EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE4468

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-Dinja għal għanijiet kummerċjali” COM(2014) 344 final – 2014/0176 (COD)

ĠU C 12, 15.1.2015, p. 60–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-Dinja għal għanijiet kummerċjali”

COM(2014) 344 final – 2014/0176 (COD)

(2015/C 012/09)

Relatur:

is-Sur McDonogh

Nhar is-17 ta' Lulju 2014 u nhar it-18 ta' Lulju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-Dinja għal għanijiet kummerċjali

COM(2014) 344 – 2014/0176 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'151 vot favur, vot 1 (wieħed) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-suġġett tad-Direttiva proposta huwa ta' importanza kruċjali għall-Unjoni Ewropea. Il-futur tal-affarijiet dinjija u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej se jiddependu sostanzjalment mill-kontroll u l-isfruttar tad-dejta dwar id-dinja li ngħixu fiha. Illum il-ġurnata din id-dejta qed tiġi ġġenerata u kkontrollata fil-biċċa l-kbira mill-Istati Uniti u minn pajjiżi oħra barra mill-UE. Huwa essenzjali li l-Ewropa tagħti spinta lill-programm spazjali tagħha u lill-produzzjoni u t-tixrid ta' dejta ta' osservazzjoni tad-dinja sabiex l-UE ma tibqax lura iżda tieħu pożizzjoni mexxejja f'din l-industrija ta' importanza enormi.

1.2

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta' qafas regolatorju ċar li jiffaċilita l-iżvilupp tal-industrija spazjali fl-Ewropa u l-esplojtazzjoni tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja għat-tkabbir sostenibbli u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, nilqgħu bi pjaċir il-Komunikazzjoni dwar id-direttiva proposta dwar it-tixrid ta' dejta satelittari ta' osservazzjoni tad-dinja għal skopijiet kummerċjali.

1.3

Il-Kumitat jilqa' b'sodifazzjon ukoll din il-proposta fil-kuntest usa' tal-Politika Ewropea dwar l-Ispazju, li hija importanti ħafna għall-prosperità u s-sigurtà futuri tal-UE u biex tintlaħaq il-viżjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv imħaddna fl-istrateġija Ewropa 2020 (1).

1.4

Barra minn hekk, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li d-Direttiva hija meħtieġa biex tistabbilixxi qafas legali trasparenti, ġust u konsistenti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u l-iżvilupp tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi tal-ispazju, speċjalment biex jinħoloq qafas komuni għad-distribuzzjoni ta' dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD).

1.5

Il-Kumitat huwa sodisfatt bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, li għandhom l-għan li joħolqu standard tal-Unjoni Ewropea għall-proliferazzjoni kummerċjali ta' HRSD.

1.6

Madankollu, il-KESE jemmen li l-iżvilupp ta' industrija spazjali kummerċjali fl-Ewropa seħħ bil-mod wisq u li aktar impjiegi u prosperità ibbażati fuq it-teknoloġija spazjali u d-dejta setgħu nħolqu aktar kmieni. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef l-iżvilupp ta' politiki u qafas legali dwar l-ispazju sabiex tippromovi s-sigurtà, is-sikurezza, is-sostenibbiltà u l-iżvilupp ekonomiku tas-settur spazjali u biex tiżgura funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi spazjali.

1.7

Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-politika għandha tappoġġja aħjar l-SMEs fit-28 Stat Membru tal-Unjoni li qed jippruvaw jikkompetu u jikbru fis-suq tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja. B'mod partikolari, il-Kumitat jixtieq jara politiki mmirati biex ineħħu l-ostakli mhux ġustifikati fis-suq intern relatati mal-iskala finanzjarja minima u li jolqtu ħażin lill-SMEs b'mod partikolari.

1.8

Il-KESE jixtieq jara proposti għal politika ta' akkwist spazjali Ewropea biex tappoġġa l-iżvilupp ta' settur spazjali kummerċjali, li hija dipendenti ħafna fuq l-akkwist istituzzjonali.

1.9

Il-Kumitat jixtieq jara wkoll politiki li jippromwovu l-edukazzjoni ta' aktar inġiniera, professjonisti tal-ICT u gradwati fil-kummerċ, speċjalment fis-swieq li qed jikbru b'rata mgħaġġla għal fornituri tad-dejta, rivendituri tad-dejta, fornituri tas-servizzi li jżidu l-valur u fornituri tas-servizzi ġeoinformattivi.

1.10

Il-Kumitat jirrikonoxxi li s-sigurtà hija ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li, minkejja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta, politika tas-sigurtà komuni Ewropea aktar komprensiva tista', fost oħrajn, tgħin tindirizza l-kontroll strett iżżejjed tad-dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) minn għadd żgħir ta' Stati Membri.

1.11

Il-KESE jitlob lill-Kunsill jaħdem f'armonija għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' politika spazjali Ewropea favur il-paċi, is-sigurtà u tkabbir ekonomiku ibbażati fuq approċċ miftuħ u kollaborattiv għall-iżvilupp u l-esplojtazzjoni tat-teknoloġija spazjali u d-dejta li tiġġenera.

1.12

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar il-politika spazjali (2).

2.   Direttiva proposta

2.1

Id-Direttiva proposta tindirizza t-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-dinja fi ħdan l-Unjoni għal skopijiet kummerċjali. B'mod partikolari din titratta d-definizzjoni u l-kontroll ta' HRSD, bħala kategorija distinta ta' dejta li teħtieġ reġim regolatorju differenzjat meta tiġi mxerrda għal skopijiet kummerċjali.

2.2

L-HRSD tintuża fil-forniment ta' prodotti u servizzi ġeospazjali, li għaliha hemm suq li qed jikber. L-HRSD saret indispensabbli għall-monitoraġġ tal-ambjent, l-ippjanar urban, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, kif ukoll il-ġestjoni ta' diżastri u emerġenza.

2.3

Iżda l-HRSD hija importanti wkoll għas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri u għalhekk il-produzzjoni u t-tixrid tal-HRSD mill-operaturi kummerċjali huma soġġetti għar-regolazzjoni mill-Istati fejn l-operaturi jkunu rreġistrati. Għalhekk, illum ma hemm l-ebda approċċ komuni fil-livell regolatorju nazzjonali għat-trattament tal-HRSD u għas-servizzi u l-prodotti li joħorġu minn din id-dejta. Dan iwassal għal qafas regolatorju fframmentat madwar l-Ewropa, ikkaratterizzat minn nuqqas ta' koerenza, trasparenza u prevedibbiltà, li għalhekk iżomm is-suq milli jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu.

2.4

Id-Direttiva proposta għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għal prodotti u servizzi ta' HRSD billi toħloq qafas legali koerenti għat-tixrid ta' HRSD u livell ta' informazzjoni tajjeb u suffiċjenti dwar l-aċċessibbiltà ta' HRSD għal skopijiet kummerċjali, kif ukoll li tiffaċilita l-kompetizzjoni fil-livell ta' fornitur tad-dejta billi toħloq qafas legali trasparenti, prevedibbli u ġust madwar l-Istati Membri u billi tiżgura ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dejta madwar l-UE.

2.5

L-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta hija maħsuba biex tħalli impatti ekonomiċi pożittivi minħabba livelli ogħla ta' trasparenza, ċertezza legali u prevedibilità kummerċjali dwar it-tixrid tad-dejta spazjali. Huma previsti effetti pożittivi għat-twaqqif u t-tkabbir tan-negozji, għall-bejgħ tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja, u għall-kompetittività internazzjonali. Minbarra ż-żieda diretta tal-impjiegi fin-negozji ta' rivenditur/servizzi ta' valur miżjud, x'aktarx li jkun hemm żieda addizzjonali fl-impjiegi f'livelli oħra tal-katina (jiġifieri negozji tal-utenti ta' HRSD, manifatturi tas-satelliti u operaturi), bħala riżultat ta' servizzi ta' kwalità ogħla u prezzijiet aktar kompetittivi. Huwa mistenni wkoll aktar tkabbir indirett fl-impjiegi, minħabba li l-ħolqien ta' impjieg wieħed fl-industrija spazjali jwassal għal sa ħames impjiegi ġodda f'setturi oħra.

2.6

Il-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva proposta huma:

a)

definizzjoni ċara ta' HRSD ibbażata fuq il-parametri tekniċi essenzjali għall-produzzjoni ta' dejta bħal din;

b)

speċifikazzjoni tal-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Istati Membri meta jiskrinjaw u japprovaw ir-rilaxx ta' HRSD għal skopijiet kummerċjali;

c)

ir-reġim ta' rapportar li għandu jiġi segwit mill-Istati Membri sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq sorveljanza suffiċjenti dwar il-funzjonament tad-Direttiva.

2.7

L-Istati Membri se jkollhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2017.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-iżvilupp ta' teknoloġija spazjali, prodotti u servizzi hi ta' importanza kritika għall-futur tal-Ewropa. Kif stqarr fil-passat il-Kumitat: “L-importanza tal-ispazju fit-tisħiħ tal-għarfien, il-prosperità, is-saħħa ekonomika u l-innovattività qatt ma tista' tiġi enfasizzata biżżejjed” (3). Il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jġib miegħu suq b'saħħtu għal applikazzjonijiet spazjali Ewropej ikunu sostanzjali.

3.2

L-Ewropa hija unikament kapaċi tiżviluppa u tippromwovi politika spazjali favur il-paċi, is-sigurtà u t-tkabbir ekonomiku ibbażati fuq approċċ miftuħ u kollaborattiv għall-iżvilupp u l-esplojtazzjoni tat-teknoloġija spazjali u d-dejta li tiġġenera.

3.3

Filwaqt li jirrikonoxxi li s-sigurtà hija ta' importanza kruċjali għall-Unjoni, il-KESE jemmen li, minkejja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta, politika tas-sigurtà komuni Ewropea aktar komprensiva tista', fost oħrajn, tgħin tindirizza l-kontroll strett iżżejjed tad-dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) minn għadd żgħir ta' Stati Membri.

3.4

L-Ewropa għandha bżonn industrija spazjali kummerċjali b'saħħitha fis-setturi kollha tal-katina ta' valur (4) biex tkun tista' żżomm l-aċċess indipendenti tagħha għat-teknoloġija tal-ispazju u għad-dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-dinja, u sabiex tiżviluppa industrija spazjali indipendenti u b'saħħitha.

3.5

L-UE ħadet wisq żmien biex żviluppat il-politiki u l-oqfsa legali li jiżguraw it-tħaddim tajjeb tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi spazjali u biex titrawwem industrija b'saħħitha fil-ħolqien u l-isfruttar tad-dejta spazjali. Fl-Ewropa, l-iżvilupp bil-mod tan-negozju rigward l-applikazzjonijiet downstream marbuta mal-ispazju jfisser li, f'diversi setturi spazjali, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-ġid u l-pożizzjoni fis-suq globali qed jintilfu għall-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u oħrajn.

3.6

L-Ewropa teħtieġ strateġija kummerċjali proattiva biex tiżviluppa t-teknoloġija spazjali, il-prodotti u s-servizzi tagħha f'suq globali li qed jikber b'rata mgħaġġla. Din l-istrateġija jeħtieġ li tkun miftiehma u kkoordinata fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li jitneħħew l-ostakli interni għall-iżvilupp.

3.7

L-istrateġija kummerċjali għandha tinkludi qafas regolatorju koerenti u stabbli, bażi industrijali b'saħħitha b'bażi sostanzjali ta' intrapriżi ta' SMEs, kompetittività u kosteffiċjenza, swieq għall-applikazzjonijiet u s-servizzi, u aċċess indipendenti għat-teknoloġija spazjali, it-teknoloġija spazjali, prodotti u servizzi. Dawn ir-rekwiżiti huma approvati espliċitament fil-Politika Industrijali Spazjali tal-UE (5).

3.8

Sabiex jiġi żgurat li fl-Ewropa jkun hemm industrija spazjali kummerċjali b'saħħitha, l-UE jeħtiġilha trawwem massa kritika ta' intrapriżi Ewropej, minn SMEs għal organizzazzjonijiet globali kbar, li jkunu attivi fl-iżvilupp u l-isfruttar ta' prodotti u servizzi bbażati fuq dejta satellitari.

3.9

Għall-industrija spazjali jinħtieġu wkoll politiki li jippromwovu l-edukazzjoni ta' aktar inġiniera, professjonisti tal-ICT u gradwati fil-kummerċ, speċjalment fis-swieq li qed jikbru b'rata mgħaġġla għal fornituri tad-dejta, rivendituri tad-dejta, fornituri tas-servizzi li jżidu l-valur u fornituri tas-servizzi ġeoinformattivi.

3.10

L-iżvilupp tas-settur spazjali kummerċjali huwa dipendenti ħafna mill-akkwist istituzzjonali. L-industrija tibbenefika minn leġislazzjoni li tistabbilixxi politika ta' akkwist spazjali, issorveljata fil-livell tal-UE.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jirrikonoxxi li s-sigurtà hija ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, il-kontroll strett iżżejjed tad-dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) minn għadd żgħir ta' Stati Membri qed irażżan ferm l-iżvilupp tas-suq kummerċjali Ewropew tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja, u jippermetti lil kompetituri li mhumiex fl-UE biex jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni.

4.2

Hemm nuqqas ta' informazzjoni tajba dwar id-daqs u l-attività tal-industrija fl-Ewropa li hija involuta fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi ta' dejta satellitari. Għandu jsir studju dwar il-partijiet differenti tal-katina ta' valur involuti fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet spazjali downstream. Dejta tajba dwar il-potenzjal għat-tkabbir fl-impjiegi u l-ħolqien tal-ġid fis-setturi varji tkun ta' stimolu għas-suq u tipprovdi aktar appoġġ politiku.

4.3

Is-suq tal-UE għal dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) huwa sottożviluppat meta mqabbel ma' dak tal-Istati Uniti, fejn hemm suq uniku. Il-pożizzjoni b'saħħitha tal-industriji ta' osservazzjoni tad-dinja tal-Istati Uniti hija bbażata fuq sistemi satellitari teknikament avvanzati, qafas regolatorju ċar, u domanda pubblika kbira għal HRSD u servizzi kummerċjali. Barra minn hekk, il-kompetituri tal-Istati Uniti jibbenefikaw mis-sinerġiji effettivi ħafna bejn is-setturi taċ-ċivili u militari/tad-difiża tas-settur f'termini ta' riċerka u żvilupp. Minbarra l-kompetizzjoni ħarxa mill-Istati Uniti, hemm kompetituri serji fl-Indja, iċ-Ċina, il-Kanada, il-Korea u t-Tajwan li jġibu HRSD fis-suq Ewropew permezz ta' rivendituri tad-dejta.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020.

(2)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 88ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38ĠU C 341, 21.11.2013, p. 29; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 72ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 44ĠU C 339, 14.12.2010, p. 14ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24.

(3)  CCMI/115 – CES2861-2013, pt. 3.1.

(4)  Il-katina tal-valur tinkludi l-operaturi tas-satelliti, il-fornituri tad-dejta, rivendituri tad-dejta (bejgħ ta' HRSD minn operaturi satellitari tal-UE u mhux tal-UE u mill-fornituri tad-dejta), fornituri ta' servizzi ta' valur miżjud, fornituri tas-servizzi ġeoinformattivi, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, il-gvernijiet u l-klijenti.

(5)  COM(2013) 108 final.


Top