EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IE0738

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri ġodda għal governanza u implimentazzjoni orjentati lejn l-iżvilupp — valutazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u rakkomandazzjonijiet relatati” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 487, 28.12.2016, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri ġodda għal governanza u implimentazzjoni orjentati lejn l-iżvilupp — valutazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u rakkomandazzjonijiet relatati”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 487/01)

Relatur:

is-Sur Etele BARÁTH

Data tad-deċiżjoni tal-Bureau

21.1.2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.9.2016

Opinjoni adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

171/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi implimentata governanza Ewropea kkoordinata u orjentata lejn l-iżvilupp, li tipprevedi li tikkontribwixxi għall-kostruzzjoni ta’ Ewropa mġedda, b’saħħitha u paċifika. Għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni, possibbilment bl-għoti ta’ mod ġdid ta’ organizzazzjoni lill-governanza.

1.2.

Għandu jiġi stabbilit mill-ġdid żvilupp dinamiku tal-ekonomija permezz ta’ evoluzzjonijiet ikkoordinati, u jiġu kkonsolidati l-pedamenti tal-benessri soċjali u tad-demokrazija, il-koeżistenza tal-kulturi differenti u r-rispett eżemplari tal-ambjent.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li l-applikazzjoni koerenti tal-prinċipju tas-sħubija għandu l-għan li jrawwem il-parteċipazzjoni tal-partijiet involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-investimenti tal-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din il-parteċipazzjoni se ssaħħaħ l-impenn kollettiv favur l-investiment u permezz tagħha jsir użu akbar tal-għarfien espert. Din tagħmel l-implimentazzjoni tal-proġetti aktar effiċjenti, iżżid it-trasparenza u tgħin biex tiskoraġġixxi l-frodi u l-abbuż.

1.4.

Dak li għandna bżonn, huwa objettivi u strateġija sempliċi u aċċessibbli, proġett uniku għall-Ewropa (Strateġija tal-UE 2030-2050). Ikun jaqbel li jiġi kkonfermat li l-ħolqien ta’ Ewropa innovattiva, sostenibbli u inklużiva jibqa’ objettiv strateġiku ewlieni tal-Unjoni. Għal dan l-għan, l-għanijiet tal-COP21 (għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli) għandhom ukoll jiġu integrati fl-abbozz.

1.5.

Il-programmi ta’ żvilupp għandhom jiġu kkoordinati aħjar. It-tfassil ta’ programmi u għodod ta’ żvilupp fuq perjodi ta’ żmien qosra, medji u twal għandu jibbaża fuq sett ta’ objettivi konċiżi. “Għodod” ifissru taħlita ta’ strumenti politiċi, legali, organizzattivi u finanzjarji.

1.6.

Għat-titjib tal-koordinazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) tradizzjonali kif ukoll il-proġetti, orjentati lejn is-suq u li jimmobilizzaw ukoll kapital privat, li joħorġu mill-Fondi Ewropej għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), għandhom jintużaw favurl-għanijiet Ewropej komuni. Għal dan l-għan, huwa importanti li jiġu kkoordinati l-għanijiet u r-regoli għall-implimentazzjoni tagħhom.

1.7.

Il-Kumitat jipproponi li l-istrument prinċipali għas-servizz ta’ governanza ċentrali, orjentata lejn l-iżviupp u msaħħa, jkun is-semestru Ewropew, li jibbaża fuq l-eżami annwali tat-tkabbir u li għandu wkoll jipprevedi l-mezzi li jinfluwenzaw b’mod kontinwu l-proġett għall-Ewropa u li jimmonitorja l-iżviluppi bir-reqqa. Is-semestru Ewropew fl-istess ħin jista’ jwettaq il-funzjonijiet tas-sistemi li għandhom l-għan li jiżguraw ambjent soċjali li jiggarantixxi l-benessri.

1.8.

Flimkien mal-indikatur ta’ prestazzjoni tal-PDG diġà adottat u ta’ natura essenzjalment ekonomika, indikatur tar-riżultat (introjtu nazzjonali gross), komplementari għal ta’ qabel, li jirrifletti wkoll is-sostenibbiltà u li jinvolvi fil-biċċa l-kbira l-fatturi soċjali u ambjentali, jista’ jservi bħala bażi għall-kontroll tal-effikaċja tal-governanza orjentata lejn l-iżvilupp.

1.9.

Jinħtieġu koordinazzjoni mill-qrib u l-implimentazzjoni ta’ metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Jaqbel li ngħaddu għall-addattament tal-esperjenza miksuba s’issa fil-proċessi ta’ żvilupp.

1.10.

L-istrumenti legali u finanzjarji għandhom jissaħħu. Il-prestazzjoni ta’ governanza orjentata lejn l-iżvilupp se tiddependi mid-dinamiżmu tal-ekonomija, miż-żieda fil-kapital immobilizzat, miż-żieda fl-effiċjenza tas-sistema ta’ investiment, minn livell ta’ kwalifiki msaħħaħ mill-forza tax-xogħol u mill-grad ta’ innovazzjoni tal-kumpaniji. Iżda l-objettiv prinċipali tagħha iktar fit-tul huwa li jinħolqu l-benessri u soċjetà mġedda u li jiġi ggarantit ambjent imtejjeb u sostenibbli.

1.11.

Hija essenzjali implimentazzjoni kondiviża, f’diversi livelli. B’mod parallel għar-riforma attwali (il-programm REFIT), għandhom jiġu żviluppati l-istrumenti legali u amministrattivi tal-governanza orjentata lejn l-iżvilupp. F’dan ir-rigward, l-istrumenti ta’ livell intermedjarju, jiġifieri l-istrumenti ta’ koordinazzjoni tal-iżviluppi makroreġjonali, għandhom jissaħħu b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, ir-rwol tar-reġjuni funzjonali, il-bliet, iż-żoni urbani, l-agglomerazzjonijiet, iż-żoni metropolitani u n-netwerks jikseb valur konsiderevoli fil-qafas tal-proġett għall-Ewropa.

1.12.

Wieħed mill-elementi prinċipali ta’ governanza orjentata lejn l-iżvilupp fuq perjodu ta’ żmien fit-tul huwa l-kontinwità. Hemm bżonn li jiġu kkoordinati l-kundizzjonijiet tan-natura ċiklika tal-politiki, tal-proċessi ta’ programmazzjoni u tal-iżvilupp u tal-orizzonti baġitarji. L-attività ta’ żvilupp timplika analiżi kontinwa, kontroll u korrezzjonijiet.

1.13.

Huwa importanti b’mod partikolari li l-pubbliku jiġi infurmat bi preċiżjoni, li jiġi promoss l-involviment tiegħu, jiġu żviluppai l-komunikazzjoni u l-marketing politiku, u li jiġu ppreżentati kif dovut ir-riżultati konkreti u d-dgħufijiet.

1.14.

Il-KESE dejjem ħadem favur it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika. Fir-rigward tal-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali u tal-NGOs għandha tiġi garantita fil-livelli kollha, li, fil-livell Ewropew, għandha timxi pass pass mal-valorizzazzjoni tar-rwol tal-KESE.

1.15.

Kif diġà stqarr fl-Opinjoni tiegħu tal-2012 (1), il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-introduzzjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (KKES), li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi lill-Istati Membri qafas ta’ sħubija fi kwistjonijiet ta’ ppjanar u implimentazzjoni. Il-kunċett li l-imsieħba għandhom dwar l-Ewropa se jikkontribwixxi biex jiġu ddefiniti l-objettivi u biex tiġi promossal-identifikazzjoni tagħhom, biex tittejjeb l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-pjani.

1.16.

Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn miżuri li jmorru lil hinn mir-regolamentazzjoni tas-sħubija bbażata fuq il-proposti u l-prattiki tajbin, filwaqt li jiġu speċifikati aħjar l-aspettattivi minimi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jissodisfaw biex ma jkunux sanzjonati.

1.17.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jkunu obbligati jistabbilixxu sistemi effiċjenti ta’ fondi favur it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba. Dawn is-sistemi għandhom imorru lil hinn mill-istabbilimenti jew it-trażmissjonijiet sempliċi ta’ informazzjoni u jkopru wkoll l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ sħubija u l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ parteċipazzjoni effettiva.

1.18.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ netwerks ta’ sħubija Ewropej. Tajjeb li l-Kummissjoni timplimenta sistema ta’ finanzjament li tappoġġja lin-netwerks Ewropej ta’ NGOs attivi fil-politika reġjonali, fir-rigward b’mod partikolari tal-kontroll tal-proċessi nazzjonali u tal-garanzija tal-għoti lura ta’ informazzjoni.

2.   Għal Ewropa mġedda u b’saħħitha

2.1.    Is-sitwazzjoni attwali u nota ta’ spjegazzjoni

2.1.1.

L-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha, iżda qiegħda dejjem tiffaċċja kriżi f’diversi forom li qed terġa’ titfaċċa, kif juri tajjeb il-każ tal-Brexit. Il-kriżi ekonomika tal-2008 kissret l-ewforija maħluqa mit-tkabbir tal-bidu tas-snin 2000 u, f’diversi pajjiżi, qalbet il-proċess ta’ aġġustament.

2.1.2.

Il-kriżi ekonomika, u b’mod iktar partikolari t-tnaqqis tal-investimenti li rriżulta minnha, xellfet l-għaqda bbażata fuq it-tkabbir li kienet teżisti bejn l-Istati Membri u kkawżat tensjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali dejjem jikbru. Minkejja l-għan fundamentali tal-Unjoni, id-differenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri qed jiżdiedu.

2.1.3.

It-tkomplija tal-impożizzjoni ta’ politiki ta’ awsterità stretti f’pajjiżi affettwati minn livell għoli ta’ dejn pubbliku u estern u minn żbilanċi baġitarji tikkontribwixxi biex taggrava d-differenzi bejn il-pajjiżi l-aktar avvanzati u dawk li qed jaffaċċjaw l-awsterità. Politiki ġodda huma meħtieġa biex jgħaqqdu t-tkabbir ekonomiku u l-kontroll tad-defiċit tal-baġit ma’ politiki effikaċi tal-inklużjoni soċjali.

2.1.4.

Il-faqar, il-prekarjetà tal-impjieg u l-qgħad laħqu livell inaċċettabbli. In-nuqqas ta’ perspettivi għaż-żgħażagħ jikkostitwixxi ostaklu mdaqqas għall-futur li jista’ jiġġedded tal-Ewropa.

2.1.5.

L-Unjoni Ewropea tilfet l-istatus tagħha ta’ post attraenti għall-investituri u kisbet reputazzjoni ta’ burokrazija. Fir-rigward tal-investimenti produttivi, waqgħet lura b’mod dejjem iktar fil-konfront tal-Istati Uniti u ta’ ċerti Stati Membri tagħha, bħall-Ġermanja u r-Renju Unit. Il-pajjiżi li waqgħu lura qegħdin iżommu lura lil dawk l-iktar dinamiċi. Il-ħtieġa ta’ interdipendenza reċiproka qed tonqos. F’xi pajjiżi, minkejja bilanċ baġitarju pożittiv sinifikanti, id-distakk qed jikber minħabba t-tnaqqis tal-investimenti produttivi li jwassal biex l-ifqar reġjuni jibqgħu dejjem iktar lura. Ir-reazzjoni hija kajmana u burokratika.

2.1.6.

Il-kisbiet fundamentali tal-Unjoni, bħaż-żona tal-euro jew iż-żona Schengen, illum, f’kuntest iddominat mill-kriżi tal-migranti u t-terroriżmu, jidhru bħala fatturi ta’ firda aktar milli elementi ta’ koeżjoni. F’diversi pajjiżi, l-UE ġiet strumentalizzata għal skopijiet ta’ politika interna.

2.1.7.

Il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni ma jikkonverġux. Imkejjel f’PDG, il-marġni bejn ir-reġjuni l-iktar avvanzati u l-iktar lura fl-iżvilupp huwa ta’ 14 għal 1. Ċerti pajjiżi, inklużi fost il-benefiċjarji l-kbar, jużaw il-fondi attribwiti lilhom minflok l-istrumenti tal-Istat u l-faċilitajiet tal-investiment tagħhom, filwaqt li l-kontribut nazzjonali tagħhom naqas għal livell minimu, nettament taħt l-objettivi inizjali. Il-bordijiet ta’ kompetittività li għandhom kif inħolqu jistgħu jużaw l-istrumenti tagħhom biex jagħtu kontribut akbar għall-konverġenza fil-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni.

2.1.8.

Iċ-ċittadini u l-atturi ekonomiċi, soċjali u NGOs Ewropej m’għad għandhom l-ebda perspettiva, dawn tbiegħdu mill-proċess politiku biex jinqatgħu dejjem iktar. Dawn iqisu lill-UE bħala istituzzjoni riġida, nieqsa mill-flessibbiltà u li mhix kapaċi li tiġġedded.

2.1.9.

L-Unjoni Ewropea, prinċipalment minħabba d-dgħufija tal-prestazzjonijiet tagħha u tas-sistema istituzzjonali tagħha fil-qasam tal-iżvilupp, mhijiex kapaċi timmobilizza biżżejjed mezzi biex jintlaħqu l-objettivi tagħha, li huma frammentati.

2.1.10.

M’hemmx unità fil-viżjoni tal-futur, ir-rieda politika jew il-kapaċità ta’ governanza. Il-metodu ta’ koordinazzjoni mhux biżżejjed u huwa skadut, l-istrumenti legali m’għandhom l-ebda impatt jew diffiċli jintużaw, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet u l-appoġġ soċjali huma dgħajfa, b’mod partikolari minħabba komunikazzjoni difettuża.

2.1.11.

L-istrateġija ta’ żvilupp fit-tul tal-Unjoni, sal-2020, diġà ma tħarisx ‘il quddiem biżżejjed u lanqas hija realista, minbarra li hija frammentata u mhix kapaċi li tiggwida l-proċessi fl-oqfsa metodoloġiċi attwali. Sadanittant, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-17-il mira ewlenija tal-SDG dwar is-sostenibbiltà tal-iżvilupp li ġew adottati, wasslu biex il-Kummissjoni Ewropea tibda rieżami tas-sistema u l-istrumenti ta’ governanza, bħala parti minn strateġija kumplessa għal perjodu ta’ żmien twil.

2.2.    Approċċi ġodda

2.2.1.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, appoġġata mill-Parlament Ewropew, nediet paradigma ġdida ta’ żvilupp ekonomiku. L-objettivi fformulati – il-ħolqien ta’ impjiegi u l-promozzjoni tat-tkabbir, it-twettiq tas-suq uniku Ewropew, is-semplifikazzjoni tas-sistema ta’ regolazzjoni ekonomika, il-konsolidazzjoni tal-iżviluppi komunitarji prijoritarji, is-suq tal-enerġija, l-appoġġ għall-investimenti fis-suq u s-servizzi diġitali, it-trattament prijoritarju tan-netwerks intellettwali u fiżiċi għall-interkonnessjoni tal-Ewropa, u t-tisħiħ tar-responsabbiltà ambjentali jistgħu jipprovdu dinamika ġdida importanti għall-ekonomija.

2.2.2.

Is-Semestru Ewropew u l-komponenti tiegħu jikkostitwixxu sistema li tmur lil hinn mill-qafas tal-governanza ekonomika. Għandu jiġi msaħħaħ ir-rwol tal-objettivi soċjoambjentali fuq perjodu ta’ żmien twil fil-qafas tal-mekkaniżmu tas-semestru Ewropew.

2.2.3.

Il-programm prijoritarju li jipprevedi l-konsolidament sħiħ tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro minn naħa mhuwiex sodisfaċenti, u, min-naħa l-oħra, isaħħaħ il-biżgħat tassew reali li jwessgħu aktar id-distakk bejn il-pajjiżi Ewropej. Objettivi ta’ żvilupp fil-livell Ewropew jistgħu inaqqsu l-paraliżi ta’ Ewropa fuq żewġ veloċitajiet.

2.2.4.

Bħalissa, żewġ settijiet kbar ta’ strumenti ekonomiċi u finanzjarji differenti ħafna, kull wieħed minnhom akkumpanjat bil-proċedura tiegħu stess, jiddeterminaw il-proċessi ta’ żvilupp. Hemm bżonn li tissaħħaħ il-kumplementarjetà bejn dawn is-settijiet sa mill-istadju tal-koordinazzjoni tal-objettivi.

2.2.5.

L-ewwel nett, dan jirrigwarda l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) tradizzjonali, imdaħħla fit-Trattati, li l-għan tagħhom huwa li jippromovu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Dawn jieħdu l-forma ta’ għajnuniet għall-investiment u għall-iżvilupp, immodernizzati b’mod kontinwu, iżda li n-natura tagħhom ma tinbidilx, disponibbli permezz tat-tqassim mill-ġdid tal-baġit tal-Unjoni bil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bħala sors. F’ċertu numru ta’ każijiet, dawn il-fondi mhumiex stmati fil-valur ġust tagħhom mill-benefiċjarji, li jsostnu li “għandhom dritt” għalihom. Matul ir-rieżami msejħa “ta’ nofs it-terminu” tal-perjodu attwali sal-2020, hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida biex tiġi promossal-kumplementarjetà msemmija iktar kmieni.

2.2.6.

It-tieni sett ta’ strumenti huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li għandu jippermetti t-twettiq tal-“pjan Juncker” il-ġdid u li huwa strument finanzjarju ġdid orjentat lejn is-suq, li joffri l-possibbiltà li jappoġġja l-kapital ta’ riskju u jimmobilizza l-fondi pubbliċi, bankarji u privati, u fejn l-ammont jista’ jiżdied iktar. Il-mekkaniżmu ta’ governanza implimentat jista’ jsir element kostituttiv tal-governanza orjentata lejn l-iżvilupp. L-armonizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sistemi ta’ finanzjament għandu jkollha wkoll lok fil-livell ta’ kull Stat Membru.

2.2.7.

Meta mqabbla ma’ dawn l-iskemi ta’ finanzjament, l-istrumenti finanzjarji l-oħra li jiffunzjonaw tajjeb huma strumenti diversifikati, adattati għall-missjonijiet tagħhom, iżda b’firxa limitata u b’objettivi speċifiċi. L-oqfsa tal-proġett għall-Ewropa jistgħu jkunu soġġetti għal koordinazzjoni mill-qrib u sistematika.

2.2.8.

Sal-lum, ma ġewx implimentati l-mezzi diretti li jistgħu jippromovu l-kisba tal-objettivi, pjuttost numerużi iżda mhux interkonnessi, tal-istrateġija Ewropa 2020 li jipprevedu t-titjib tal-koordinazzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali mezzi, wieħed madankollu jista’ jistaqsi jekk huwiex possibbli li jiġi kkoordinat l-iżvilupp tal-UE b’mod adegwat. Għalhekk ikun xieraq li l-ippjanar tal-interazzjoni bejn l-istrumenti differenti jkun inkluż ukoll fost l-għanijiet tal-pjan il-ġdid għall-perjodu ta’ wara l-2020.

2.2.9.

Jeħtieġ li l-11-il objettiv tematiku tal-qafas finanzjarju pluriennali li jirregolaw il-FSIE kif ukoll l-10 objettivi prinċipali tal-pjan Juncker, li ftit li xejn jikkorroboraw mal-objettivi msemmija qabel, u r-regoli finanzjarji u regolamentarji rispettivi tagħhom issa jikkontribwixxu għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020. Ma’ dawn jiżdiedu s-17-il kriterju ta’ referenza tal-SDG fil-qasam tas-sostenibbiltà, determinanti għall-futur. Il-missjonijiet fil-qafas tal-proċessi ta’ programmazzjoni għall-perjodu ta’ wara l-2020 għandhom jibbażaw fuq numru mnaqqas ta’ objettivi ċari u konċiżi.

2.2.10.

Bħalissa, il-mekkaniżmi differenti assoċjati mal-objettivi, l-iskadenzi u d-dati ta’ bidu u ta’ tmien differenti għad għandhom bħala konsegwenza li l-ebda objettiv mhuwa trasparenti u li lanqas ma jista’ jiġi inkluż u mmonitorjat faċilment mill-ambjenti ekonomiċi u soċjali u mis-soċjetà ċivili. In-nuqqas ta’ sinerġiji jew ta’ interazzjonijiet bejn l-objettivi differenti jnaqqas b’mod konsiderevoli l-effettività tal-istrumenti u tal-investimenti. Jeħtieġ li jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-FSEI u l-istrateġija “Ewropa 2020” mġedda bit-tfassil ta’ strateġija ġdida għall-UE 2030-2050 (proġett għall-Ewropa).

2.2.11.

Filwaqt li l-Fondi Strutturali huma akkumpanjati minn mekkaniżmi ta’ tħejjija, eżekuzzjoni, kontroll u analiżi burokratiċi ħafna, kemm ċentralizzati kif ukoll deċentralizzati, u billi fil-livell tal-Unjoni jeżistu numru kbir ta’ aġenziji għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tagħhom, il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ governanza tal-FEIS reċenti li joħroġ mill-qafas tal-Kummissjoni Ewropea u l-istruttura organizzattiva l-ġdida tiegħu jibbaża fuq il-ħtiġijiet marbuta mal-klima finanzjarja u ta’ investiment. Il-koordinazzjoni taż-żewġ settijiet kbar timplika l-implimentazzjoni ta’ strument strateġiku u ta’ sistema ġdida ta’ governanza (2).

2.2.12.

L-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ governanza orjentata lejn l-iżvilupp tista’ twassal għal koordinazzjoni msaħħa u kooperazzjoni miftuħa bejn l-imsieħba ikkonċernati.

2.2.13.

Biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Fondi SEI, jeħtieġ li tissaħħaħ l-istruttura istituzzjonali tas-sħubija u dawn jiġu estiżi, skont id-dritt ta’ parteċipazzjoni pubblika, għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Iċ-ċittadini fil-fatt għandhom jiġu garantiti l-possibbiltà li jaċċessaw informazzjoni rilevanti u li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni. Għandhom ikunu jistgħu wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-proġetti dwar programmi, sejħiet għal offerti u rapporti ta’ evalwazzjoni.

3.   It-tisħiħ tas-sħubija

3.1.

Il-KESE diġà indirizza l-kwistjoni tal-prinċipju tas-sħubija u għamel proposti dettaljati f’dan ir-rigward f’għadd ta’ opinjonijiet.

3.1.1.

Fl-opinjoni li adotta fl-2010 (3), il-KESE enfasizza li r-regolamenti fis-seħħ kienu jħallu marġini ta’ interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kunċett tas-sħubija fil-livell nazzjonali, u li l-Kummissjoni Ewropea għandha għalhekk ikollha rwol aktar b’saħħtu u ħafna aktar proattiv bħala l-għassiesa tal-prinċipju tas-sħubija. Huwa qies essenzjali li l-programmi operattivi kollha jiggarantixxu lill-imsieħba r-riżorsi meħtieġa ta’ assistenza teknika għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom. Huwa sejjaħ għal ritorn għal programmi ta’ inizjattiva Komunitarja għall-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp lokali.

3.1.2.

Fl-opinjoni tiegħu tal-2012 (4), il-KESE appoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar is-sħubija. Huwa esprima wkoll it-tħassib tas-soċjetà ċivili organizzata marbut mal-ksur tal-prinċipju tas-sħubija u ssuġġerixxa li tiġi stabbilita sistema ta’ kontroll tas-sħubija ġestita mill-imsieħba nnifisihom. Huwa ppropona li l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija mal-Istati Membri tkun soġġetta għall-implimentazzjoni xierqa tal-Kodiċi ta’ Kondotta u li għal dan l-għan jiġu allokati r-riżorsi tal-programmi operattivi permezz ta’ inċentivi finanzjarji. Huwa kkonferma wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba.

3.2.

Il-leġislazzjoni dwar il-politika ta’ koeżjoni tipprevedi l-istabbiliment ta’ kodiċi msejjaħ “Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar Sħubija” (KKES), li fih prinċipji gwida u l-aħjar prattiki.

3.3.

Mill-esperjenzi miksuba fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-KKES jirriżulta li ċerti pajjiżi sempliċiment applikaw b’mod strett id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi fil-kuntest tal-proċessi nazzjonali ta’ programmazzjoni u tat-trasformazzjoni tal-istruttura istituzzjonali tal-implimentazzjoni tal-FSEI.

3.4.

F’bosta pajjiżi l-imsieħba ma ngħatawx biżżejjed żmien biex jifformulaw opinjoni marbuta mad-dokumenti rilevanti. Dawn ma ġewx involuti biżżejjed fid-deċiżjonijiet strateġiċi ewlenin, bħal dawk dwar id-definizzjoni tal-prijoritajiet u l-allokazzjonijiet finanzjarji. L-ebda mekkaniżmu jew strument speċjali ta’ komunikazzjoni u parteċipazzjoni ma ġie stabbilit sabiex titrawwem il-parteċipazzjoni attiva.

3.5.

L-analiżi mwettqa minn diversi NGOs (5) uriet li, f’ċertu numru ta’ pajjiżi, ir-rekwiżiti dwar l-għażla tal-imsieħba imsejħa jagħmlu parti mill-kumitati ta’ monitoraġġ ġew rispettati b’mod strett, madankollu mingħajr ma ġew żgurati r-rappreżentattività u l-kopertura tematika fil-każijiet kollha. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-membri tal-kumitati ta’ monitoraġġ mhuwiex tajjeb kemm għandu jkun.

3.6.

Għalhekk, l-awtoritajiet responsabbli għall-kwistjonijiet orizzontali, bħal pereżempju il-Ministeri tal-ambjent, ma kisbux siġġu f’diversi kumitati ta’ monitoraġġ rilevanti. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni ma jagħmlux sforz biex jassoċjaw lill-imsieħba tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-prinċipji orizzontali mal-ippjanar tas-sejħiet għal proġetti u l-evalwazzjoni tal-proposti.

3.7.

L-interventi li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-imsieħba mhumiex biżżejjed f’ċerti pajjiżi. Fil-fatt, dawn fil-biċċa l-kbira huma limitati għat-taħriġ u r-rimborż ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar, filwaqt li diversi proposti tal-KKES, li jikkonċernaw pereżempju l-iżvilupp tan-netwerk u l-koordinazzjoni, jew anke l-kopertura tal-ispejjeż tal-esperti meħtieġa biex jiżguraw parteċipazzjoni effettiva tal-imsieħba, baqgħu injorati.

3.8.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ma tawx biżżejjed attenzjoni għall-użu ta’ strumenti tal-metodu tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) fl-ewwel nofs tal-perjodu tal-baġit.

3.9.

Il-KESE jemmen li għandu jsir eżami ġenerali tal-prattiki ta’ sħubija. Dan l-eżami għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ ppjanar u tal-istruttura istituzzjonali ta’ implimentazzjoni, u jevalwa sa fejn is-sistema regolatorja attwali hija kapaċi twassal għal sħubija effettiva. L-imsieħba għandhom ikunu involuti attivament fil-proċess ta’ evalwazzjoni.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni – elementi għal Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija” (ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23).

(2)  Opinjoni tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE tal-KtR dwar “is-semplifikazzjoni tal-FSIE mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali”, relatur: is-Sur Osvald (CZ/PSE).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar it-tema: “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, fuq il-bażi ta' prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013” (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1).

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(5)  L-analiżi mwettqa min-Netwerk CEE Bankwatch u SFteam for Sustainable Future.


Top