Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014BP1121(02)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Ottubru 2014 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

    ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2014/1121(2)/oj

    21.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 334/95


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-23 ta' Ottubru 2014

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)570 — C7-0275/2013) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom (4), ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-3 ta' April 2014 (5) li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2012, kif ukoll ir-riżoluzzjoni ta' ma' dik id-deċiżjoni,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7), u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (8),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0010/2014),

    A.

    billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti għalkollox u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

    B.

    billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabilità demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li huma benefiċjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea,

    C.

    billi l-Parlament huwa l-uniku korp elett direttament fost l-istituzzjonijiet Ewropej u għandu r-responsabilità li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni;

    1.

    Jenfasizza r-rwol tal-Parlament speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-kwittanza baġitarja;

    2.

    Jindika li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, “l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom”, u li, b'konsegwenza, waqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-Regolament Finanzjarju), l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

    3.

    Jenfasizza r-rwol tal-Parlament u ta ' istituzzjonijiet oħra fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza hekk kif irregolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-Artikoli 164 u 166 tiegħu;

    4.

    Jinnota li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, “id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza […] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Kunsill (f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet tiegħu bħala eżekuttiv)”;

    Opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill fid-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha għas-sena finanzjarja 2012

    5.

    Jenfasizza l-fatt li fir-rapport annwali li jikkonċerna s-sena finanzjarja 2012, il-Qorti tal-Awdituri inkludiet osservazzjonijiet dwar il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill rigward żbalji fit-tfassil tal-proċeduri ta' akkwist; josserva li żball wieħed jirrelata mal-prestazzjoni ta' proċedura nnegozjata u li ieħor jirrelata mal-applikazzjoni ta' kriterju ta' għażla;

    6.

    Jieħu nota tat-tweġiba tal-Kunsill li,“Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew għandhom qafas solidu u ċentralizzat ta' akkwist li reċentement ġie adattat għar-Regolament Finanzjarju l-ġdid u r-regoli ta' applikazzjoni, u li ser jissaħħaħ bid-disinn ta' mudelli ġodda ta' kuntratti u stediniet għal offerti kif ukoll l-iżvilupp ta' korsijiet speċifiċi ta' taħriġ dwar kif jiġu definiti u applikati l-kriterji ta' selezzjoni u ta' aġġudikazzjoni”;

    7.

    Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-uffiċjali awtorizzanti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandhom itejbu t-tfassil, il-koordinazzjoni u l-prestazzjoni tal-proċeduri ta' akkwist permezz ta' kontrolli xierqa u gwida aħjar;

    8.

    Jieħu nota li l-Kunsill ma jipprovdi ebda tweġiba ulterjuri għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri;

    Kwistjonijiet pendenti

    9.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jinforma lill-Parlament dwar il-progress tal-kostruzzjoni u l-projezzjoni tal-ispejjeż finali tal-bini “Ewropa”;

    10.

    Jistieden lill-Kunsill jispjega l-miżuri kollha implimentati matul il-kostruzzjoni tal-bini “Ewropa” sabiex titjieb l-eżekuzzjoni tal-proġett;

    11.

    Ifakkar lill-Kunsill bit-talba tal-Parlament għal rapport ta' progress dwar il-proġett ta' bini “Résidence Palace” u analiżi dettaljata tal-ispejjeż li tħallsu sal-lum;

    12.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub u dettaljata dwar l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet użati fix-xiri tal-bini “Résidence Palace”, il-partiti baġitarji li minnhom ittieħdu dawn l-approprjazzjonijiet, il-pagamenti parzjali li tħallsu s'issa, il-pagamenti parzjali li għad iridu jitħallsu u l-iskop li se jaqdi l-bini;

    13.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva tiegħu, b'mod partikolari dwar il-miżuri konkreti ta' implimentazzjoni ta' dak il-proċess u l-impatt antiċipat fuq il-baġit tal-Kunsill;

    14.

    Jiddispjaċih bid-diffikultajiet li tfaċċaw ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum, li seħħew minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jinnota li l-Parlament ċaħad l-għoti tal-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010 u 2011 għar-raġunijiet stipulati fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011 (9), tal-25 ta' Ottubru 2011 (10), tal-10 ta' Mejju 2012 (11), tat-23 ta' Ottubru 2012 (12), tas-17 ta' April 2013 (13) u tad-9 ta' Ottubru 2013 (14), u ppospona d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2012 għar-raġunijiet stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014;

    15.

    Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-Parlament u l-Kunsill, kif stipulat fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014; jikkonferma li l-Parlament mhuwiex fil-qagħda li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

    16.

    Ifakkar li bħala riżultat tad-deċiżjoni ta' kwittanza tiegħu adottata fis-17 ta' April 2013, il-Parlament bagħat il-mistoqsijiet tal-Kunsill lill-Kummissjoni, u li l-Kummissjoni wieġbet b'ittra tat-23 ta' Jannar 2014; ifakkar lill-Kunsill bl-opinjoni tal-Kummissjoni, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

    17.

    Jinnota li fl-ittra imsemmija hawn fuq il-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

    18.

    Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qed jonqos milli jipprovdi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Parlament; ifakkar fil-konklużjonijiet tas-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament tas-27 ta' Settembru 2012 dwar id-Dritt tal-Parlament li jagħti kwittanza lill-Kunsill, li fiha l-biċċa l-kbira tal-esperti legali u akkademiċi qablu dwar id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni; f 'dan ir-rigward jirreferi għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15 tat-TFUE li jistipula li kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandha tiżgura li l-proċeduri tagħha jkunu trasparenti;

    19.

    Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill għandha tgħaddi minn skrutinju bħal dik ta ' istituzzjonijiet oħra u li l-elementi fundamentali ta' skrutinju bħal dan huma stipulati fir-riżoluzzjonijiet ta ' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew, b'mod par tikolari ir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tat-23 ta' Ottubru 2012;

    20.

    Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 TFUE, bi qbil mal-interpretazzjoni u l-prattika attwali, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont lill-kontribwenti tal-Unjoni;

    21.

    Hu tal-fehma li n-nuqqas li jitressqu d-dokumenti rikjesti lill-Parlament fuq kollox idgħajfu d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-informazzjoni u t-trasparenza u qed isir raġuni ta' tħassib, li jirrifletti ċertu defiċit demokratiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill għalhekk biex ma jqisx it-talbiet tal-Parlament għall-aċċess għal informazzjoni bħala tentattiv ta' supremazija istituzzjonali iżda li jagħti prijorità lid-dritt tal-pubbliku li jkun totalment infurmat;

    22.

    Jemmen li huwa meħtieġ li jitqiesu possibilitajiet differenti biex jiġu aġġornati r-regoli dwar l-għoti ta' kwittanza kif stipulati fit-TFUE;

    23.

    Iħoss li l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jiksbu xi progress billi joħolqu flimkien proċedura ta' “modus vivendi” b'lista ta' dokumenti li għandhom jiġu skambjati sabiex ir-rwoli rispettivi tagħhom jiġu sodisfatti fil-proċess ta' kwittanza; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill ifittex soluzzjoni politika għall-kwittanza tal-Kunsill minkejja l-fehmiet legali differenti li l-Parlament u l-Kunsill qed ikomplu jħaddnu;

    24.

    Iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill bħala riżultat ta' djalogu jew proċedura miftuħa tista' tkun sinjal pożittiv li jista' jingħata liċ-ċittadini tal-Unjoni.


    (1)  ĠU L 56, 29.2.2012.

    (2)  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.

    (3)  ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.

    (4)  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.

    (5)  ĠU L 266, 5.9.2014, p. 24.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

    (8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    (9)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.

    (10)  ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.

    (11)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 23.

    (12)  ĠU L 350, 20.12.2012, p. 71.

    (13)  ĠU L 308, 16.11.2013, p. 22.

    (14)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 97.


    Top