Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0600

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Intejbu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (2013/2663(RSP))

    ĠU C 468, 15.12.2016, p. 190–194 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 468/190


    P7_TA(2013)0600

    Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Intejbu l-Kapital Naturali tal-Ewropa

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Intejbu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (2013/2663(RSP))

    (2016/C 468/27)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem 'L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa' (COM (2013)0249),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

    wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (COM(2011)0571),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011)0244),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ambjent ta' Ġunju 2011 u dawk tas-17 ta' Diċembru 2012 (il-punt 14),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (3), b'mod partikolari l-paragrafu 50 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-istudju bl-isem “L-Ekonomija tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità (TEEB)” (4),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-2009 bl-isem “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni' (COM(2009)0147) u l-komunikazzjoni tagħha bl-isem 'Strateġija Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2013)0216),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Intejbu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (O-000094/2013 – B7-0525/2013),

    wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020: Lejn Ewropa ta’ reġjuni differenti aktar kompetittiva u sostenibbli,

    wara li kkunsidra l-Objettivi dwar il-Bijodiversità ta’ Aichi tal-“Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020” , adottat mill-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) f’Ottubru 2010,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi d-deklin fil-bijodiversità u fl-istatus tal-ekosistemi tagħna jeħtieġ jiġi indirizzat sabiex tkun żgurata l-provvista kontinwa ta' servizzi tal-ekosistema u l-protezzjoni tal-kapital naturali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri;

    B.

    billi l-infrastuttura ekoloġika tgħin lin-natura biex tipproduċi l-potenzjal sħiħ tas-servizzi tal-ekosistema hi tista’ tgħajjex lis-soċjetà;

    C.

    billi t-telf tal-bijodiversità jeħtieġ ikun indirizzat sabiex jiġi protett il-kapital naturali kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti u kemm dawk tal-futur;

    D.

    billi l-pressjoni antropoġenika thedded il-bijodiversità u l-integrità tal-ekosistemi fl-Unjoni Ewropea, inkluż permezz tal-frammentazzjoni u l-qerda tal-ħabitats naturali, it-tibdil fil-klima u l-użu intensifikat ta’ ħabitats seminaturali;

    E.

    billi l-bijodiversità u l-benessri tas-soċjetà umana għandhom rabta mill-qrib bejniethom;

    F.

    billi sabiex tinżamm u tissaħħaħ il-bijodiversità fl-Unjoni huwa importanti li jitnaqqas il-livell ta' frammentazzjoni u tittejjeb il-konnettività ekoloġika;

    G.

    billi skont l-Objettiv ta’ Bijodiversità ta' Aichi Nru11, sal-2020, tal-inqas 17 % taż-żoni terrestri u tal-ilma intern, u 10 % taż-żoni kostali u tal-baħar, speċjalment żoni ta’ importanza partikolari għall-bijodiversità u s-servizzi pprovduti mill-ekosistemi, huma ppreservati permezz ta’ netwerks ekoloġikament rappreżentattivi u konnessi tajjeb maż-żoni protetti ġestiti b’mod effettiv u ugwali u ta’ miżuri effettivi oħra ta’ konservazzjoni skont iż-żona, u integrati fil-pajsaġġi terresti u marini kollha;

    H.

    billi l-infrastruttura ekoloġika u l-agrikoltura għandhom rabta mill-qrib bejniethom, f’termini ta’ produttività agrikola u l-protezzjoni tal-wirt agrikolu, u minħabba l-impatti tal-ippjanar tal-ġestjoni tat-territorju u tal-użu tal-art tal-attivitajiet agrikoli;

    I.

    billi l-esperjenza turi li l-proġetti tal-infrastruttura ekoloġika joffru opportunità kbira ta’ integrazzjoni tan-natura fis-soċjetà, inklużi l-ambjenti urbani fejn qed tgħix parti dejjem akbar tal-popolazzjoni li qed tesponi ruħha għall-konsegwenzi serji kkawżati mill-“effett tal-gżejjer urbani tas-sħana”;

    J.

    billi l-informazzjoni dwar kif tiġi maħluqa, protetta, imtejba u użata b’mod effiċjenti l-infrastruttura ekoloġika fost il-pajsaġġi għandha tkun kondiviża fost il-partijiet interessati u ppubblikata;

    K.

    billi l-esperjenza turi li l-ippjanar u l-iżvilupp ta' proġetti ta' infrastruttura huma fażijiet ewlenin li matulhom l-integrazzjoni tal-ħtiġijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u tas-soċjetà għandhom ikunu żgurati, kemm fil-pajsaġġi urbani u kemm dawk rurali;

    L.

    billi l-programmi ta' infrastruttura reġjonali u urbani li huma kofinanzjati mill-UE għandhom jintegraw elementi tal-infrastruttura ekoloġika u jnaqqsu l-impatti fuq l-ekosistemi eżistenti, sabiex jissaħħu l-benefiċċji ambjentali soċjali u ekonomiċi ta’ dawn il-programmi u proġetti;

    M.

    billi l-infrastruttura ekoloġika toffri firxa sħiħa ta’ benefiċċji ekoloġiċi, ekonomiċi, u soċjali li jirriżultaw minn soluzzjonijiet naturali, li ġeneralment huma irħas u aktar sostenibbli u jistgħu jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi;

    N.

    billi l-investiment fl-infrastruttura ekoloġika normalment jipproduċi redditu għoli;

    Rimarki ġenerali

    1.

    Jilqa l-komunikazzjoni dwar l-infrastruttura ekoloġika u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfittex twettaq b'mod attiv l-objettivi stabbiliti fiha;

    2.

    Jirrikonoxxi l-importanza ewlenija tal-infrastruttura ekoloġika biex ikunu protetti b’mod effettiv il-kapital naturali tal-Ewropa, il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ispeċi kif ukoll l-istat ekoloġiku tajjeb tal-korpi tal-ilma;

    3.

    Jenfasizza l-kontribut li l-infrastruttura ekoloġika tista’ tagħti lid-diversi objettivi 2020 tal-Unjoni, u jenfasizza l-urġenza tat-twettiq tagħha u l-integrazzjoni tagħha fl-għodda għall-implimentazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, sabiex jingħata kontribut effettiv għall-akkwist tal-miri tal-bijodiversità tal-Unjoni;

    4.

    Jirrikonoxxi li t-twettiq tal-infrastruttura ekoloġika għandha tgħin lill-Unjoni tilħaq l-impenji internazzjonali tagħha taħt l-Objettiv tal-Bijodiversità ta’ Aichi u l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020;

    5.

    Jilqa' l-approċċ innovattiv tal-infrastruttura ekoloġika li joffri kosteffikaċja permezz ta' għadd ta' benefiċċji u soluzzjonijiet li jistgħu jirrikonċiljaw l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

    Integrazzjoni fl-oqsma ta' politika differenti

    6.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jintegra l-infrastruttura ekoloġika fil-politiki settorjali kollha tal-UE u l-arranġamenti finanzjarji korrispondenti, bl-użu tal-aħjar prattiki tal-Istati Membri bħala eżempji;

    7.

    Jirrimarka li l-infrastruttura ekoloġika tista' tiżvolġi rwol importanti fil-bliet, fejn parti dejjem akbar tal-popolazzjoni qed tgħix illum u fejn tista' tagħti servizzi bħal arja nadifa, kontrol tat-temperatura u mitigazzjoni tal-“effett tal-gżejjer urbani tas-sħana” lokali, żoni rikreattivi, protezzjoni mill-għargħar, żamma tal-ilma tax-xita u prevenzjoni tal-għargħar, manutenzjoni tal-livelli tal-ilma ta' taħt l-art, restawr u waqfien mit-telf tal-bijodiversità, moderazzjoni ta’ avvenimenti estremi tal-klima u l-impatti tagħhom, u tisħiħ tas-saħħa taċ-ċittadini, u tal-kwalità tal-ħajja b'mod ġenerali, inkluż billi jkun hemm żoni aċċessibbli u affordabbli għall-attività fiżika; jenfasizza r-rabta bejn l-infrastruttura ekoloġika u s-saħħa pubblika u jikkunsidra li l-investiment fl-infrastruttura ekoloġika huwa wkoll investiment fis-saħħa pubblika.

    8.

    Jenfasizza l-kontribut tal-infrastruttura ekoloġika bħala akkumpanjament vitali tan-netwerk Natura 2000 bit-tisħiħ tal-koerenza u r-reżiljenza tan-netwerk li jservi biex iħares l-ispeċijiet ewlenin u l-ħabitats tan-natura tal-Ewropa, u jgħin biex jinżamm it-twassil tas-servizzi tal-ekosistema stmati li jlaħħqu diversi mijiet ta’ biljuni ta’ Ewro fis-sena; jenfasizza f’dan il-kuntest il-korrelazzjoni bejn l-istrument legali tan-Natura 2000 u l-inizjattiva għall-Infrastruttura Ekoloġika;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw u jagħtu prijorità lill-infrastruttura ekoloġika fl-ippjanar tal-ġestjoni tat-territorju u tal-użu tal-art billi jikkonsultaw u jissensibilizzaw lill-partijiet interessati fil-qasam u l-popolazzjoni lokali b'kampanji ta' edukazzjoni, billi jinvolvuhom fil-livelli ta' teħid ta' deċiżjonijiet (lokali, reġjonali u nazzjonali), u jitlob lill-Kummissjoni tippromovi orjentament u valutazzjoni komparattiva f’dan il-qasam sabiex tiżgura li l-infrastruttura ekoloġika ssir parti integrali tal-ġestjoni tat-territorju u tal-iżvilupp territorjali fl-Unjoni kollha; jirrimarka li proċeduri ta’ permessi għal żviluppi ġodda jew infrastruttura griża għandhom bżonn jiżguraw valutazzjoni sħiħa ta’ kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ekosistemi u l-infrastruttura ekoloġika eżistenti sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu dawn l-impatti u biex jiġu żgurati l-benefiċċji attwali għas-soċjetà fuq terminu twil;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti finanzjarji Ewropej kollha, inkluż dawk fi ħdan il-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni kif ukoll tal-Politika Agrikola Komuni, speċjalment Żoni b'Fokus Ekoloġiku, biex jippromovu l-infrastruttura ekoloġika fejn xieraq sabiex jiżguraw li jkun hemm varjetà wiesgħa ta’ servizzi tal-ekosistema kif ukoll il-protezzjoni tal-proċessi naturali fiż-żoni rurali u urbani; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar l-użu tal-fondi tal-PAK fejn tiġi appoġġjata l-infrastruttura ekoloġika; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol importanti tal-infrastruttura ekoloġika għall-protezzjoni tan-naħal u għalhekk għall-funzjonament tajjeb tad-dakkir;

    11.

    Jenfasizza l-effetti pożittivi tal-infrastruttura ekoloġika fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima minħabba li din għandha influenza pożittiva fuq il-ħażna ta’ karbonju u l-bilanċ tal-gassijiet b’effett serra, b’mod partikolari fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ħamrija tat-torbieri, l-imsaġar u l-foresti seminaturali u dawk naturali, u ekosistemi oħra rikki fil-karbonju, u għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-klima;

    12.

    Jappoġġja l-isforzi sabiex jinġabru flimkien l-ippjanar tal-ġestjoni tat-territorju u l-iżvilupp tal-infrastruttura ekoloġika f’żoni kostali, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-bijodiversità u jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-pajsaġġ kostali;

    13.

    Jinnota r-rwol vitali tal-infrastruttura ekoloġika għall-adatament għat-tibdil fil-klima, għaliex iżżid il-koerenza ekoloġika bejn is-siti tan-Natura 2000, tiffaċilita ż-żieda fil-movimenti u l-bidliet fid-distribuzzjoni tal-ispeċi bejn u fost is-siti tan-Natura 2000, u l-provvista tal-adattament tal-iskala tal-pajsaġġ għall-bijodiversità, u għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki tan-natura tal-UE, u tinkoraġġixxi u tipprovdi wkoll adattament ibbażat fuq l-ekosistema għal setturi oħra inklużi l-ġestjoni tal-ilma u s-sigurtà tal-ikel,

    14.

    Jikkunsidra li huwa essenzjali għall-Istati Membri – u speċjalment dawk li jmissu mal-baħar – li jimplimentaw l-infrastruttura ekoloġika madwar iż-żoni tal-port u jiżviluppaw skemi tat-trasport favorevoli għall-ekoloġizzazzjoni ta’ dawk iż-żoni;

    15.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tnaqqis fir-riskji marbuta mad-diżastri naturali – bħall-għargħar jew in-nirien fil-foresti – hu wkoll effett pożittiv li ġej mill-ħolqien u r-restawr tal-infrastruttura ekoloġika bħall-pjanuri tal-għargħar naturali, l-imsaġar, l-art mistagħdra, eċċ, li jistgħu jtejbu r-reżiljenza għad-diżastru u jgħinu fl-adattament għat-tibdil fil-klima, u jista’ b’mod sinifikanti jnaqqas l-ispejjeż relatati mas-soċjetà;

    16.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jkun inkluż b’mod sħiħ is-settur tal-forestrija f’dan il-qasam ta’ politika, b’mod li jinkisbu l-benefiċċji multipli lil hinn mill-produzzjoni tal-injam u tal-bijomassa, provduti minn ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-konservazzjoni naturali tal-foresti u sabiex l-imsaġar frammentati jew meqruda jerġgħu lura fil-kundizzjoni ta’ qabel;

    17.

    Jilqa’ l-inizjattiva li tippromwovi l-infrastruttura ekoloġika bħala strument li jikkontribwixxi għall-filtrazzjoni tal-ilma, il-prevenzjoni tal-erożjoni u l-preservazzjoni tal-wiċċ tal-ilma ta' taħt l-art, u konsegwentement l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Għargħar, u leġiżlazzjoni tal-ilma rilevanti kif propost mill-pjan ta’ azzjoni, kif ukoll għall-ġestjoni integrata tal-kosta u l-ippjanar tal-ġestjoni tat-territorju marittimu;

    18.

    Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni xierqa tar-rekwiżiti tal-infrastruttura ekoloġika fl-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Politika Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE, b’mod partikolari fl-iffinanzjar tal-infrastruttura ekoloġika Urbana, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jippromwovu azzjonijiet rilevanti;

    19.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi integrata l-infrastruttura ekoloġika fi programmi operattivi taħt l-istrumenti ta' finanzjament tal-KE għall-perjodu 2014-2020;

    20.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinalizza fil-ħin, jiġifieri sa tmiem l-2013, il-materjal ta' orjentament kif imħabbar mill-Komunikazzjoni sabiex isir progress fil-fehim u l-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika fl-oqsma ta' politika relevanti u biex jiġu żgurati opportunitajiet għall-iffinanzjar permezz ta' programmi operattivi;

    21.

    Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu użu tajjeb mill-opportunitajiet ta’ finanzjament eżistenti biex jippromovu l-investiment fi proġetti koordinati u koerenti fl-infrastruttura ekoloġika;

    Żvilupp ta' Strateġija ta' Infrastruttura Ekoloġika

    22.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-involviment tas-settur privat fl-investimenti tal-infrastruttura ekoloġika u jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI biex, mingħajr telf ta' ħin, jistabbilixxu u jagħmlu operattiva faċilità ta' finanzjament inklużi mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi li jappoġġaw investimenti fl-infrastruttura ekoloġika u proġetti oħra relatati ma' kapital naturali filwaqt li jevalwaw ukoll l-appoġġ reali u fuq terminu twil tal-funzjonijiet tal-ekosistemi; jirrimarka li jeħtieġ jiġu esplorati wkoll aktar sorsi ta' finanzjament fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

    23.

    Jinsab konvint li t-twettiq tal-Infrastruttura Ekoloġika jeħtieġ ikun appoġġjat minn data solida u tagħrif dettaljat u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, taħdem flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra biex tiżgura li l-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċità tagħha f’relazzjoni mal-immappjar u l-valutazzjoni ta’ ekosistemi u s-servizzi assoċjati tal-ekosistema u li din l-informazzjoni u t-tagħrif huma meqjusa b’mod xieraq inklużi fl-ippjanar u t-twettiq ta’ proġetti kofinanzjati tal-UE;

    24.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromovi l-proġetti ta’ riċerka, innovazzjoni, bini tal-kapaċità, edukazzjoni, ta’ tixrid, ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ għarfien pubbliku dwar dan il-qasam u tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki; jirrimarka li l-ħiliet u t-taħriġ tal-persunal li jkun kapaċi juża dan l-approċċ innovattiv u li jivvaluta sew il-benefiċċji pprovduti mill-ekosistemi, speċjalment fis-setturi tal-provvista u l-purifikazzjoni tal-ilma, tal-iskart, tal-kostruzzjoni, tal-ġestjoni tad-diżastri, tal-agrikoltura, tat-turiżmu u tal-faċilitajiet tas-saħħa, jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-infrastruttura ekoloġika;

    25.

    Hu tal-fehma li l-integrazzjoni fl-oqsma kollha ta' politika hi kundizzjoni bażika li mingħajrha l-ebda politika ta' infrastruttura ekoloġika ma tista' titmexxa;

    26.

    Jenfasizza r-rwol li jista’ jkollhom is-sidien u l-maniġers tal-art, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ix-xjenza taċ-ċittadin/tal-folla, ir-responsabbiltà taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni pubblika għall-ippjanar, l-implimentazzjoni, iż-żamma u l-monitoraġġ tal-proġetti tal-Infrastruttura Ekoloġika fuq livell lokali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw dawn il-proċessi;

    27.

    Jaqbel mal-iżvilupp ta' strateġija li tikkonsisti fil-bini ta' assi prijoritarji għal proġetti ta' infrastruttura ekoloġika fl-Ewropa u jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar strateġiji u proġetti interreġjonali transkonfinali;

    28.

    Jappoġġa t-TEN-G kif imħabbar mill-Kummunikazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq l-iżvilupp ta' skema tat-TEN-G sal-2015;

    29.

    Jenfasizza l-potenzjal għall-innovazzjoni fir-rigward ta' infrastruttura ekoloġika u r-rwol ewlieni li jista' jkollhom l-SMEs f'dan il-qasam; jirrimarka li l-istandards komuni, iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar għandhom ikunu ta' appoġġ għall-investimenti ta' infrastruttura ekoloġika u li jinħoloq l-ispazju meħtieġ għal impriżi pijunieri fis-settur;

    30.

    Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tal-istrateġija dwar il-bijodiversità fl-2015, ir-reviżjoni sussegwenti tal-Komunikazzjoni dwar l-infrastruttura ekoloġika fl-2017 biex l-infrastruttura ekoloġika tintrabat aktar ma' investimenti rilevanti ppjanati fil-livell tal-UE kif ukoll ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-oqsma ta' politika relevanti (il-verifika tas-saħħa tal-PAK, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' REGIO eċċ.);

    o

    o o

    31.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

    (2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

    (3)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 99.

    (4)  http://www.teebweb.org


    Top