Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE6737

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud” [COM(2016) 755 final – 2016/0371 (CNS)] dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti” [COM(2016) 757 final – 2016/0370 (CNS)] u dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi” [COM(2016) 758 final – 2016/0374 (CNS)]

    ĠU C 345, 13.10.2017, p. 79–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 345/79


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud”

    [COM(2016) 755 final – 2016/0371 (CNS)]

    dwar

    “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti”

    [COM(2016) 757 final – 2016/0370 (CNS)]

    u dwar

    “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi”

    [COM(2016) 758 final – 2016/0374 (CNS)]

    (2017/C 345/13)

    Relatur:

    Amarjite SINGH

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.12.2016 u 21.12.2016

    Bażi legali

    L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

    5.5.2017

    Adottata fil-plenarja

    5.7.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    527

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    123/1/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-pakkett dwar il-modernizzazzjoni tal-VAT fuq il-kummerċ elettroniku transkonfinali, u japprova kemm l-objettivi kif ukoll il-fokus tiegħu fuq l-indirizzar tat-tħassib tal-SMEs. Dawn ir-regoli proposti se jkollhom impatt kbir fuq kumpaniji li jbigħu oġġetti u servizzi onlajn, b’hekk jippermettulhom jibbenefikaw minn regoli aktar ġusti, spejjeż ta’ konformità aktar baxxi u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ kumpaniji mhux tal-UE. Fit-tul, il-proposti se jgħinu wkoll sabiex is-sistema tal-VAT tal-UE ssir valida għall-futur.

    1.2.

    L-implimentazzjoni tal-VAT MOSS kellha impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità. Madankollu, dan l-iffrankar mhux neċessarjament ġie esperjenzat bl-istess mod fost negozji b’daqsijiet differenti. B’mod partikolari, l-SMEs issieltu ma’ bosta elementi ta’ konformità tal-MOSS u esprimew tħassib sinifikanti. Għaldaqstant, il-KESE laqa’ l-fatt li l-emendi proposti għall-MOSS jindirizzaw dan it-tħassib.

    1.3.

    Minħabba s-suċċess li kellu s’issa l-VAT MOSS fit-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji involuti f’kummerċ transkonfinali, l-estensjoni tiegħu għal servizzi apparti dawk attwalment inklużi, kif ukoll għal akkwisti u importazzjonijiet intra-UE ta’ oġġetti, hija pass naturali ’l quddiem. Apparti t-tnaqqis potenzjali fl-ispejjeż ta’ konformità, l-estensjoni se toħloq ukoll kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fin-negozju tal-kummerċ elettroniku, li x’aktarx se jkollhom impatt pożittiv b’mod partikolari fuq l-SMEs. L-estensjoni tal-MOSS għall-oġġetti toħloq kundizzjonijiet għall-possibbiltà ta’ tneħħija tal-iskema għall-Eżenzjoni ta’ Konsenji b’Valur Baxx (LVCR – Low Value Consignment Relief), li ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni, li permezz tagħha n-negozji stabbiliti barra mill-UE għandhom vantaġġ kompetittiv fuq dawk stabbiliti fl-UE. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ l-estensjoni proposta tal-MOSS.

    1.4.

    L-emendi għar-rati tal-VAT applikabbli għar-regoli tal-pubblikazzjonijiet elettroniċi jeliminaw id-distinzjoni bejn pubblikazzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi, u jiżguraw in-newtralità f’dan is-suq. Madankollu, filwaqt li jilqa’ l-eliminazzjoni ta’ din id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-KESE huwa konxju dwar ir-riskju li ġġib magħha tali eliminazzjoni għall-bażi tal-VAT. Il-KESE jinnota wkoll li l-miżuri proposti huma perċepiti mill-Kummissjoni Ewropea bħala preludju għal riforma usa’ tal-istruttura tar-rata tal-VAT tal-UE, u huwa mħasseb dwar l-impatt li tali disarmonizzazzjoni jkollha fuq in-negozji involuti f’kummerċ transkonfinali, b’mod partikolari l-SMEs.

    2.   Sfond

    2.1.

    Il-Kummissjoni pproponiet miżuri prattiċi ġodda bħala parti mill-pakkett dwar l-immodernizzar tal-VAT għal kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur (B2C) fuq bażi transkonfinali. Il-miżuri għandhom l-għan li jappoġġjaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali f’dak li jirrigwarda l-konformità tal-VAT, billi jitneħħew l-ostakli tal-VAT għan-negozji onlajn, b’mod partikolari negozji ġodda u SMEs, kif ukoll tiġi miġġielda l-evażjoni tal-VAT onlajn min-negozji mhux tal-UE.

    2.2.

    Dawn il-miżuri jinkludu b’mod partikolari:

    2.2.1.

    L-emendi għall-MOSS eżistenti (“Mini-One-Stop-Shop”), li jippermetti lil ċerti negozji jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tal-VAT fi kwalunkwe Stat Membru permezz ta’ portal onlajn diġitali, ospitat mill-amministrazzjoni tat-taxxa proprja tagħhom u fil-lingwa tagħhom stess. Dawn l-emendi jinkludu l-introduzzjoni ta’ livell limitu tal-VAT transkonfinali intra-UE u rekwiżiti ta’ konformità simplifikati ġodda;

    2.2.2.

    L-estensjoni tal-MOSS eżistenti għall-provvista ta’ servizzi intra-UE, għajr dawk li għalihom japplika attwalment u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti, kemm intra-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi;

    2.2.3.

    It-tneħħija tal-livelli limiti tal-bejgħ mill-bogħod intra-UE attwali, kif ukoll l-eżenzjoni mill-VAT għal importazzjonijiet ta’ konsenji żgħar minn barra l-UE;

    2.2.4.

    Emendi għar-regoli eżistenti sabiex l-Istati Membri jitħallew japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi, bħal kotba elettroniċi u gazzetti onlajn, bħal ma huwa diġà l-każ għall-ekwivalenti stampati tagħhom.

    Emendi għall-VAT MOSS

    2.3.

    Is-sistema MOSS ilha kompletament operattiva mill-1 ta’ Jannar 2015, u ġiet stabbilita bil-għan li tissimplifika l-obbligi ta’ konformità tal-VAT għal negozji involuti f’kummerċ transkonfinali tal-UE. Minflok ma jkunu meħtieġa jirreġistraw, jirrapportaw u jħallsu l-VAT f’kull Stat Membru li fih ibigħu l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom, il-MOSS jippermetti lin-negozji sempliċement jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-UE trimestrali onlajn mal-awtorità nazzjonali korrispondenti tagħhom.

    2.4.

    L-emendi proposti kienu preċeduti minn konsultazzjoni intensiva mill-Kummissjoni minn Frar sa Settembru 2015. Il-proċess, li kien jinvolvi evalwazzjoni, konsultazzjoni, seminars u valutazzjonijiet tal-impatt, iffoka b’mod partikolari fuq l-impatt tar-regoli attwali tal-MOSS tal-VAT fuq l-SMEs. Dan żvela kwistjonijiet speċifiċi – bħall-ħtieġa ta’ livell limitu, l-użu ta’ regoli tal-pajjiż ta’ oriġini għal ċerti obbligi tal-VAT speċifiċi bħall-fatturazzjoni u ż-żamma ta’ rekords u koordinazzjoni tal-awditjar – bħala t-tħassib ewlieni għall-SMEs, u għalhekk dawn huma riflessi fl-emendi proposti.

    2.5.

    Skont ir-regoli proposti, se jiġi introdott livell limitu tal-VAT transkonfinali intra-UE ġdid ta’ EUR 10 000. Għall-kumpaniji li joperaw onlajn, li l-bejgħ transkonfinali tagħhom jaqa’ taħt il-livell limitu, dan il-bejgħ se jitqies bħala bejgħ domestiku, bil-VAT imħallas lill-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom stess. F’termini ta’ konformità, ir-rekwiżit għal żewġ biċċiet evidenza li għandhom jiġu pprovduti minn fornituri ta’ servizzi elettroniċi b’fatturat ta’ anqas minn EUR 100 000 sar inqas strett. Barra minn hekk, il-bejjiegħa onlajn se jitħallew japplikaw ir-regoli tal-pajjiż ta’ oriġini f’oqsma bħall-fatturazzjoni u ż-żamma ta’ rekords, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-konformità tal-VAT, u se jiġu introdotti awditi kkoordinati ġodda, u dan jipprevjeni lil dawn il-bejjiegħa milli jiġu soġġetti għal talbiet ta’ awditjar nazzjonali separati.

    Estensjoni tal-VAT MOSS

    2.6.

    Attwalment, il-MOSS japplika biss għat-telekomunikazzjoni, ix-xandir u servizzi pprovduti elettronikament. Skont l-emendi proposti, l-applikazzjoni tal-MOSS tiġi estiża għal provvisti ta’ servizzi intra-UE oħra, kif ukoll għal bejgħ ta’ oġġetti mill-bogħod, kemm intra-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi. Skont ir-regoli proposti, din l-estensjoni tiġi implimentata gradwalment wara li jidħlu fis-seħħ l-emendi għar-regoli MOSS eżistenti, bid-dħul fis-seħħ propost għall-1 ta’ Jannar 2021.

    2.7.

    L-estensjoni proposta tal-MOSS għal oġġetti importanti ordnati onlajn se tissimplifika b’mod drammatiku l-ġbir tal-VAT. Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li din l-estensjoni toħloq il-kundizzjonijiet għat-tħassir tal-iskema ta’ eżenzjoni ta’ konsenji żgħar, magħrufa wkoll bħala l-LVCR, skont liema se tkun eżentata mill-VAT l-importazzjoni ta’ oġġetti ta’ valur negliġibbli li ma jaqbiżx valur totali li jilħaq l-EUR 22. Għaldaqstant, il-proposta tipprevedi t-tneħħija ta’ din l-eżenzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Emendi għar-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet elettroniċi

    2.8.

    Skont ir-rati attwali, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jintaxxaw il-publikazzjonijiet fuq kwalunkwe mezz ta’ appoġġ fiżiku b’rata ta’ VAT imnaqqsa. Madankollu, id-Direttiva dwar il-VAT twaqqaf lill-Istati Membri milli japplikaw l-istess rati ta’ VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi bħalma japplikaw attwalment għal pubblikazzjonijiet fiżiċi. Din il-fehma ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sensiela ta’ sentenzi reċenti, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa għal pubblikazzjonijiet elettroniċi minn bosta Stati Membri (1).

    2.9.

    Skont ir-regoli proposti, l-Istati Membri se jitħallew jallinjaw ir-rati tal-VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi mar-rati tal-VAT attwali għal pubblikazzjonijiet stampati, irrispettivament minn liema rata japplikaw. Din il-proposta hija riżultat ta’ kunsiderazzjoni tal-għażliet differenti sabiex it-trattament tal-pubblikazzjonijiet elettroniċi jiġi allinjat ma’ dak tal-pubblikazzjonijiet fiżiċi, u jkun jippermetti lill-Istati Membri japplikaw rati mnaqqsa iktar baxxi mill-minimu ta’ 5 %, fejn japplikaw rata aktar baxxa minn dak il-minimu għal kotba fiżiċi.

    2.10.

    Il-proposti t’hawn fuq jemendaw tliet strumenti leġislattivi, jiġifieri:

    Id-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (Direttiva tal-VAT) (2);

    Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (3);

    Id-Direttiva 2009/132/tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (4).

    2.11.

    Il-pakkett globali huwa stmat li jżid id-dħul mill-VAT tal-Istati Membri sal-2021 b’EUR 7 biljun fis-sena u li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi għan-negozji b’EUR 2,3 biljun fis-sena.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-VAT huwa wieħed mis-sorsi ta’ dħul ewlenin għall-Istati Membri tal-UE, attwalment jirrappreżenta aktar minn 20 % ta’ dak id-dħul, żieda ta’ aktar minn 10 % mill-1995 (5). Ir-rilevanza komparattiva tat-taxxa għad-dħul tal-Istati Membri żdiedet wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja, hekk kif irrikorrew għall-politika tal-VAT biex jindirizzaw tħassib baġitarju. Bejn l-2008 u l-2014, tlieta u għoxrin Stat Membru żiedu r-rati tal-VAT u/jew wessgħu l-bażi tal-VAT (6). Il-VAT għandu rwol sinifikanti u dejjem akbar fis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u l-ħarsien tan-nefqa fuq l-assistenza soċjali.

    3.2.

    Huwa kruċjali li l-bażi tal-VAT tiġi protetta kemm minn każijiet potenzjali ta’ frodi kif ukoll mill-erożjoni tagħha stess permezz tal-użu estensiv ta’ rati mnaqqsa. Fl-2014 id-diskrepanza tal-VAT fl-UE-27 kienet stmata li hija EUR 159,5 biljun, 14 % tad-dħul totali tal-VAT (7). Filwaqt li d-diskrepanza tal-VAT tinkludi t-telf tal-VAT pereżempju minħabba żball, fallimenti u evitar, il-komponent ewlieni tagħha huwa l-evażjoni. L-erożjoni tal-bażi tal-VAT fl-UE-27 hija għolja wkoll, bi kważi 50 % tal-konsum kollu mhux taxxat jew taxxat b’rati ta’ VAT aktar baxxi.

    3.3.

    Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ l-pakkett dwar il-modernizzazzjoni tal-VAT fuq il-kummerċ elettroniku transkonfinali, u japprova kemm l-objettivi kif ukoll il-fokus tiegħu fuq l-indirizzar tat-tħassib tal-SMEs. Dawn ir-regoli proposti se jkollhom impatt kbir fuq kumpaniji li jbigħu oġġetti u servizzi onlajn, b’hekk jippermettulhom jibbenefikaw minn regoli aktar ġusti, spejjeż ta’ konformità aktar baxxi u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ kumpaniji mhux tal-UE. Fit-tul, il-proposti se jgħinu wkoll sabiex is-sistema tal-VAT tal-UE ssir valida għall-futur.

    Emendi għall-VAT MOSS

    3.4.

    L-implimentazzjoni gradwali tal-VAT MOSS, li l-aħħar stadju tagħha daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015, kienet waħda mill-emendi l-aktar sinifikanti għas-sistema tal-VAT tal-UE mill-abolizzjoni tal-fruntieri fiskali fl-1993. Is-sistema tippermetti lin-negozji li joperaw f’bosta Stati Membri biex jagħżlu Stat Membru wieħed, l-istat tad-domiċilju tagħhom, bħala l-punt uniku ta’ kuntatt tagħhom għall-identifikazzjoni tal-VAT, għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u għall-ħlas tal-VAT dovut fl-Istati Membri kollha.

    3.5.

    Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-VAT MOSS, imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, tikkonferma li l-miżura kellha impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità. Il-MOSS iffranka lin-negozji EUR 500 miljun – medja ta’ EUR 41 000 għal kull negozju – meta mqabbel mal-alternattiva ta’ reġistrazzjoni u pagament dirett, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 95 % f’dawn l-ispejjeż.

    3.6.

    Madankollu, dan l-iffrankar mhux neċessarjament ġie esperjenzat bl-istess mod fost negozji b’daqsijiet differenti. Il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni jindikaw li l-SMEs, għalkemm potenzjalment jibbenefikaw mit-tnaqqis fir-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni, fil-prattika ssieltu ma’ bosta elementi ta’ konformità tal-MOSS. Dawn id-diffikultajiet inħassu b’mod aktar qawwi minn SMEs stabbiliti fi Stati Membri fejn il-livell limitu tar-reġistrazzjoni tal-VAT huwa l-ogħla, bħar-Renju Unit.

    3.7.

    Il-KESE laqa’ l-fatt li l-emendi proposti għall-MOSS jindirizzaw dan it-tħassib.

    Estensjoni tal-VAT MOSS

    3.8.

    Sa mill-2011, l-estensjoni tal-MOSS tqieset mill-Kummissjoni Ewropea bħala prijorità għolja (8). Minħabba s-suċċess tal-VAT MOSS s’issa fit-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità għal negozji involuti f’kummerċ transkonfinali, l-estensjoni tiegħu għal servizzi apparti dawk attwalment inklużi, kif ukoll għal akkwisti u importazzjonijiet intra-UE ta’ oġġetti, hija pass naturali ’l quddiem.

    3.9.

    Apparti t-tnaqqis potenzjali fl-ispejjeż ta’ konformità, l-estensjoni se toħloq ukoll kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fin-negozju tal-kummerċ elettroniku, li x’aktarx se jkollhom impatt pożittiv b’mod partikolari fuq l-SMEs. L-estensjoni se tneħħi d-diskrepanza bejn in-negozji ta’ kummerċ elettroniku li jistgħu jagħmlu użu mill-MOSS skont ir-regoli attwali, u dawk li huma involuti wkoll f’kummerċ elettroniku transkonfinali, iżda li, minħabba n-natura tas-servizzi jew oġġetti li jfornu, s’issa ma setgħux jagħmlu użu mill-istess benefiċċji ta’ konformità. L-estensjoni se tkun ta’ benefiċċju wkoll għan-negozji tal-kummerċ elettroniku involuti f’varjetà ta’ kummerċ transkonfinali, li s’issa kienu soġġetti għal żewġ settijiet ta’ obbligi ta’ konformità, jiġifieri dawk skont il-MOSS u dawk skont ir-reġim normali, u issa se jkunu soġġetti għal sett wieħed biss ta’ regoli skont il-MOSS.

    3.10.

    L-estensjoni tal-MOSS għall-oġġetti toħloq kundizzjonijiet għall-possibbiltà ta’ tneħħija tal-iskema LVCR. Filwaqt li din l-iskema rrappreżentat simplifikazzjoni milqugħa fil-passat, il-volum tal-oġġetti li jibbenefikaw mill-iskema allegatament żdied b’286 % fil-perjodu 1999-2013, probabbilment minħabba ż-żieda fix-xiri onlajn tal-individwi (9). Dan it-tkabbir wassal għal żieda fid-dħul tal-VAT mitluf fl-Istati Membri kollha.

    3.11.

    L-iskema tal-LVCR ħolqot ukoll distorsjoni fil-kompetizzjoni, li permezz tagħha n-negozji stabbiliti barra l-UE għandhom vantaġġ kompetittiv fuq dawk stabbiliti fi ħdan l-UE. Dan il-vantaġġ kompetittiv wassal ukoll għal żewġ konsegwenzi ulterjuri mhux mixtieqa, jiġifieri l-abbuż tal-iskema LVCR u distorsjonijiet għat-tendenzi tal-kummerċ u l-importazzjoni.

    3.12.

    Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ l-estensjoni proposta tal-MOSS.

    Emendi għar-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet elettroniċi

    3.13.

    Il-lista tal-prodotti li jistgħu jkunu soġġetti għal rati ta’ VAT imnaqqsa, kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-VAT, tmur lura għall-1992. L-iżviluppi fit-teknoloġija u l-imġiba tal-konsumatur f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena rriżultaw f’bosta diffikultajiet legali rigward l-interpretazzjoni tal-oġġetti inklużi f’din il-lista. Dawn id-diffikultajiet legali wasslu għal tilwim estensiv fil-livell tal-QtĠ tal-UE.

    3.14.

    F’bosta sentenzi reċenti, il-QtĠ tal-UE kkonkludiet li l-oġġetti inklużi fil-lista ta’ pubblikazzjonijiet fiżiċi ma setgħux jiġu estiżi għal pubblikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ interpretazzjoni legali. Għaldaqstant, emendi legali għar-regoli eżistenti fid-Direttiva dwar il-VAT biss setgħu jilħqu dan l-għan.

    3.15.

    Ir-regoli proposti jeliminaw id-distinzjoni bejn pubblikazzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi, u jiżguraw in-newtralità f’dan is-suq. Madankollu, filwaqt li jilqa’ l-eliminazzjoni ta’ din id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-KESE huwa konxju dwar ir-riskju li ġġib magħha eliminazzjoni bħal din għall-bażi tal-VAT. L-inklużjoni ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi fil-lista tal-oġġetti li jistgħu jkunu soġġetti għal rata mnaqqsa se tirriżulta mhux biss f’telf immedjat tad-dħul, iżda tista’ wkoll toħloq l-opportunità sabiex jiġi argumentat li oġġetti oħra jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-lista, u b’hekk ikun hemm aktar erożjoni tal-bażi. Barra minn hekk, l-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa taħt il-minimu ta’ 5 % għal pubblikazzjonijiet elettroniċi, fejn dawn ir-rati japplikaw għal kotba fiżiċi, tista’ twassal għal talbiet ulterjuri għall-applikazzjoni ta’ rati taħt dak il-minimu. Tali żvilupp jimmina l-eżistenza ta’ rata minima, li jwassal ukoll għal erożjoni ulterjuri tal-bażi.

    3.16.

    Il-KESE jinnota wkoll li l-miżuri proposti huma perċepiti mill-Kummissjoni Ewropea bħala preludju għal riforma usa’ tal-istruttura tar-rata tal-VAT tal-UE (10). Filwaqt li attwalment qed jiġu kkunsidrati żewġ għażliet, din ir-riforma usa’, b’mod ġenerali tagħti lill-Istati Membri aktar libertà u flessibilità fl-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa, billi effettivament jiġu disarmonizzati r-rati tal-VAT.

    3.17.

    Il-KESE huwa mħasseb dwar l-impatt li tali disarmonizzazzjoni jkollha fuq in-negozji involuti f’kummerċ transkonfinali, b’mod partikolari SMEs, li jsibuha diffiċli jiddeterminaw ir-rati tal-VAT li japplikaw għall-prodotti tagħhom madwar l-UE.

    3.18.

    Il-KESE huwa wkoll konxju tal-fatt li l-Artikolu 113 tat-TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-approvazzjoni tal-legislazzjoni tal-VAT tal-UE, jikkonferixxi l-kompetenza biss lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex japprovaw leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-VAT, bil-għan li jiġi stabbilit u mtejjeb is-Suq Intern.

    4.   Kummenti speċifiċi

    Emendi għall-VAT MOSS

    4.1.

    Għal SMEs stabbiliti f’pajjiżi b’livell limitu għoli, l-implimentazzjoni tal-MOSS wasslet sabiex ikollhom jirreġistraw għall-VAT u jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT għall-ewwel darba. B’bosta jirriskjaw li ma jibqgħux fin-negozju minħabba l-ispejjeż riżultanti ġodda ta’ konformità, grupp ta’ negozji żgħar ħafna, li numru kbir minnhom kienu stabbiliti fir-Renju Unit, waqqfu grupp ta’ pressjoni (11), bil-għan li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit jiġu mwissija dwar it-tħassib tagħhom.

    4.2.

    L-istabbiliment ta’ limitu ta’ EUR 10 000 li jippermetti lill-SMEs jagħżlu li jużaw ir-regoli tal-VAT ta’ pajjiżjom sakemm jilħqu dak il-limitu huwa milqugħ b’sodisfazzjon, u bla dubju se jissemplifika l-operat għan-negozji żgħar u part time. Madankollu, filwaqt li jilqa’ dan l-arranġament għall-mikronegozji, il-KESE huwa konxju li negozji li għadhom jibdew u li qed jikbru malajr jistgħu jaqbżu dan il-limitu.

    Estensjoni tal-VAT MOSS

    4.3.

    Fir-Renju Unit (permezz taċ-Channel Islands) u l-Finlandja (permezz tal-Gżejjer Åland) ġie rrapportat abbuż sinifikanti tal-LVCR, b’kumpaniji jirrilokaw l-operat tagħhom ’il barra mill-UE sabiex jagħmlu użu minn din l-iskema (12). Dan l-abbuż joħloq żvantaġġ kompetittiv ulterjuri għall-kumpaniji fi ħdan l-UE u b’mod partikolari għall-SMEs li normalment ikunu affettwati b’mod aktar sinifikanti. Fl-2010, ġie mwaqqaf grupp minn SMEs ibbażati fir-Renju Unit sabiex issir kampanja kontra l-allegat abbuż tal-LVCR fiċ-Channel Islands (13).

    4.4.

    Aktar reċentement, grupp ieħor imwaqqaf minn SMEs ibbażati fir-Renju Unit, intitolat VAT Fraud (14) ġibed l-attenzjoni għall-problemi ta’ allegat frodi mwettaq onlajn minn operaturi tas-suq mhux tal-UE u problemi marbuta mal-iskema tal-LVCR. Filwaqt li dan il-frodi jirrigwarda oġġetti ta’ valur li ma jaqax taħt din l-iskema, huwa allegat li l-eżistenza tal-iskema toħloq ostakli għall-infurzar tal-VAT, peress li l-uffiċjali doganali isibuha diffiċli li jiddeterminaw liema provvisti jaqgħu taħt l-iskema.

    4.5.

    Allegatament, l-iskema tal-LVCR affettwat ukoll it-tendenzi tal-kummerċ u l-aġir marbut mal-importazzjoni fost il-konsumaturi f’bosta Stati Membri, jiġifieri s-Slovenja, il-Ġermanja, l-Iżvezja, id-Danimarka u r-Renju Unit (15).

    Emendi għar-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet elettroniċi

    4.6.

    Dilemma fundamentali għas-sistema tal-VAT tal-UE sottostanti għad-diffikultajiet legali rigward l-interpretazzjoni tal-oġġetti inklużi fil-lista ta’ oġġetti li jistgħu jkunu soġġetti għal rata mnaqqsa hija: jekk id-distorsjonijiet potenzjali fil-kompetizzjoni jiġux eliminati permezz tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-lista ta’ oġġetti li jistgħu jkunu soġġetti għal rata mnaqqsa, b’erożjoni ulterjuri tal-bażi; jew jekk titkompliex il-limitazzjoni fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, bi protezzjoni għall-bażi tat-taxxa iżda bil-possibbiltà ta’ distorsjonijiet għall-kompetizzjoni.

    4.7.

    Il-QtĠ tal-UE tadotta approċċ vag għal tali diffikultajiet interpretattivi. Madankollu, f’sentenzi li jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi f’dik il-lista, il-Qorti kkonkludiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jistax jiġi estiż għal dawk l-oġġetti, sabiex b’hekk tiġi adottata interpretazzjoni legali stretta tar-regoli.

    Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Kawżi C-219/13, K Oy, ECLI:EU:C:2014:2207; C-479/13, il-Kummissjoni vs Franza, EU:C:2015:141; u C-502/13, il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu EU:C:2015:143; u C-390/15, RPO, ECLI:EU:C:2017:174.

    (2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

    (4)  ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.

    (5)  R. de la Feria, “Blueprint for Reform of VAT Rates in Europe” (2015) Intertax 43(2), 154-171.

    (6)  Ibid.

    (7)  CASE, Studju u Rapporti dwar id-Diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE-28: Rapport Finali 2016), TAXUD/2015/CC/131, 2016.

    (8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-futur tal-VAT – Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, robusta u effiċjenti mfassla għas-suq uniku, COM(2011) 851 final, 6 ta’ Diċembru 2011.

    (9)  E&Y, Valutazzjoni tal-Applikazzjoni u l-Impatt tal-Eżenzjoni mill-VAT għall-Importazzjoni ta’ Konsenja Żgħira, Kontratt Speċifiku Nru 7, TAXUD/2013/DE/334, Rapport Finali, Mejju 2015.

    (10)  Kummissjoni Ewropea, Konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar ir-riforma tar-rati tal-VAT (proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli li jirregolaw l-applikazzjoni tar-rati tal-VAT).

    (11)  Entitled EU VAT Action (www.euvataction.org).

    (12)  E&Y, Valutazzjoni tal-Applikazzjoni u l-Impatt tal-Eżenzjoni mill-VAT għall-Importazzjoni ta’ Konsenja Żgħira, Kontratt Speċifiku Nru 7, TAXUD/2013/DE/334, Rapport Finali, Mejju 2015.

    (13)  Entitled RAVAS – Retailers Against VAT Avoidance Schemes (www.ravas.org.uk).

    (14)  www.vatfraud.org

    (15)  E&Y, Valutazzjoni tal-Applikazzjoni u l-Impatt tal-Eżenzjoni mill-VAT għall-Importazzjoni ta’ Konsenja Żgħira, Kontratt Speċifiku Nru 7, TAXUD/2013/DE/334, Rapport Finali, Mejju 2015.


    Top