EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE0625

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-nisa fix-xjenza” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 12, 15.1.2015, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-nisa fix-xjenza”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/02)

Relatur:

is-Sinjura Vareikytė

Nhar it-22 ta' Jannar 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

In-nisa fix-xjenza

Opinjoni fuq inizjattiva proprja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'169 vot favur, vot 1 (wieħed) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-futur tal-Unjoni Ewropea jiddependi mir-riċerka u l-innovazzjoni u l-Ewropa għandha bżonn miljun riċerkatur ieħor sal-2020 biex tibqa' kompetittiva fid-dinja. Ir-riċerka tista' toħloq ukoll 3,7 miljun impjieg u żżid il-PDG annwali tal-UE b'EUR 795 biljun sal-2025 jekk, sal-2020, ikun intlaħaq l-għan ta' investiment ta' 3 % tal-PDG tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp (1).

1.2

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel huma impenn tal-UE fl-oqsma ta' politika kollha tagħha, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni. Id-data disponibbli fil-livell Ewropew juru disparità qawwija bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur Ewropew tar-riċerka (2).

1.3

Il-bilanċ bejn il-ġeneri huwa essenzjali għal sistema tar-riċerka li topera tajjeb. L-Istati Membri u l-UE għandhom jużaw il-kapital uman kollu għad-dispożizzjoni tagħhom biex jilħqu l-għanijiet ta' politika tagħhom għar-riċerka.

Lill-Kummissjoni Ewropea:

1.4

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li jkun fiha linji gwida komuni dwar it-tibdil istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.5

Din ir-rakkomandazzjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħrajn għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karriera tar-riċerkaturi nisa, jindirizzaw l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u jsaħħu d-dimensjoni tal-ġeneri fil-programmi tar-riċerka.

1.6

Il-Kumitat jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u timplimenta programmi ta' sensibilizzazzjoni bl-għan li jitħajru aktar tfajliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u aktar nisa fir-riċerka.

1.7

Għandu jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn id-direttorati rilevanti tal-Kummissjoni (DĠ Edukazzjoni u Kultura u DĠ Riċerka u Innovazzjoni)

1.8

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li jsir ġbir u tixrid ta' data disaggregati skont il-ġeneru marbutin mar-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Eurostat.

Lill-Istati Membri:

1.9

L-Istati Membri għandhom jimmiraw li jtejbu l-oqfsa legali u ta' politika tagħhom għall-ugwaljanza tal-ġeneri fir-riċerka, abbażi tar-rakkomandazzjonijet stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar Żona Ewropea tar-Riċerka u fil-programm Orizzont 2020.

1.10

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp tilħaq it-3 % tal-PDG, il-livell stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020.

1.11

L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu l-Fondi Strutturali Ewropej u l-iskemi ta' finanzjar oħrajn disponibbli għal inizjattivi ta' tibdil istituzzjonali, b'konformità mal-Komunikazzjoni dwar Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.12

L-evalwazzjoni, l-akkreditament u l-iffinanzjar tal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka għandhom ikunu marbutin mal-prestazzjoni tagħhom dwar l-ugwaljanza tal-ġeneri.

1.13

L-Istati Membri, flimkien mal-istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi/nazzjonali u l-imsieħba soċjali, għandhom jistħarrġu metodi kif jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jiżviluppaw u jimplimentaw politiki favur il-familji, kemm għar-riċerkaturi nisa kif ukoll dawk irġiel.

1.14

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jsaħħu d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, in-negozji u l-imsieħba soċjali relatati.

Lill-partijiet interessati tar-riċerka:

1.15

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet biex jassiguraw il-bilanċ tal-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet, l-għażla u dipartimenti rilevanti oħrajn.

1.16

L-isforzi għall-ugwaljanza tal-ġeneri għandhom jiddaħħlu fil-proċessi ta' ppjanar tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet u d-dipartimenti rispettivi tagħhom.

1.17

Il-Kumitat jappella għal aktar djalogu mal-pubblikaturi u l-edituri ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi sabiex jitneħħa l-preġudizzju fir-rappreżentanza tal-ġeneri u jiżdiedu l-kontributi minn xjentisti nisa f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi, editorjali, analiżijiet u artikoli dwar stħarriġ.

2.   Ħarsa ġenerali lejn il-qagħda attwali  (3)

2.1

Fl-2005, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa il-mira li n-nisa jkunu jokkupaw 25 % fil-pożizzjonijiet ewlenin tar-riċerka fis-settur pubbliku. Madankollu, id-disparità bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija persistenti: fl-2010, in-nisa kienu jirrappreżentaw biss 15,5 % tal-kapijiet ta' istituzzjonijiet u 10 % tar-retturi fis-settur tal-edukazzjoni għolja.

2.2

Għadha tippersisti wkoll is-segregazzjoni orizzontali f'għadd ta' setturi ekonomiċi u oqsma tax-xjenza differenti. Il-proporzjon ta' nisa fost ir-riċerkaturi fis-setturi tal-edukazzjoni għolja u tal-gvern huwa ogħla minn dak fis-settur tal-intrapriża. Madwar l-UE, il-proporzjon ta' nisa fost il-professuri (grad A) huwa l-ogħla fl-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali (28,4 % u 19,4 % rispettivament), u l-aktar baxx fl-inġinerija u t-teknoloġija (7,9 %).

2.3

Il-karrieri akkademiċi tan-nisa għadhom ukoll karatterizzati minn segregazzjoni vertikali notevoli. Fl-2010, il-proporzjon ta' studenti (55 %) u gradwati (59 %) nisa kien ogħla minn dak tal-irġiel, iżda kien hemm iktar irġiel fost l-istudenti u l-gradwati b'PhD (il-proporzjon ta' studenti nisa kien 49 % u dak tal-gradwati b'PhD nisa 46 %). Barra dan, in-nisa kienu jirrappreżentaw 44 % fil-grad C tal-persunal akkademiku, 37 % fil-grad B u 20 % biss fil-grad A. In-nuqqas ta' rappreżentanza ta' nisa huwa ħafna aktar qawwi fix-xjenza u l-inġinerija, fejn jikkostitwixxu 33 % biss tal-persunal akkademiku fil-grad C, 23 % fil-grad B u 11 % biss fil-grad A (4).

2.4

Element ewlieni biex tintlaħaq ugwaljanza bejn il-ġeneri jibqa' li persuna jrid ikollha bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. M'hemmx sempliċiment “saqaf tal-ħġeiġ” imma anke “ħajt matern” li jxekkel il-karriera ta' riċerkaturi nisa, peress li n-nisa għadhom jwettqu l-parti l-kbira tal-kura u x-xogħol fid-dar.

2.5

Ostakli u tfixkil ieħor kritiku għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-avvanz tan-nisa fis-sistema xjentifika Ewropea jinkludu: nuqqas ta' demokrazija u trasparenza fil-proċessi ta' reklutaġġ u ta' promozzjoni, preġudizzju abbażi tal-ġeneru fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, nuqqas ta' trasparenza fil-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet u sterjotipi persistenti tat-tfajliet/nisa u x-xjenza. L-istituzzjonijiet Ewropej tar-riċerka għad għandhom bżonn jimmodernizzaw sostanzjalment biex jipprovdu l-kundizzjonijiet strutturali għal opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel.

3.   Il-benefiċċji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni

3.1

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma xpruni ewlenin għat-tkabbir ekonomiku Ewropew u l-Ewropa għandha bżonn miljun riċerkatur ieħor sal-2020 biex tibqa' kompetittiva fid-dinja. Ir-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex biss prerekwiżiti biex l-UE ssir soċjetà bbażata fuq l-għarfien, iżda dawn jistgħu joħolqu wkoll 3,7 miljun impjieg u jżidu l-PDG annwali tal-UE b'EUR 795 biljun sal-2025 jekk, sal-2020, ikun intlaħaq l-għan ta' investiment ta' 3 % tal-PDG tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp (5).

3.2

Il-bilanċ bejn il-ġeneri huwa essenzjali għal sistema tar-riċerka li topera tajjeb. L-Istati Membri u l-UE b'mod globali għandhom jużaw il-kapital uman kollu għad-dispożizzjoni tagħhom, f'termini ta' talent u riżorsi, biex jilħqu l-għanijiet tal-politika tagħhom għar-riċerka. L-isfruttar tal-potenzjal kollu tal-ħiliet, l-għarfien u l-kwalifiki tan-nisa se jikkontribwixxi għal iktar tkabbir, żieda fl-impjiegi u l-kompetittività Ewropea, ilkoll xpruni ewlenin għal ekonomija prospera.

3.3

Sabiex ir-riċerka ta' kwalità għolja tkun rilevanti għas-soċjetà, għandhom jitqiesu numru ta' soluzzjonijiet differenti. Dan jiġi assigurat bl-aħjar mod meta l-komunitajiet ta' riċerka jkunu diversifikati, u meta jkunu kapaċi jikkooperaw bejn u fi ħdan dixxiplini differenti. Ir-riċerka u l-edukazzjoni huma parti integrali għat-tfassil tal-politika u l-amministrazzjoni pubblika, u jikkontribwixxu għal dibattitu pubbliku iktar kritiku, diversifikat u miftuħ (6).

3.4

Barra minn hekk, jekk ikunu impjegati aktar nisa fis-settur tar-riċerka jiżdiedu r-riżorsi tal-għarfien, titjieb il-kwalità tal-produzzjoni tal-għarfien, u s-settur isir aktar sod u kompettitiv. Studji jissuġġerixxu li l-gruppi ta' riċerka mħallta huma aktar robusti u innovattivi mill-gruppi omoġenji (7), u li d-diversità tal-għarfien u tal-kapital soċjali fil-gruppi hija importanti biex jinħolqu ideat ġodda (8). Barra minn hekk, l-innovazzjonijiet abbażi tal-ġeneru fix-xjenza, il-mediċina, l-inġinerija u l-ambjent jagħmlu użu mill-analiżi relatata mas-sessi u l-ġeneri bħala riżorsa li tħeġġeġ ideat, servizzi u teknoloġiji ġodda (9).

3.5

Tqabbil tal-indiċijiet tal-ġeneri tal-Istati Membri jagħti wieħed x'jifhem li l-pajjiżi b'riżultati ogħla fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Gender Equality Index – GEI) għandhom tendenza li jonfqu perċentwal akbar tal-PDG tagħhom għar-riċerka u l-iżvilupp, u dawn jiksbu wkoll riżultati aħjar fl-innovazzjoni.

3.6

L-integrazzjoni tal-analiżi tal-ġeneri fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni tassigura li r-riċerka, kif ukoll l-innovazzjonijiet tal-lum, ikunu jieħdu kunsiderazzjoni adegwata tal-ħtiġiet, l-imġiba u l-attitudnijiet tan-nisa, kif ukoll dawk tal-irġiel. L-istudji juru li l-integrazzjoni tal-analiżi tas-sessi u l-ġeneri żżid ir-rilevanza u l-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan iġib valur miżjud għas-soċjetà u għan-negozju għax ir-riċerka ssir sensittiva għal bażi ta' utenti wiesgħa u varjata, u jinħolqu proċessi ta' innovazzjoni aktar inklużivi, kif muri mill-proġett 'Gendered Innovation' (10).

4.   Azzjonijiet ta' politika Ewropea

4.1

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li jkun fiha linji gwida komuni dwar it-tibdil istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar Żona Ewropea tar-Riċerka. Din ir-rakkomandazzjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħrajn għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karriera tar-riċerkaturi nisa, jindirizzaw l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u jsaħħu d-dimensjoni tal-ġeneri fil-programmi tar-riċerka. Din għandha tinkludi wkoll lista komprensiva tal-aktar eżempji effiċjenti fil-pajjiżi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

4.2

Il-Kumitat jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u timplimenta programmi ta' sensibilizzazzjoni bl-għan li jħajru aktar tfajliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u aktar nisa fir-riċerka, kif ukoll programmi speċjali ta' gwida u assistenza fil-karrieri. Għandu jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn id-direttorati rilevanti tal-Kummissjoni (DĠ Edukazzjoni u Kultura u DĠ Riċerka u Innovazzjoni) Bis-saħħa ta' kooperazzjoni ta' din it-tip jistgħu jsiru sforzi konġunti li jiżguraw riżultati aħjar f'termini ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, riċerka u edukazzjoni b'mod ġenerali.

4.3

Il-Kummissjoni għandha tiżgura bilanċ bejn il-ġeneri fl-iskemi ta' mobilità tal-UE fl-edukazzjoni u fir-riċerka.

4.4

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll il-ġbir u t-tixrid ta' data disaggregati skont il-ġeneru rigward ir-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Eurostat, biex jassiguraw indikaturi aktar affidabbli u komparabbli, ġbir ta' data u proċessi ta' monitoraġġ b'inqas xkiel, biex b'hekk jgħinu fl-iżvilupp tal-istrateġija għal wara l-2015 għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

5.   Azzjoni nazzjonali u istituzzjonali

5.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw il-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni mad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE fir-rigward taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-programm Orizzont 2020.

5.2

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp tilħaq it-3 % tal-PDG, il-livell stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020. Bħalissa, il-medja tan-nefqa tal-UE-28 għar-riċerka u l-innovazzjoni tilħaq it-2,07 % (11), u dan ixekkel it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi, u ma jħallix l-istituzzjonijiet tar-riċerka jużaw il-ġabra sħiħa ta' talenti.

5.3

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' sensibilizzazzjoni mfassla apposta biex iħajru aktar tfajliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u aktar nisa fir-riċerka, minbarra li jibdew billi jippromovu dawn is-suġġetti fl-iskejjel.

5.4

Il-KESE jemmen li waħda mill-aktar miżuri effettivi biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u fir-riċerka tinvolvi l-offerta ta' inċentivi finanzjarji lil istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u r-riċerka li juru progress determinanti biex jassiguraw bilanċ bejn il-ġeneri. L-Istati Membri għandhom jorbtu l-evalwazzjoni, l-akkreditament u l-iffinanzjar tal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka mal-prestazzjoni tagħhom dwar l-ugwaljanza tal-ġeneri.

5.5

Sabiex jipprovdu bażi soda għat-tibdil strutturali li tant huwa meħtieġ fl-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka fl-Ewropa, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom għandhom jiżviluppaw metodoloġija għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza fl-azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

5.6

L-Istati Membri, flimkien mal-istituzzjonijiet edukattivi u ta' riċerka u l-imsieħba soċjali rispettivi tagħhom, għandhom jistħarrġu mezzi biex jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jiżviluppaw u jimplimentaw politiki favur il-familja kemm għar-riċerkaturi irġiel kif ukoll dawk nisa, bħall-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, telexogħol, xogħol part-time eċċ.

5.7

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tar-riċerka biex jassiguraw rappreżentanza bilanċjata tal-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet, tal-għażla u korpi rilevanti oħrajn.

5.8

L-isforzi għall-ugwaljanza tal-ġeneri għandhom jiddaħħlu fil-proċessi ta' ppjanar tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet u d-dipartimenti rispettivi tagħhom. Għandhom jiġu żviluppati pjani ta' azzjoni fuq kull livell b'rapporti annwali dwar ċifri, miżuri u riżultati fil-mira. Id-dipartimenti għandhom jieħdu sehem attiv fil-proċess u jingħataw responsabbiltà billi jiddeċiedu huma stess l-għanijiet u l-miżuri tagħhom. In-nisa għandhom jipparteċipaw ukoll f'dan l-ippjanar biex jiżguraw li r-riċerkaturi nisa u l-oqsma ta' interess tagħhom ma jintesewx.

5.9

Ix-xjenza u l-innovazzjoni huma l-iktar ta' benefiċċju għan-negozji. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jsaħħu d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, in-negozji u l-imsieħba soċjali relatati. Djalogu bħal dan jista' jiżgura iktar riċerka marbuta man-negozju u jgħin lill-istituzzjonijiet ta' riċerka jiddiversifikaw il-baġits tagħhom.

5.10

Il-Kumitat jappella għal aktar djalogu mal-pubblikaturi u l-edituri ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi sabiex jitneħħa l-preġudizzju fir-rappreżentanza tal-ġeneri u jiżdiedu l-kontributi minn xjentisti nisa f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi, editorjali, analiżijiet u artikoli dwar stħarriġ.

5.11

Id-djalogu għandu jkun żgurat ukoll fost ix-xjenzati ta' ġenerazzjonijiet differenti – b'hekk dan issaħħaħ il-kooperazzjoni fir-riċerka u jipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim informali għar-riċerkaturi żgħażagħ.

5.12

It-tmexxija għandha influwenza kbira fuq l-attività ta' riċerka u taqdi rwol essenzjali fl-iżvilupp ta' kwalità. In-nisa kif ukoll l-irġiel għandhom ikunu inklużi fit-taħriġ biex jilħqu pożizzjonijiet ta' livell għoli. Dawk fit-tmexxija għandhom jingħataw taħriġ dwar temi marbutin mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka, li hija qasam separat ta' kompetenza.

5.13

Il-Kumitat jaqbel mas-sistemi ta' premju internazzjonali jew nazzjonali, bħalma huma l-programm UNESCO-L'Oréal “For Women in Science” (12), “Athena Swan” (13) u inizjattivi oħrajn, peress li dawn mhux biss jinkoraġġixxu lin-nisa jinvolvu ruħhom f'attivitajiet xjentifiċi u jħajru lill-istituzzjonijiet jimplimentaw tibdil strutturali, iżda jsiru wkoll għodda ta' komunikazzjoni effettiva għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

6.   Eżempji ta' politika tal-persunal u miżuri ta' organizzazzjoni

6.1

Waħda mill-miżuri użati għall-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri kienet l-azzjoni pożittiva moderata, kif provdut mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-limiti stabbiliti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din l-azzjoni tippermetti li jingħataw prijorità dawk l-applikanti tal-ġeneru b'inqas minn 40 % tal-impjegati fl-istess kategorija ta' impjieg, f'każ li l-għadd ta' applikanti jkollhom l-istess kwalifiki.

6.2

L-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet għandhom żewġ metodi kif jistgħu jegħlbu l-preġudizzju abbażi tal-ġeneru fir-reklutaġġ tal-persuni. L-ewwel wieħed huwa li jiġu stabbiliti linji gwida sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri ta' ħatra jkunu sorveljati mill-bord tal-fakultà, l-ombudsman għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jew minn korp ieħor responsabbli. It-tieni approċċ huwa li l-fakultajiet jintalbu jirrapportaw dwar ir-reklutaġġ sabiex tkun tista' tinġabar statisitika abbażi tal-ġeneru, dwar min japplika għal impjieg, dawk li jidhru fil-lista prijoritarja u dawk li jiġu impjegati. Huwa importanti li tiġi miġġielda l-informalità fil-prattiki tal-ħatra, għaliex din għandha t-tendenza li taħdem favur l-irġiel. Dan jinkludi “stediniet informali” biex wieħed japplika għall-pożizzjonijiet, u r-reklamar għall-impjieg b'mod li jkun iktar adattat għall-kwalifiki u l-esperjenza tal-irġiel.

6.3

Jistgħu jitwaqqfu programmi mfassla apposta u ċentri għall-indukrar tat-tfal. Dan jista' jintuża fir-reklamar għall-impjiegi biex jattiraw l-applikanti. L-offerta ta' żieda fakultattiva għal perjodu ta' fellowship wara l-liv tal-ġenituri hija wkoll effettiva biex tattira applikanti miż-żewġ sessi.

6.4

Għadd ta' pajjiżi Ewropej stabbilixxew bażijiet tad-data separati ta' xjentisti u esperti nisa. Dawn huma partikolarment utli meta jkun hemm bżonn xjenzat partikolari jew xjenzat b'ħiliet speċifiċi għal tim ta' riċerka jew korp istituzzjonali fejn in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed.

6.5

Id-dimensjoni tal-ġeneri fil-baġits għandha tiġi promossa sabiex tiżgura valutazzjoni tal-baġits u tqassim tar-riżorsi b'attenzjoni għall-ġeneri. Dan jimplika l-introduzzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju, u b'hekk ikun possibbli li tiġi monitorjata l-ugwaljanza u li jsiru interventi meqjusa u mmirati.

6.6

Jistgħu jiġu stabbiliti fondi nazzjonali u/jew istituzzjonali speċjali sabiex jingħata appoġġ lil riċerkaturi nisa f'oqsma fejn il-proporzjon tan-nisa huwa baxx. Barra dan, l-istituzzjonijiet u/jew dipartimenti li jinsabu f'ħidma attiva biex jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li juru riżultati tajbin jistgħu jiġu premjati permezz ta' diversi programmi ta' inċentivi.

6.7

Il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija u l-kumitati jista' jittejjeb jekk id-dipartimenti jiġu inkoraġġuti jistiednu xjentisti nisa minn pajjiżi terzi bħala professuri mistiedna u bħala membri ta' kumitat.

6.8

L-impjegaturi għandhom joqogħdu lura milli jitolbu livell għoli ta' speċjalizzazzjoni meta joħorġu l-avviżi dwar fellowships ta' riċerka u ta' post-dottorat fir-riċerka, biex b'hekk iħajru aktar applikanti u jevitaw milli jkollhom lista qasira ta' kandidati kmieni wisq.

6.9

Il-kumitati ta' ħatra kollha għandu jkollhom membri nisa u jkollhom bilanċ tal-ġeneri. Dan jista' jgħin fl-applikazzjonijiet u l-aċċettazzjoni ta' applikanti nisa.

6.10

Is-sensibilizzazzjoni dwar id-dimensjoni tal-ġeneri u l-għarfien dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom ikunu inklużi fil-programmi ta' taħriġ tal-maniġment. Il-kwalifiki fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri jistgħu jservu ta' kriterju fil-mili ta' postijiet maniġerjali u jistgħu jkunu parti minn evalwazzjoni tal-maniġment (14).

6.11

Huwa essenzjali li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi monitorjata permezz ta' indikaturi adatti fir-rigward tar-riżorsi umani u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji. Il-ġbir ta' data għal dan l-iskop għandu għaldaqstant jiżgura li jkun konformi mad-diżaggregazzjoni skont il-ġeneru.

6.12

Il-gruppi ta' riċerka għandhom effett ta' stimolu fuq l-ambjent ta' riċerka. Studji urew li l-gruppi li fihom persuni minn oqsma tal-ħajja differenti għandhom aktar probabbiltà li jilħqu perspettiva usa' tar-riċerka. L-istudji juru wkoll li l-ħolqien ta' gruppi ta' riċerka mħallta jġib miegħu kundizzjonijiet aħjar għall-kreattività u l-innovazzjoni, u jżid il-frekwenza ta' pubblikazzjonijiet (15).

6.13

Il-pakketti ta' tnedija (li jikkonsistu f'fondi biex jitmexxew proġetti, jinxtara tagħmir u jitħallsu s-salarji għall-assistenti tar-riċerka) jistgħu jagħmluha eħfef għan-nies li jkunu għadhom kif inħatru biex jistabilixxu ruħhom bħala riċerkaturi. L-esperjenza turi li n-nisa ma jinnegozjawx tajjeb daqs l-irġiel fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-riċerka. Il-pakketti ta' tnedija jippruvaw jindirizzaw dan, u għandhom jiġu kkunsidrati.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  P. Zagamé, L. Soete, “The cost of a non-innovative Europe”, 2010.

(2)  Ħarsa ġenerali lejn il-qagħda attwali tinsab fit-tieni parti tad-dokument.

(3)  Sors tad-data ta' statistika fit-tieni parti: “She Figures 2012: Gender in Research and Innovation”, Kummissjoni Ewropea, 2013.

(4)  Il-gradi A, B u C jirrappreżentaw il-livell tal-pożizzjoni fl-istituzzjoni – livell għoli, medju u baxx rispettivament.

(5)  P. Zagamé, L. Soete, “The cost of a non-innovative Europe”, 2010.

(6)  Women in science, Norway, 2010.

(7)  Campbell LG, Mehtani S, Dozier ME, Rinehart J, “Gender-Heterogeneous Working Groups Produce Higher Quality Science”, 2013.

(8)  http://www.genderinscience.org.uk/consensus.report.html

(9)  Rapport mill-Grupp ta' Esperti dwar “L-innovazzjoni permezz tal-ġeneri”, Kummissjoni Ewropea, 2013.

(10)  Rappport mill-Grupp ta' Esperti dwar l-“Innnovazzjoni permezz tal-ġeneru”, il-Kummissjoni Ewropea, 2013.

(11)  EUROSTAT, 2012.

(12)  http://www.loreal.com/Foundation/Article.aspx?topcode=Foundation_AccessibleScience_WomenExcellence

(13)  http://www.athenaswan.org.uk

(14)  IDAS – programm nazzjonali ta' żvilupp tal-maniġment li għandu l-għan li jżid l-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet akkademiċi ogħla fl-universitajiet u fil-kulleġġi universitarji Żvediżi.

(15)  “The Scientist”, 7 ta' Novembru 2005 u “Science”, Vol. 309, 2005.


Top