Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0065

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar is-Serbja (2014/2949(RSP))

    ĠU C 316, 30.8.2016, p. 61–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 316/61


    P8_TA(2015)0065

    Rapport ta' Progress 2014 dwar is-Serbja

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar is-Serbja (2014/2949(RSP))

    (2016/C 316/07)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE (1),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013;

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo mad-dritt internazzjonali, u r-Riżoluzzjoni A/RES/64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet favorevolment id-disponibilità tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet mit-tieni laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tas-26 u s-27 ta' Novembru 2014,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013,

    wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar is-Serbja mill-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2014 (SWD(2014)0302),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2013 dwar is-Serbja, tas-16 ta' Jannar 2014 (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj (3),

    wara li kkunsidra l-ħidma ta' David McAllister bħala rapporteur permanenti għas-Serbja fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 iddeċieda li jibda n-negozjati dwar l-adeżjoni mas-Serbja; billi l-ewwel konferenza intergovernattiva (KIG) saret fil-21 ta' Jannar 2014;

    B.

    billi, fir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar is-Serbja, il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress li s-Serbja għamlet lejn l-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li tivvaluta l-isforzi tal-pajjiż biex jikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kondizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

    C.

    billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, għandha tkun iġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha fit-twettiq, fl-implimentazzjoni u fir-rispett tal-istess ġabra ta' kriterji, u billi l-veloċità u l-kwalità tar-riformi neċessarji jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

    D.

    billi l-Unjoni Ewropea poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

    E.

    billi l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-governanza ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

    F.

    billi s-Serbja għamlet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013; billi huma meħtieġa b'urġenza passi ulterjuri bil-għan li jinstab tarf il-kwisjonijiet kollha pendenti bejn iż-żewġ pajjiżi;

    G.

    billi r-relazzjonijiet ta' bon viċinat jikkostitwixxu element fundamentali tas-suċċess tal-integrazzjoni Ewropea ta' kwalunkwe pajjiż u billi l-kwistjonijiet bilaterali għandhom ikunu affrontati fil-proċess ta' adeżjoni skont il-qafas tan-negozjati, fi spirtu kostruttiv u ta' bon viċinat, b'kont meħud tal-interessi u tal-valuri ġenerali tal-Unjoni Ewropea; billi saru passi importanti fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni storika bejn is-Serbja u l-pajjiżi ġirien tagħha;

    H.

    billi l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jeħtieġ li jiġi żgurat bis-sħiħ, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwa, u l-aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni u għas-servizzi reliġjużi fil-lingwi minoritarji;

    I.

    billi l-Presidenza fil-kariga tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tas-Serbja fl-2015 taħbat waqt il-kunflitt li għadu għaddej fil-Lvant tal-Ukraina u fil-mument li fih l-Organizzazzjoni tiċċelebra l-40 anniversarju mill-adozzjoni tal-Att Finali ta' Ħelsinki;

    1.

    Jilqa' favorevolment il-bidu formali tat-taħditiet ta' adeżjoni li seħħ fil-21 ta' Jannar 2014 matul l-ewwel KIG UE-Serbja kif ukoll il-livell għoli ta' tħejjija u involviment fil-proċess ta' eżami analitiku (sreening) tal-acquis tal-UE muri mill-Gvern Serb;

    2.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet parlamentari bikrin li kienu valutati b'mod pożittiv mill-osservaturi internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw bi sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar missjoni tal-OSKE/ODIHR għall-osservazzjoni elettorali u ta' dik preċedenti;

    3.

    Jissottolinja l-progress tat-titjib tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) UE-Serbja u l-importanza ta' dan it-titjib; jisħaq fuq il-fatt li l-FSA joffri l-qafas ġenerali għas-Serbja u għall-UE biex jintensifikaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom;

    4.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn muri mill-Gvern Serb il-ġdid favur il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u jistieden lis-Serbja tittratta b'mod deċiżiv u dirett ir-riformi sistemiċi u soċjoekonomiċi; jissottolinja li l-implimentazzjoni eżawrjenti tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tibqa' indikatur ewlieni ta' proċess ta' integrazzjoni li jirnexxi; jistieden lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda; jissottolinja n-neċessità ta' titjib tal-inklużjoni u tat-trasparenza tal-proċess ta' adeżjoni; jenfasizza li s-Serbja jeħtiġilha tagħmel aktar progress fir-riforma prijoritarja tagħha, l-istat tad-dritt;

    5.

    Jinkoraġġixxi l-fatt li l-ftuħ tal-kapitoli tan-negozjati għandu jqis l-iżviluppi fuq il-livell tekniku, iżda wkoll il-kuntest politiku tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà u Sigurtà) għandhom jiġu affrontati f'fażi bikrija fin-negozjati; jinsisti li l-Kapitolu 35 tal-acquis tal-UE, dwar ir-relazzjonijiet mal-Kosovo, għandu jkun definit b'mod ċar; jissottolinja li l-qafas tan-negozjati joffri parametru biex jiġi stabbilit jekk il-progress f'ambitu ta' kapitolu huwiex qiegħed jaqa' lura b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-progress fin-negozjati b'mod ġenerali, b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tirrakkomanda l-ftuħ jew l-għeluq tard ta' kapitoli oħrajn tan-negozjati;

    6.

    Josserva li r-rapport li ppubblikat dan l-aħħar il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) wasal għall-konklużjoni li l-finanzjamenti mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), flimkien ma' forom oħrajn ta' sostenn, lis-Serbja għenuha timplimenta r-riformi soċjali u ekonomiċi u ttejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tagħha; josserva, madankollu, li r-riforma tas-settur ġudizzjarju baqa' lura b'mod sinifikanti; jistieden lis-Serbja tallinja ruħha mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat; jilqa' pożittivament l-użu ġenerali effikaċi tal-assistenza finanzjarja u mhux finanzjarja tal-UE, kif osservat il-QEA, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jibnu prattiki ta' governanza tajba u jieħdu ħsieb il-punti ta' dgħufija li għad fadal fil-disinn, fl-implimentazzjoni u fis-sostenibilità tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-assistenza tagħha favur is-Serbja fi ħdan il-qafas tal-IPA b'mod effikaċi u trasparenti;

    7.

    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-maġġor parti tal-liġijiet jiġu adottati bil-proċedura ta' urġenza, li mhux dejjem qiegħda tippermetti biżżejjed konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali;

    8.

    Josserva li l-għargħar ta' Mejju 2014 fis-Serbja laqat lill-popolazzjoni b'mod gravi u ħalla effett negattiv fuq l-ekonomija; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE, kif ukoll l-Istati Membri individwali, fornew sforzi immedjati u sostanzjali ta' salvataġġ u sokkors, fuq talba tas-Serbja, billi organizzaw konferenza tad-donaturi li saret f'Lulju 2014; jenfasizza li l-Kummissjoni stiednet lis-Serbja tissieħeb fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u japprezza l-fatt li fis-16 ta' Ottubru 2014 is-Serbja esprimiet l-interess tagħha li tissieħeb;

    9.

    Jilqa' pożittivament l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet li ntlaħaq fid-djalogu ta' livell għoli bejn il-Prim Ministri tas-Serbja u tal-Kosovo fid-19 ta' April 2013; japprezza l-impenn min-naħa tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo u jinkoraġġixxi enerġikament lill-awtoritajiet Serbi jiżvolġu rwol kostruttiv f'dan il-proċess, kif anke fl-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat, li jista' jaqdi l-interessi kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo; josserva li r-ritmu tan-negozjati globali naqas, minħabba, fost ħwejjeġ oħra, l-elezzjonijiet bikrija kemm fis-Serbja kif ukoll fil-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon il-formazzjoni ta' gvern ġdid fil-Kosovo li jirrappreżenta pass importanti għall-issuktar tad-djalogu ta' livell għoli tad-9 ta' Frar 2015 li wassal għall-ftehim dwar is-sistema ġudizzjarja ta' Mitrovica u jilqa' pożittivament ukoll, f'dan ir-rigward, ir-rwol kostruttiv tal-Gvern Serb immirat biex jinkoraġġixxi lir-rappreżentanti eletti tal-minoranza Serba jipparteċipaw u jassumu r-responsabilitajiet tagħhom fi ħdan il-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid ta' Pristina; jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo javvanzaw fl-implimentazzjoni totali tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, f'bona fide u puntwalment, u lill-UE twettaq evalwazzjoni tar-riżultati tal-partijiet huma u jottemperaw għall-obbligi; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi u Kosovari jkomplu fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jappella għal sforzi kontinwi miż-żewġ naħat bil-għan li jitqarrbu aktar il-komunitajiet etniċi tal-Albaniżi u tas-Serbi; jissottolinja li l-qafas tan-negozjati jirrikjedi li l-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo fl-ambitu tal-Kapitolu 35 jimxi 'l quddiem b'mod parallel ma' progress fin-negozjati globali; jenfasizza li l-Kapitolu 35 għandu jinfetaħ f'fażi bikrija tan-negozjati; iqis li n-normalizzazzjoni totali tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo tista' tiffaċilita l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE;

    10.

    Jistieden lill-awtoritajiet Serbi u Kosovari jintensifikaw il-kooperazzjoni bil-għan li jrażżnu u jżarmaw in-netwerks kriminali li qegħdin jikkontrollaw, jisfruttaw u jittraffikaw il-migranti irregolari mill-Kosovo lejn ċerti Stati Membri tal-UE bi tranżitu mis-Serbja;

    11.

    Jistieden lis-Serbja tagħmel sforzi aktar enerġiċi biex tallinja l-politika barranija u ta' sigurtà tagħha ma' dik tal-UE, inkluża l-politika dwar ir-Russja; jiddispjaċih li s-Serbja ma allinjatx ruħha, meta kienet mistiedna, mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li introduċew miżuri restrittivi kontra r-Russja, iżda jżomm quddiem għajnejh ir-rabtiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tradizzjonalment b'saħħithom li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi; jemmen li s-Serbja tista' tiżvolġi rwol kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jilqa' favorevolment il-parteċipazzjoni attiva tas-Serbja fl-operazzjonijiet internazzjonali ta' żamma tal-paċi; josserva li s-Serbja ospitat bl-unuri ċerti personalitajiet suġġetti għall-projbizzjoni ta' viża tal-UE u torganizza taħriġ militari mal-armata Russa;

    12.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-Presidenza fil-kariga tal-OSKE tas-Serbja fl-2015 u l-prijoritajiet tagħha; josserva li s-Serbja, inkwantu assumiet il-Presidenza fil-kariga tal-OSKE, hija lesta tappoġġa l-mezzi kollha għat-tqawwija tal-isforzi biex il-kunflitti eżistenti fiż-żona tal-OSKE jiġu solvuti b'mod paċifiku; jinkoraġġixxi lis-Serbja tisfrutta din il-Presidenza biex tagħti kontribut għall-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina, billi taġixxi ta' medjatur; jirrikonoxxi barra minn hekk l-fatt li s-Serbja hija disposta tippromwovi ulterjorment il-kooperazzjoni reġjonali; jistieden lis-Serbja, inkwantu l-President fil-kariga attwali tal-OSKE, tgħin biex l-OSKE terġa' ssir pjattaforma komprensiva li fiha jiġu affrontati l-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-Ewropa;

    13.

    Jinkoraġġixxi lis-Serbja tikkoopera ulterjorment mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), issaħħaħ l-proċessi għad-delitti tal-gwerra f'livell nazzjonali u tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali biex ittemm l-impunità u ssir ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra u mal-familjari tagħhom; jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi adottata leġiżlazzjoni komprensiva u politika għall-protezzjoni tax-xhieda biex lill-vittmi u lill-familjari tagħhom jiġihom rikonoxxut id-dritt għar-riżarċiment; itenni s-sostenn tiegħu għall-inizjattiva REKOM;

    14.

    Jistieden lis-Serbja teżamina, fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat, il-Liġi tagħha dwar l-Organizzazzjoni u l-Kompetenzi tal-Awtoritajiet tal-Istat fl-ambitu tal-Proċedimenti għad-Delitti tal-Gwerra, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tagħha u mal-Kummissjoni;

    15.

    Jistieden lis-Serbja tintensifika l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi ġirien u ssaħħaħ l-isforzi tagħha fit-tfittxija tal-persuni neqsin u tikkondividi totalment id-data kollha rilevanti; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jiftħu l-arkivji tal-Armata Popolari Jugoslava bil-għan li tiġi stabbilita l-verità tal-ġrajjiet traġiċi tal-imgħoddi u tinkiseb l-informazzjoni; iħeġġeġ barra minn hekk lill-awtoritajiet jiftħu u jaġevolaw l-aċċess trasparenti għal dawn l-arkivji li jirrigwardaw l-ex repubbliki tal-Jugoslavja u għad-dokumenti tal-ex aġenzija tal-intelligence (UDBA), anki billi jagħmluhom għad-dispożizzjoni tal-gvernijiet rispettivi;

    16.

    Jilqa' favorevolment l-iffirmar, taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Persuni Neqsin (ICMP), tad-Dikjarazzjoni dwar ir-rwol tal-Istat fit-trattament tal-kwistjoni tal-persuni neqsin bħala konsegwenza tal-kunflitt armat u tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja n-neċessità li jissaħħew l-isforzi intiżi li jsibu u jidentifikaw il-persuni neqsin u jillokalizzaw il-fosos komuni tal-gwerer fil-Kroazja, fil-Bosnja-Ħerzegovina u fil-Kosovo kif ukoll li jiġi garantit id-dritt tal-familjari tal-vittmi li jkunu jafu x'kien id-destin tal-familjari neqsin tagħhom;

    17.

    Japprezza l-approċċ kostruttiv tal-Gvern Serb rigward ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, peress li dan ippermetta li jsiru progress sostanzjali kemm fil-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll f'relazzjonijiet eqreb mal-UE; jinkoraġġixxi lis-Serbja taħdem saħansitra aktar mill-qrib mal-pajjiż ġirien u tagħti bidu għal aktar azzjonijiet favur il-kooperazzjoni transkonfinali, bil-għan li jitjieb, fost ħwejjeġ oħra, l-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera u tal-inħawi popolati mill-minoranzi; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' politiki ta' skambju u kuntatt bejn iż-żgħażagħ fil-qafas tar-rikonċiljazzjoni; japprezza, b'mod ġenerali, ir-rispett min-naħa tas-Serbja tal-obbligi internazzjonali tagħha u l-fatt li żviluppat ulterjorment relazzjonijiet bilaterali mal-ġirien tagħha; itenni l-importanza kruċjali tar-rikonċiljazzjoni; jinkoraġġixxi lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ il-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien u taffronta l-kwistjonijiet bilaterali miftuħa tagħha b'approċċ pragmatiku; jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa bejn il-Prim Ministri tas-Serbja u tal-Albanija fl-10 ta' Novembru 2014 f'Belgrad; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssostni b'mod attiv il-progress tal-Bosnja-Ħerzegovina lejn l-integrazzjoni Ewropea, u tikkontribwixxi b'mod kostruttiv għal dan il-għan; japprezza wkoll il-fatt li s-Serbja kompliet tipparteċipa b'mod attiv fl-inizjattivi reġjonali, pereżempju l-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP);

    18.

    Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Parlament Serb kif ukoll dak tas-soċjetà ċivili fil-proċess tan-negozjati ta' adeżjoni; jilqa' favorevolment l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament, fl-4 ta' Ġunju 2014, tad-deċiżjoni li tirregola l-proċedura ta' eżami tal-proposti għal pożizzjoni ta' negozjar matul in-negozjati ta' adeżjoni; jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' linji gwida għall-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' adozzjoni tar-regolamenti fis-26 ta' Awwissu 2014 u jappella għal aktar involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' integrazzjoni; jistieden lill-Gvern jastjeni mir-retorika anti-UE u jmexxi djalogi u konsultazzjonijiet pubbliċi regolari mal-partijiet interessati kollha biex jiggarantixxi t-trasparenza sħiħa tan-negozjati u jforni l-informazzjoni kollha għal dibattitu kostruttiv relatat mal-funzjonament tal-UE u mal-adeżjoni magħha u jiffaċilita l-parteċipazzjoni wiesgħa tagħhom f'dan il-proċess;

    19.

    Ifaħħar ix-xogħol tal-korpi regolatorji indipendenti u l-kontributi tagħhom għat-titjib tal-qafas ġuridiku u tar-responsabilità tal-istituzzjonijiet statali; jissottolinja li l-istituzzjonijiet statali jridu jaġixxu b'mod trasparenti u responsabbli; isostni l-ħidma tal-awtoritajiet statali indipendenti bħall-Ombudsman, il-Kummissarju responsabbli mill-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u oħrajn; jistieden lill-awtoritajiet statali jħarsu l-indipendenza ta' dawn l-uffiċċji u jikkooperaw totalment magħhom fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom; iqis li l-awtoritajiet għandhom ifornuhom bir-riżorsi finanzjarji u amministrattivi kollha neċessarji għall-attività tagħhom; jenfasizza li jeħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom jingħataw segwitu xieraq u li l-indipendenza tagħhom tkun rispettata bis-sħiħ;

    20.

    Jikkundanna d-denunzja pubblika infondata tal-Ombudsman min-naħa tal-ministri tal-gvern; jissottolinja li r-rwol tal-Ombudsman huwa fil-qalba tas-sistema ta' kontroll u bilanċ tas-setgħat li fuqha jissejjes il-gvern u jistieden lill-awtoritajiet jassiguraw iż-żamma tal-indipendenza u tal-integrità tal-Ombudsman; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu lill-Ombudsman sostenn sħiħ, mil-lat politiku u amministrartiv, għat-twettiq ta' xogħlu u għas-salvagwardja tad-dritt tiegħu li jitlob l-aċċess għal dokumenti uffiċjali f'konformità mal-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika;

    21.

    Jissottolinja l-fatt li s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-ILO kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea riveduta; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions għadhom limitati minkejja l-garanziji kostituzzjonali, u jistieden lis-Serbja tkompli ssaħħaħ dawn id-drittijiet; josserva li l-proċeduri addizzjonali li jirregolaw it-trade unions u d-dritt tal-istrajk huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza; josserva li jeżistu biss ftit ftehimiet kollettivi settorjali, filwaqt li bosta oħrajn skadew u jeħtieġu jiġu mġedda; huwa mħasseb li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha irregolari; jitlob l-adozzjoni ta' aktar miżuri intiżi li jsaħħu d-djalogu soċjali u r-rwol konsultattiv ta' dawn il-partijiet fl-attività leġiżlattiva;

    22.

    Itenni l-importanza tal-promozzjoni, tal-ħarsien u tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-livelli kollha tas-soċjetà Serba, mingħajr ebda diskriminazzjoni ta' kwalunkwe forma u skont l-istandards Ewropej u internazzjonali; josserva li fit-2 ta' Ottubru 2014 ġie adottat pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra d-diskriminazzjoni li fih intalab ir-rispett tan-nisa, tal-persuni b'diżabilità, tal-persuni LGBT u tal-minoranzi kollha, sew nazzjonali, etniċi jew sesswali, u l-garanzija ta' drittijiethom; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jagħmlu aktar sforzi biex jiggarantixxu rappreżentanza ndaqs tan-nisa fil-ħajja politika u pubblika; josserva li l-kapaċità amministrattiva fil-qasam tal-ugwaljanza tal-ġeneru għadha fjakka, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jżidu l-isforzi tagħhom għal dan l-għan; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni min-naħa tal-Gvern Serb li jawtorizza l-organizzazzjoni tal-Pride Parade, li saret f'Belgrad fit-28 ta' Settembru 2014 mingħajr inċidenti rilevanti, u jfaħħar lill-Gvern tas-sostenn li ta kif ukoll lill-pulizija għall-faċilitazzjoni tal-imsemmija parata;

    23.

    Ifaħħar il-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tat-Tfal, u jinkoraġġixxi lil din l-entità tisfrutta bis-sħiħ il-mandat tagħha sabiex taċċerta ruħha li l-prijoritajiet tad-drittijiet tat-tfal ikunu riflessi b'mod sħiħ fil-pjanijiet ta' azzjoni li l-Gvern Serb qiegħed jiżviluppa bħala parti tal-proċess ta' adeżjoni;

    24.

    Josserva li ttieħdu miżuri fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar ir-riforma ġudizzjarja għall-perjodu 2013-2018; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' regoli għall-evalwazzjoni tal-ħidma tal-imħallfin u tal-prosekuturi; jenfasizza l-importanza vitali ta' ġudikatura indipendenti, u jenfasizza l-bżonn tat-tlestija tar-riforma tal-ġudikatura biex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità sħaħ tal-imħallfin u tal-prosekuturi; jistieden lill-awtoritajiet ma jdewmux l-adozzjoni tal-abbozz ta' liġi dwar l-assistenza legali biex b'hekk iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli ma jkunux esklużi mill-aċċess għal servizzi ta' assistenza legali bla ħlas; jenfasizza l-importanza ta' soluzzjoni għall-kwistjoni ta' każijiet ta' abbuż tal-uffiċċju u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riklassifikazzjoni massiva ta' dawn il-każijiet; jenfasizza li jeħtieġ li jsiru riformi kostituzzjonali biex jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura;

    25.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-impetu politiku qawwi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u fl-implimentazzjoni ulterjuri tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO); japprezza l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament Serb fil-25 ta' Novembru 2014 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li qegħdin jitwettqu diversi investigazzjonijiet f'każijiet ta' livell għoli u li saru sforzi biex jitjieb il-koordinament; jissottolinja li jeħtieġ li jsiru sforzi sinifikanti biex isaħħu u japplikaw bis-sħiħ il-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u li r-riformi jkunu sostnuti b'riżorsi xierqa; jenfasizza li l-każijiet ta' kxif irregolari ta' informazzjoni lill-mezzi ta' komunikazzjoni dwar investigazzjonijiet li għaddejjin, bi ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza, huma kwistjoni li tagħti lok għal tħassib serju, u li għandhom jiġu investigati, ipproċessati u eliminati b'konformità mal-liġi; jikkundanna wkoll il-pressjoni eżerċitata mill-mezzi ta' komunikazzjoni jew mill-partiti politiċi fuq l-entitajiet indipendenti responsabbli mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u f'dan ir-rigward iqis li s-setgħat u r-riżorsi tal-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni għandhom jiġu intensifikati; josserva li tali prattiki jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-progress tan-negozjati ta' adeżjoni b'mod konsiderevoli; jappella għal aktar azzjoni biex jitħarsu l-indipendenza u l-integrità tas-sistema ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja;

    26.

    Josserva li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tas-Serbja; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b'mod aktar effikaċi;

    27.

    Josserva bi tħassib in-nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, u, għaldaqstant, ir-riskji għoljin ta' korruzzjoni; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi jeħtieġ ikun trasparenti u f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali;

    28.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika u l-Mezzi ta' Komunikazzjoni, il-Liġi dwar il-Mezzi Elettroniċi ta' Komunikazzjoni u l-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku tax-Xandir, u jitlob li dawn il-liġijiet jiġu implimentati minnufih; jissottolinja li, waqt l-implimentazzjoni tal-pakkett il-ġdid dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni, għandha tiġi garantita wkoll is-sostenibilità tax-xandir pubbliku bil-lingwi minoritarji, kif anke s-sostenibilità u l-istabilità finanzjarja tas-servizzi pubbliċi u tal-mezzi ta' komunikazzjoni reġjonali u lokali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju sħiħ tal-libertà tal-espressjoni fis-Serbja, u jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-pressjoni eżerċitata fuq il-ġurnalisti u t-theddid kontrihom, fatt li jwassal għal żieda fl-awtoċensura, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jintervjenu biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; josserva bi tħassib li l-pressjoni politika timmina l-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni; itenni l-importanza tal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni bħala waħda mill-valuri fundamentali tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jinħolqu ambjent favorevoli għall-mezzi ta' komunikazzjoni li jsostni l-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

    29.

    Jistieden lill-Gvern Serb jimplimenta l-Liġi dwar ir-Riabilitazzjoni b'mod sħiħ u nondiskriminatorju; jissuġġerixxi wkoll li jagħmel aktar emendi għal-Liġi dwar ir-Restituzzjoni bil-għan li jitneħħa kull ostaklu proċedurali u kull impediment ġuridiku fir-rigward tar-restituzzjoni in natura;

    30.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-elezzjonijiet tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali tas-26 ta' Ottubru 2014; jissottolinja l-importanza tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali fir-rwol tagħhom ta' applikazzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali; jistieden lis-Serbja tiggarantixxi li l-livell tad-drittijiet u tal-kompetenzi akkwiżiti jinżamm fil-fażi ta' allinjament ġuridiku mad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tas-Serbja, kif ukoll il-finanzjament adegwat u aċċertabbli tagħhom; jistieden lis-Serbja tiggarantixxi implimentazzjoni konsistenti fil-pajjiż kollu tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-minoranzi anke fir-rigward tal-edukazzjoni, tal-użu tal-lingwi u tal-aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni u tas-servizzi reliġjużi bil-lingwi minoritarji, u tar-rappreżentanza adegwata tal-minoranzi nazzjonali fl-amministrazzjoni pubblika, fl-entitajiet lokali u reġjonali kif ukoll fil-parlament nazzjonali; jinkoraġġixxi l-impenn min-naħa tas-Serbja f'dak li huwa abbozzar ta' pjan ta' azzjoni speċifiku dwar il-pożizzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Kapitolu 23; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jieħdu aktar miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Rom, partikolarment fir-rigward tal-edukazzjoni, l-alloġġi u l-impjiegi; iħeġġeġ lill-Gvern jagħmel lill-popolazzjoni Rom iktar konxja mid-drittijiet ċivili tagħha u joffri protezzjoni ndaqs għas-sikurezza tar-Rom; jenfasizza l-importanza li r-Rom jiġu inkoraġġiti jieħdu sehem fil-ħajja pubblika; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jtejbu l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet immirati lejn l-inklużjoni tar-Rom fil-livell nazzjonali u lokali;

    31.

    Jissottolinja l-importanza tar-restituzzjoni tal-proprjetà konfiskata tal-knejjes minoritarji u tal-komunitajiet reliġjużi taħt ir-reġim Komunista; jenfasizza r-rwol tal-Istat fil-ħolqien ta' politika imparzjali fil-konfront tal-knejjes storiċi fil-pajjiż, inklużi dawk li jagħmlu parti minn minoranzi; jenfasizza li l-libertà tar-reliġjon ma tistax tiġi garantita fl-assenza ta' tali restituzzjoni;

    32.

    Josserva li l-varjetà kulturali tal-Vojvodina tikkontribwixxi wkoll għall-identità tas-Serbja u li l-ħarsien u s-sostenn tal-minoranzi tagħha u ż-żamma u l-promozzjoni tad-diversità tan-nazzjonalitajiet, li matul is-sekli ħadmet sew, huma għaldaqstant ta' interess fundamentali; jitlob li jinżammu l-multilingwiżmu u l-varjetà kulturali; jenfasizza, għalhekk, li l-awtonomija tal-Vojvodina ma għandhiex tiddgħajjef, u jfakkar lill-Gvern biex jippreżenta l-liġi dwar il-kompetenzi u l-finanzjament tal-Provinċja Awtonoma tal-Vojvodina mingħajr aktar dewmien;

    33.

    Għal dak li għandu x'jaqsam mal-importanza tar-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) għal aktar żvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ġirien tagħhom, jistieden lill-Gvern Serb joffri l-kuntest ġuridiku meħtieġ biex jippermetti l-parteċipazzjoni tas-Serbja fir-REKT;

    34.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-istrateġija l-ġdida tar-riforma tal-amministazzjoni pubblika, il-ħolqien ta' Ministeru ddedikat lill-Amministrazzjoni Pubblika u lill-Awtonomiji Lokali, u t-tqawwija tal-attenzjoni fuq l-ippjanar u l-koordinament tal-politiki wara l-istabbiliment tas-Segretarjat għall-Politiki Pubbliċi, bħala passi pożittivi lejn amministrazzjoni pubblika aktar effiċjenti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-reklutaġġ tal-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika u fil-kapaċità amministrattiva u ta' ġestjoni fil-livell lokali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw proċess trasparenti u meritokratiku għall-ħatra u l-promozzjoni tal-impjegati taċ-ċivil u tal-uffiċjali pubbliċi;

    35.

    Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jwettqu riformi ekonomiċi strutturali bil-għan li jsostnu t-tkabbir, itejbu l-kundizzjonijiet tan-negozju u tal-investimenti fis-Serbja kollha, u jiżguraw żvilupp soċjoekonomiku bbilanċjat fir-reġjuni kollha, jikkumbattu l-livell għoli ta' qgħad u ta' faqar, iwettqu l-konsolidament fiskali, u jiġġieldu l-korruzzjoni, li għadha tirrappreżenta theddida ewlenija għall-kundizzjonijiet tan-negozju; josserva bi tħassib iċ-ċifri għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-gvern jieħu ħsieb din il-problema billi joffri opportunitajiet adegwati liż-żgħażagħ u edukazzjoni skont l-esiġenzi tas-suq tax-xogħol; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi garantita sistema edukattiva aċċessibbli b'opportunitajiet ta' xogħol u ta' taħriġ għaż-żgħażagħ u aċċess għall-programmi ta' studju Ewropej bħall-Erasmus; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol, il-liġi dwar il-fallimenti, il-liġi dwar il-privatizzazzjonijiet u l-liġi dwar l-ippjanar u l-kostruzzjoni, li jirrappreżentaw il-qafas leġiżlattiv kemm għar-riformi strutturali kif ukoll għat-titjib tal-kundizzjonijiet tan-negozju;

    36.

    Jistieden li jkun hemm titjib tal-kuntest tan-negozju permezz tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali previsti f'dan il-qasam, it-tisħiħ tas-sistema ġuridika u l-garanzija tal-attwazzjoni uniformi tal-liġijiet; jinsisti fuq il-bżonn urġenti ta' abolizzjoni tal-ostakli amministrattivi għan-negozju, b'mod partikolari fir-rigward tal-impriżi żgħar u medji; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tar-ristrutturar neċessarju tal-kumpaniji pubbliċi filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema u r-rilevanza tal-impjiegi fis-settur pubbliku għaċ-ċittadini Serbi u l-benesseri tagħhom, kif ukoll id-dipendenza tagħhom mis-servizzi pubbliċi essenzjali;

    37.

    Jieħu nota tal-ħidma dwar l-emenda tal-Kodiċi Kriminali; josserva, madankollu, li l-inċertezza ġuridika għadha tippersisti fis-settur privat wara l-emendi adottati; itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 234 il-ġdid dwar l-abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli, li xorta jħalli lok għal interpretazzjoni arbitrarja; josserva li l-maġġor parti tal-każijiet preċedenti ta' abbuż tal-uffiċċju jidher li ġiet riklassifikata b'mod massiv mingħajr rieżami adegwat taħt l-intestatura ta' “abbuż ta' pożizzjoni responsabbli”; jappella, għaldaqstant, għal rieżami indipendenti u bir-reqqa tal-każijiet riklassifikati ħalli jkunu jistgħu jiġu interrotti minnufih il-proċedimenti ġudizzjarji inġusti li ilhom żmien għaddejjin;

    38.

    Jifraħ lis-Serbja għall-organizzazzjoni tas-summit Ċina/Ewropa Ċentrali u tal-Lvant f'Belgrad; jilqa' favorevolment il-pjanijiet intiżi li jsaħħu l-kooperazzjoni u jawspika li dan ikun konformi mal-istandards Ewropej; josserva l-ftehimiet inizjali relatati mal-proġetti dwar l-enerġija u l-infrastrutturi maqbula waqt is-summit; ifakkar lis-Serbja u lill-pajjiżi l-oħra tar-reġjun li l-proġetti għandhom iqisu l-objettivi fit-tul tal-politiki tal-UE;

    39.

    Josserva li l-preparamenti fil-qasam tal-enerġija rreġistraw progress moderat; jisħaq fuq il-fatt li s-Serbja teħtieġ tintensifika l-isforzi tagħha biex tallinja ruħha mal-acquis fil-qasam tal-enerġija, partikolarment fl-ambitu tal-ilħuq tal-objettivi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli u biex tevita l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-linjite, u biex tilħaq is-separazzjoni (unbundling) fis-settur tal-gass u r-ristrutturar tal-kumpanija pubblika tal-gass bħala prijorità; jistieden lill-Kummissjoni sostni lill-Gvern Serb fl-isforzi tiegħu intiżi li jnaqqsu d-dipendenza tal-pajjiż mill-importazzjonijiet tal-enerġija billi tiżdied id-diversità tas-sorsi enerġetiċi; jinkoraġġixxi lis-Serbja tagħti bidu għal reviżjoni tal-istrateġija enerġetika proposta tagħha; jistieden lill-gvern isaħħaħ l-isforzi tiegħu fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, inkwantu dan huwa pass neċessarju lejn l-ilħuq tas-sigurtà enerġetika u tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 rigward l-enerġiji rinnovabbli;

    40.

    Jiddispjaċih li l-progress reġistrat kien ftit wisq fl-oqsma tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jadottaw malajr politika u strateġija nazzjonali u komprensivi fil-qasam tal-klima li jikkonformaw mal-objettivi tal-UE;

    41.

    Huwa mħasseb bil-fatt li l-istituzzjonijiet akkademiċi, flimkien mal-awtoritajiet statali u mal-uffiċjali pubbliċi, naqsu milli jieħdu ħsieb l-akkużi ta' plaġju fl-universitajiet;

    42.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.


    (1)  ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2014)0039.

    (3)  Testi adottati, P8_TA(2014)0065.


    Top