EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0228(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Ottubru 2014 (Il-Każ AT.39924 — Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax tal-Frank Svizzeru) (CHF LIBOR) (notifikat bid-dokument C(2014) 7605)

ĠU C 72, 28.2.2015, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/9


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta’ Ottubru 2014

(Il-Każ AT.39924 — Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax tal-Frank Svizzeru)

(CHF LIBOR)

(notifikat bid-dokument C(2014) 7605)

(It-test bl-Ingliż biss hu awtentiku)

(2015/C 72/07)

Fil-21 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“Trattat”) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”). Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost, filwaqt li tqis l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna ksur uniku u kontinwu. Id-destinatarji tad-Deċiżjoni pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. L-iskop tal-ksur kien ir-restrizzjoni u/jew tgħawwiġ fil-kompetizzjoni fir-rigward ta’ Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax tal-Frank Svizzeru (minn hawn’ il quddiem imsejħa “DRIFS”), irreferenzjati għal-LIBOR tal-frank Svizzeru (“CHF Libor”).

(2)

Matul il-perjodu tal-ksur, CHF LIBOR kienet ir-rata ta’ imgħax ta’ referenza għal bosta strumenti finanzjarji denominati fi franki Svizzeri. CHF Libor kienet stabbilita mill-British Bankers Association (BBA) (2). Ir-rata ġiet stabbilita ta’ kuljum għal maturitajiet differenti ta’ self abbażi ta’ sottomissjonijiet minn banek li kienu membri tal-bord ta’ CHF Libor. Dawn il-banek intalbu jissottomettu kull jum ta’ negozju, qabel ċertu żmien, stimi tar-rati tal-imgħax li bihom jemmnu li setgħu jissellfu fondi mhux garantiti f’suq ta’ daqs raġonevoli fuq is-suq monetarju interbankarju ta’ Londra, b’maturitajiet differenti. L-aġent tal-kalkoli tal-BBA Thomson Reuters ikkalkula mbagħad, abbażi tal-medja ta’ dawn is-sottomissjonijiet, filwaqt li eskluda t-tlett l-ogħla sottomissjonijiet u t-tlieta l-iktar baxxi, ir-rata ta’ kuljum ta’ CHF Libor għal kull maturità. Ir-rati li jirriżultaw kienu immedjatament ippubblikati u disponibbli għall-pubbliku kull jum tan-negozju. Fiż-żmien tal-ksur kien hemm tnax-il bank fuq il-bord ta’ CHF Libor, inklużi żewġ parteċipanti f’dan il-ksur.

(3)

Ir-rati CHF Libor huma, inter alia, riflessi fl-ipprezzar ta’ DRIFS, li huma prodotti finanzjarji li jintużaw minn korporazzjonijiet, istituzzjonijiet finanzjarji, hedge funds, u impriżi globali oħrajn biex jamministraw ir-riskju ta’ skopertura tar-rata tal-imgħax tagħhom (hedging, kemm għal dawk li jissellfu kif ukoll għall-investituri), biex jiġġeneraw tariffi bħala intermedjarju jew għal skopijiet ta’ spekulazzjoni (3).

(4)

L-iktar DRIFS komuni huma: (i) ftehim dwar rati bil-quddiem, (ii) skambju tar-rati tal-imgħax, (iii) opzjonijiet tar-rati tal-imgħax u (iv) futuri tar-rati tal-imgħax. DRIFS huma negozjati madwar iż-ŻEE u jistgħu jiġu nnegozjati barra l-borża (OTC) jew, fil-każ ta’ futuri tar-rati tal-imgħax, innegozjati fil-borża.

(5)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lid-destinatarji li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem “id-destinatarji”):

The Royal Bank of Scotland Group plc u The Royal Bank of Scotland plc (minn hawn ‘il quddiem “RBS”); kif ukoll

JPMorgan Chase & Co. u JPMorgan Chase Bank, National Association (minn hawn’ il quddiem “JPMorgan”).

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Il-Proċedura

(6)

Il-każ infetaħ abbażi ta’ applikazzjoni għall-immunità minn RBS fid-9 ta’ Awwissu 2011. Fil-[…], JPMorgan applikat għal tnaqqis tal-multi taħt l-Avviż ta’ Klemenza.

(7)

Fit-24 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kontra d-destinatarji tad-Deċiżjoni bl-għan li jidħlu f’diskussjonijiet dwar ir-riżolviment magħhom. Il-laqgħat tar-riżolviment mal-partijiet seħħew u l-partijiet sussegwentement issottomettew lill-Kummissjoni t-talba formali tagħhom biex tinstab soluzzjoni, skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (4), għall-iskop biss li jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni f’dan il-proċediment, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedimenti oħra (is-“sottomissjonijiet ta’ riżolviment”).

(8)

Fit-23 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet u ż-żewġ partijiet ikkonfermaw li kienet tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom u li għalhekk huma baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura tar-riżolviment. Il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fis-17 ta’ Ottubru 2014 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fil-21 ta’ Ottubru 2014.

2.2.   Destinatarji u Durata

(9)

L-erba’ destinatarji tad-Deċiżjoni pparteċipaw f’kartell, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Fethim ŻEE, matul il-perjodu mis-6 ta’ Marzu 2008 sat-13 ta’ Lulju 2009:

2.3.   Sommarju tal-Ksur

(10)

Il-partijiet għall-ksur involvew irwieħhom fl-imġiba antikompetittiva li ġejja: fil-perjodu mis-6 ta’ Marzu 2008 sat-13 ta’ Lulju 2009, kummerċjant tal-JPMorgan iddiskuta f’ċerti okkażjonijiet ma’ kummerċjant tal-RBS partikolarment is-sottomissjonijiet li kienu ġejjin ta’ CHF LIBOR tal-RBS ta’ tliet xhur u sitt xhur bil-fehma li dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-pożizzjoni ta’ negozjar tad-DRIFS ta’ għallinqas wieħed mill-kummerċjanti involuti fil-komunikazzjonijiet. Għal dan l-għan, il-kummerċjant tal-RBS avviċina, jew indika r-rieda li javviċina, lis-sottomettent tas-CHF LIBOR fl-RBS sabiex jitolbu sottomissjoni lill-BBA favur ċerta direzzjoni jew f’xi okkażjonijiet f’livell speċifiku. Dawn id-diskussjonijiet ta’ kummerċjant tal-RBS u kummerċjant tal-JPMorgan kultant ġew akkumpanjati minn skambju ta’ informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet kummerċjali attwali u futuri u l-prezzijiet ippjanati.

(11)

L-ambitu ġeografiku tal-ksur kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE.

2.4.   Rimedji

(12)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi (5). Id-deċiżjoni timponi multi fuq iż-żewġ entitajiet ta’ JPMorgan elenkati fil-punt (5) hawn fuq.

2.4.1.   L-ammont bażiku tal-Multa

(13)

L-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi kkonċernati għandu jiġu stabbilit b’referenza għall-valur tal-bejgħ, il-fatt li l-ksur huwa min-natura tiegħu fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar ta’ ħsara, it-tul ta’ żmien u l-ambitu ġeografiku tal-kartell, il-fatt li l-attivitajiet kollużivi kienu relatati mal-punti referenzjarji finanzjarji u ammont addizzjonali sabiex l-impriżi jiġu dissważi milli jidħlu fi prattiki illegali ta’ dan it-tip.

(14)

Il-Kummissjoni normalment tieћu l-bejgħ li jsir mill-impriżi matul l-aħħar sena finanzjarja sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur (6). Madankollu tista’ tingħata deroga minn din il-prattika, jekk perjodu ta’ referenza ieħor ikun aktar xieraq fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ (7).

(15)

Fir-rigward ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni kkalkulat il-valur tal-bejgħ annwali għal JPMorgan u RBS abbażi tal-flussi ta’ flus li kull bank irċieva, mill-portafoll rispettiv tiegħu ta’ DRIFS referenzjati għas-CHF LIBOR u li saru ma’ kontropartijiet li jinsabu fiż-ŻEE, matul ix-xhur li jikkorrispondu mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, li jiġu sussegwentement annwalizzati. Dawn il-valuri tal-bejgħ ġew skontati b’fattur uniformi biex jittieħed kont tal-partikolaritajiet tal-industrija tad-DRIFS, bħall-innettjar inerenti f’din l-industrija, li jfisser li l-banek kemm ibigħu kif ukoll jixtru derivattivi sabiex il-ħlasijiet ikunu nnettjati kontra pagamenti li ħerġin.

2.4.2.   Aġġustament tal-ammont bażiku: ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

(16)

Il-Kummissjoni ma applikat l-ebda ċirkostanza aggravanti jew mitiganti.

2.4.3.   L-applikazzjoni tal-10 % limitu fuq il-fatturat

(17)

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jistipula li l-multa imposta fuq kull impriża għal kull ksur m’għandhiex tkun iktar minn 10 % tal-fatturat totali tagħha fis-sena kummerċjali preċedenti għad-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(18)

F’dan il-każ, l-ebda mill-multi ma taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża fuq is-sena kummerċjali preċedenti għad-data ta’ din id-Deċiżjoni.

2.4.4.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006

(19)

Il-Kummissjoni kkonċediet immunità sħiħa mill-multi lill-RBS. Il-Kummissjoni tat ukoll tnaqqis ta’ 40 % tal-multa lil JPMorgan għall-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjonijiet.

2.4.5.   Applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment

(20)

B’riżultat tal-applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment, l-ammont tal-multi imposti fuq il-partijiet kollha tnaqqas b’10 % u dan it-tnaqqis ġie miżjud ma’ kwalunkwe gwadann ta’ klemenza.

3.   KONKLUŻJONI

(21)

Il-multi li ġejjin kienu imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

L-impriża

Multi (f’EUR)

RBS

0

JPMorgan

61 676 000


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Wara l-Eżami Wheatley tal-2012, il-Gvern tar-Renju Unit irrakkomanda sett ġdid ta’ istituzzjonijiet li jamministraw u jissorveljaw lil Libor.

(3)  Il-maturitajiet differenti ta’ CHF LIBOR huma riflessi fil-prezzijiet ta’ DRIFS. Il-maturità rispettiva ta’ CHF LIBOR li qed terġa’ taġġusta f’data speċifika tista’ taffettwa l-fluss ta’ flus li bank jirċievi mingħand il-kontroparti għal DRIFS, jew il-fluss ta’ flus li bank jeħtieġ li jħallas lill-kontroparti ta’ DRIFS.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

(5)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.

(6)  Il-punt 13 fil-Linji Gwida dwar il-multi.

(7)  Kawża T-76/06, Plasticos Españoles (ASPLA) vs il-Kummissjoni, li għadha ma ġietx ippubblikata, paragrafi 111-113.


Top