permezz tal-użu ta’ pjattaformi u workshops eżistenti jew ġodda, preferibbilment fuq bażi internazzjonali, permezz ta’ interfaces ta’ programmar tal-applikazzjonijiet (Application Programming Interfaces) (17), u permezz tat-tisħiħ ta’ relazzjonijiet immirati bejn ix-xjenza u l-kumpaniji. Ix-xjenza għandha wkoll tkun rappreżentata fi pjattaformi u workshops. Ħafna minn dawn huma diġà fis-seħħ għal Industrija 4.0, pereżempju laboratorji reġjonali fuq il-post. It-tixrid tad-data prodotta minn ċentri ta’ riċerka u ffinanzjata minn fondi pubbliċi għandu jsir obbligatorju (18). |
4.11. |
Il-KESE huwa favur “postijiet tal-ittestjar” u postijiet tas-suq miftuħ għall-kummerċ tad-data sabiex iħeġġu lil dawk li qed ixaqilbu lejn aktar ftuħ. Żoni ta’ bażi komuni, jistgħu jiġu identifikati u kkonsolidati. Organizzazzjoni waħda għandha tkun responsabbli biex tidentifika l-ħtiġijiet għall-ittestjar tal-oqsma u tiffaċilita kooperazzjoni produttiva u ta’ kwalità għolja bejn l-aġenziji involuti. |
4.12. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal inizjattiva utli ħafna mnedija fl-2014 mill-Kummissjoni u l-Big Data Value Association (19). Stqarrija reċenti miż-żewġ imsieħba enfasizzat erba’ strumenti ewlenin li se jiġu implimentati mis-sħubija pubblika-privata:
Dan huwa approċċ eżemplari għal aktar inizjattivi Ewropej. Barra minn PPPs ta’ riċerka, hemm Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ffokati fuq l-innovazzjoni. |
4.13. |
Mudelli ta’ kuntratti Ewropej għall-kooperazzjoni jistgħu jkunu alternattiva. |
5. Is-sensibilizzazzjoni u l-attitudini fin-negozju
5.1. |
Minbarra d-dispożizzjonijiet regolatorji u prattiċi, ekonomija diġitali soda tesiġi klima iktar miftuħa fil-qasam tan-negozju Ewropew. Qabelxejn, hija kwistjoni ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ attitudni sabiex wieħed jaġixxi b’mod proattiv lejn il-bidla fl-approċċ. |
5.2. |
L-ekonomija dinjija kollha kemm hi tinsab fi trasformazzjoni profonda. L-industriji kollha – kbar u żgħar – għandhom ikunu involuti f’dan il-proċess, fejn m’għandha ssir ebda oppożizzjoni bejn industriji eżistenti u setturi iżgħar, l-ebda oppożizzjoni bejn dawk “qodma” u “ġodda”. Il-kompetenzi ewlenin Ewropej għandhom jinbidlu, b’iktar ħeffa u b’mod iktar effettiv, u l-industriji kollha għandhom jingħataw is-setgħa li jieħdu sehem f’dak il-proċess. |
5.3. |
Il-proċess innifsu huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu minn isfel għal fuq u b’hekk kwistjoni għas-settur tan-negozju u l-kumpaniji. Barra mill-għodod siewja li l-Kummissjoni tippreżenta (20) biex is-swieq isiru iktar sensittivi biex jagħmlu aġġustamenti proattivi, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm bidla fil-mentalità f’ħafna partijiet tal-kummerċ Ewropew. |
5.4. |
Id-data hija kwistjoni sensittiva għall-kumpaniji u fil-ġejjieni dan se jiżdied. Għadd limitat biss ta’ kumpaniji huma favur data miftuħa (open data). Se tkun utli lista ta’ eżempji li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ħafna kumpaniji xorta għadhom jemmnu ħażin li l-livell sofistikat tal-manifattura attwali tagħhom se jiggarantixxi l-pożizzjonijiet fis-suq fil-futur. |
5.5. |
Id-differenzi bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa huma impressjonanti. It-tradizzjonijiet ta’ inġinerija fl-Ewropa għandhom tendenza lejn mentalità magħluqa. L-inġinerija avvanzata u livell għoli ta’ professjonalità fl-immaniġġjar tad-data huma deċiżivi għal vantaġġ kompetittiv. L-Istati Uniti hija avvanzata ħafna fil-B2C (min-negozju għall-konsumatur), u iktar moħħha miftuħ dwar l-aċċess mingħajr ħlas. L-Ewropa hija avvanzata ħafna fil-produzzjoni ta’ kwalità għolja u l-B2B, filwaqt li l-kumpaniji jridu jibqgħu fil-kontroll tad-data tagħhom stess. |
5.6. |
Għandha tingħata konsiderazzjoni serja dwar jekk l-Ewropa għandhiex l-kapaċità biex bħalissa tittratta kif suppost il-big data. Fi kliem ieħor, il-kumpaniji tal-UE jridu jiffaċċjaw l-isfida li fl-Istati Uniti l-kapaċità li tittrasforma d-data f’kummerċ hija komuni ħafna, li jfisser li d-data li se jkollhom jindirizzaw tinsab maħżuna fuq servers ta’ kumpaniji Amerikani, inkluż algoritmi xierqa sabiex jinħolqu ideat ġodda (21). |
5.7. |
Jeħtieġ tittieħed azzjoni urġenti għall-bidla. L-aħjar triq ’il quddiem tkun li tiġi adottata strateġija ta’ preżervazzjoni tas-saħħa attwali fil-manifattura, filwaqt li jkun hemm iżjed ftuħ għal flussi akbar ta’ data. Il-proċess tal-bidla ma jistax isir mil-lum għal għada, iżda biss permezz ta’ passi inkrementali. In-negozju Ewropew irid isib il-mod Ewropew l-iżjed effettiv: mhux ġlieda kontra l-kurrent iżda tibdil b’mod aċċettabbli (22). |
5.8. |
Ħafna kumpaniji Ewropej ikollhom ilaħħqu mal-oħrajn, kemm billi jrawmu l-abbiltà tagħhom li jaħdmu b’data kif ukoll billi jtejbu l-manifattura. Forsi jaf jinstema’ stramb, iżda f’għadd ta’ kumpaniji l-ftuħ u t-trasparenza fir-rigward tal-big data għandhom jibdew billi jinbidlu l-proċeduri interni u l-approċċi interni tal-kumpanija. |
5.9. |
Kwistjoni ewlenija hija dik ta’ mudelli ta’ negozju flessibbli u aktar faċilment adattabbli li b’mod gradwali jieħu post ix-xenarju tradizzjonali ta’ negozji tal-manifattura integrati vertikalment (23). Dawn il-mudelli ta’ negozju għandhom jippermettu lill-kumpaniji joperaw b’mod aktar effettiv fl-ambjent ta’ għadd dejjem akbar ta’ prodotti u servizzi u l-integrazzjoni sħiħa tal-manifattura u s-servizzi. Il-kumpaniji xi drabi għandhom jaċċettaw żvantaġġi sabiex jiksbu aktar vantaġġi. |
5.10. |
Jeħtieġ li jiġu organizzati skambji biex tiġi diskussa t-tensjoni bejn il-ħarsien tal-identità tad-data tal-kumpanija u l-ħtieġa indispensabbli għall-innovazzjoni f’kuntest internazzjonali kif ukoll biex jinstabu l-aktar approċċi effettivi sabiex jinfetaħ in-negozju. Il-Kummissjoni tista’ tkun ta’ għajnuna kbira biex dawn l-iskambji jiġu ewropejizzati. |
5.11. |
Għandhom jiġu ġġenerati ideat biex jinħolqu xi ċentri ta’ eċċellenza bħala kontrobilanċ għal Silicon Valley u l-universitajiet Amerikani l-kbar. |
5.12. |
Eżempju ta’ dan huwa l-ħtieġa li jiġi approfondit is-suq Ewropew ta’ kapital sottożviluppat. It-trattament tal-big data b’mod dinamiku jeħtieġ mhux biss start-ups li jirnexxu, iżda notevolment scaled ups, li minnhom hemm ftit wisq. Suq tal-kapital ta’ riskju aktar dinamiku bbażat fl-Ewropa huwa għalhekk indispensabbli. Miżuri biex isaħħu u jrawmu l-iżvilupp tiegħu, filwaqt li jiġu segwiti l-aħjar prattiki bħal fil-każ tal-eżempju Iżraeljan – għandhom jiġu esplorati u adattati. |
5.13. |
Ir-Renju Unit għandu ekonomija vibranti ta’ ġenerazzjoni tad-data. Il-KESE jemmen li l-industrija Ewropea u dik Brittanika għandhom ikomplu jaħdmu flimkien mill-qrib fuq il-ġenerazzjoni ta’ data miftuħa u trasparenti. |
6. Is-soċjetà u s-suq tax-xogħol
6.1. |
Fehmiet f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE (24) dwar l-effetti ta’ Industrija 4.0 fuq is-soċjetà u s-suq tax-xogħol huma daqstant rilevanti fl-era tal-fluss ħieles tad-data. Xi aspetti jeħtieġ li jiġu enfasizzati. |
6.2. |
Id-dinamika tal-iżvilupp u t-tixrid tad-data tesiġi fehim sħiħ mis-soċjetà, u b’mod partikolari fost il-forzi tax-xogħol tan-negozji Ewropej. Hemm bżonn ta’ komunikazzjoni aġġornata sabiex jiġu promossi l-għarfien meħtieġ u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku dwar il-proċess ta’ trasformazzjoni profonda. L-imsieħba soċjali għandhom ir-rwol tagħhom x’jaqdu. |
6.3. |
Il-fattur uman huwa kruċjali. Għandu jkun hemm djalogu soċjali fil-livelli kollha għall-aġġustamenti meħtieġa u biex jiġu stabbiliti programmi li jħejju lill-impjegati u liż-żgħażagħ għar-realtà l-ġdida. Ħuma meħtieġa ħafna aktar analisti tad-data u xjenzjati tad-data. |
6.4. |
Dan jindika wkoll l-isfida tal-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ organizzazzjonijiet għal taħriġ u kooperazzjoni tal-ħaddiema fil-livelli kollha tas-soċjetà li x-xogħol tagħhom se jonqos. Sistemi soċjali attwali mhumiex adatti għal dawn l-isfidi, bi ftit eċċezzjonijiet bħal “buffer companies” kif intużati pereżempju fil-Finlandja biex ħaddiema li kienu jaħdmu f’oqsma mhux manwali (white collar) jiġu trasferiti għal “crowd working” u fl-istess ħin iżommu l-assigurazzjoni soċjali tagħhom. Kollha għandhom ikunu konxji li issa qed naħdmu f’ambjent differenti. |
6.5. |
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali huma wkoll parti minn kunċett usa’ tal-politika industrijali. L-istudji jvarjaw minn previżjonijiet ta’ telf ta’ impjiegi sa 50 %, speċjalment fost ħaddiema professjonisti sa żieda ta’ 20 % ta’ impjiegi ġodda bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni u l-manifattura avvanzata. Il-partijiet kollha kkonċernati għandhom jiffukaw fuq it-tranżizzjoni sabiex jitneħħew l-ostakli għall-aġġustament u jiġu ffaċilitati r-riżultati li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-persuni, b’mod partikolari fl-iżvilupp tas-servizzi. |
6.6. |
L-edukazzjoni u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol fil-livelli kollha tal-forza tax-xogħol huma ta’ interess kbir f’kull settur u f’kull pajjiż. Dan għandu jkopri aktar oqsma minn dawk li huma biss tekniċi. |
6.7. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ta’ appoġġ li l-Kummissjoni tista’ taqdi biex turi t-triq ’il quddiem u biex tidentifika l-problemi u l-opportunitajiet. Workshops u skambji bbażati fl-UE, inkluż dwar l-aħjar prattiki, għandhom jiġu organizzati bejn in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet. Jeħtieġ li jinstabu bażi komuni u approċċi komuni u li dawn jiġu żviluppati fost il-varjetà ta’ kulturi differenti fl-Ewropa. |
Brussell, 5 ta’ Lulju 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Il-Komunikazzjoni “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data”, COM(2017) 9 final, 10 ta’ Jannar 2017. Ara wkoll l-ittra motivata tat-2 ta’ Diċembru 2016 minn 14-il kap ta’ stat jew ta’ gvern dwar il-moviment liberu tad-data Non-paper on the Free Flow of Data initiative.
(2) ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65.
(3) Komunikazzjoni dwar “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data”, COM(2017) 9 final, 10 ta’ Jannar 2017.
(4) Komunikazzjoni COM(2014) 442 final tat-2 ta’ Lulju 2014 (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 61).
(5) The Digital Transformation of Industry, Bundesverband der Deutschen Industrie, 1.2.2015.
(6) GAFA jfisser Google, Apple, Facebook u Amazon, li flimkien għandhom fatturat totali ta’ USD 468 biljun. NATU jfisser Netflix, Airbnb, Tesla u Uber. GAFA bħalissa għandu valur tas-suq ikkombinat ta’ USD 2,3 triljun. Dan kważi jaqbel mal-valur tas-suq tal-50 kumpanija fil-quċċata tal-EURO STOXX, jiġifieri EUR 2,9 triljun. Dan il-fatt jenfasizza l-poter finanzjarju tan-negozju tal-big data/pjattaformi u l-ħolqien ta’ valur enormi tiegħu.
(7) COM(2017) 9 final, p. 2.
(8) Ara wkoll l-ittra tal-2016 ta’ 14-il gvern dwar din il-kwistjoni Non-paper on the Free Flow of Data initiative. Huwa sinjal ħażin li l-ebda mill-pajjiżi l-kbar, ħlief ir-Renju Unit, ma ffirmaw l-ittra?
(9) ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65 u ĠU C 389, 21.10.2016, p. 50.
(10) L-FME-CWM, assoċjazzjoni Netherlandiża għall-industrija tat-teknoloġija, tirrakkomanda tim ta’ livell għoli ministerjali biex jikkoordina d-diġitalizzazzjoni fin-Netherlands, 16 ta’ Marzu 2017.
(11) COM (2017) 9 final, p. 5.
(12) COM (2017) 9 final, p. 7.
(13) Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, Mejju 2016. Għall-pożizzjoni tal-KESE. (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90).
(14) COM (2017) 9 final, p. 10.
(15) Ara wkoll il-kummenti ta’ Orgalime dwar l-inizjattiva li ġejja tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-data”, 21 ta’ Settembru 2016, u Il-fehmiet Inizjali ta’ DIGITALEUROPE dwar il-Komunikazzjoni dwar Il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-data, 14 ta’ Frar 2017.
(16) COM (2017) 9 final, p. 14 u 15.
(17) COM (2017) 9 final, p. 12.
(18) Ir-reġjun tal-Wallonja qed jippjana digriet dwar din il-kwistjoni.
(19) Din l-inizjattiva tqarreb lill-Kummissjoni, ‘l-industrija u ‘l-istituti tar-riċerka lejn xulxin fi “Sħubija Pubblika-Privata (PPP) biex ikun hemm kooperazzjoni f’riċerka u innovazzjoni relatata mad-data, jissaħħaħ il-bini tal-komunità madwar id-data u biex titwitta t-triq għal ekonomija ta’ suċċess mmexxija mid-data fl-Ewropa” (dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-Big Data Value Association).
(20) COM (2017) 9 final,p. 11 sa 13.
(21) Eżempju ewlieni huwa l-industrija tal-karozzi, fejn l-Ewropa hija b’saħħitha ħafna, b’kuntrast ma’ kunċetti totalment ġodda bħal Google li mhux se tbiegħ karozzi, iżda, f’interfaċċja mal-klijent, il-mobilità u l-pakketti ta’ mobilità.
(22) Ara WHITE PAPER PJATTAFORMI DIĠIRALI White Paper dwar Politika regolatorja diġitali għat-tkabbir, l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-parteċipazzjoni, Gvern Ġermaniż, Ministeru Federal għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija, Marzu 2017.
(23) L-iżvilupp futur tal-industrija tal-karozzi huwa eżempju ċar: ara l-Opinjoni tal-KESE CCMI/148, 22 ta’ Frar 2017.
(24) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.