Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0599

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali (2012/2034(INI))

    ĠU C 468, 15.12.2016, p. 187–189 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 468/187


    P7_TA(2013)0599

    Ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw il-gvernijiet nazzjonali

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali (2012/2034(INI))

    (2016/C 468/26)

    Il-Parlament Ewropew

    wara li kkunsidra l-Artikoli 15 u 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 235 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010, tas-17 ta' Ġunju 2010, tas-16 ta' Settembru 2010, tat-28 u d-29 ta' Ottubru 2010, tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2010, tal-4 ta' Frar 2011, tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011, tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011, tat-23 ta' Ottubru 2011, tad-9 ta' Diċembru 2011, tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012, tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012, tat-18 u d-19 ta' Ottubru 2012, tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2012, tas-7 u t-8 ta' Frar 2013, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2013 u tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-Unjoni Ewropea wara l-laqgħat informali tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2011 u tat-30 ta’ Jannar 2012,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (2),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 48,110 u 127 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0336/2013),

    A.

    billi t-Trattat ta' Lisbona ta lill-Kunsill Ewropew l-istatus ta' istituzzjoni Ewropea, mingħajr ma bidillu r-rwol tiegħu minħabba li, skont l-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, “Il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha. Huwa m’għandux jeżerċita funzjonijiet leġislattivi”;

    B.

    billi l-Parlament huwa perfettament konxju tal-indipendenza tal-Kunsill Ewropew u tar-rwol eminenti li jagħtih it-Trattati;

    C.

    billi, madankollu, taħt il-pressjoni tal-kriżi, il-Kunsill Ewropew kabbar b’mod konsiderevoli r-rwol tiegħu, kattar l-għadd tal-laqgħat eċċezzjonali u tella' għal-livell tal-Kunsill Ewropew suġġetti li normalment jiġu ttrattati fil-livell tal-Kunsill tal-Ministri; billi f'dan ir-rigward il-Kunsill Ewropew mar lil hinn mill-inġunzjoni kruċjali tat-Trattat li m'għandux funzjonijiet leġislattivi;

    D.

    billi t-tentazzjoni tal-kapijiet ta' stati jew ta' gvern li jirrikorru għal espedjenti intergovernattivi tikkomprometti l-'metodu Komunitarju', bi ksur tat-Trattati;

    E.

    billi biex tissaħħaħ in-natura demokratika tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni għandhom jiġu implimentati arranġamenti ta' skrutinju parlamentari xierqa;

    F.

    billi, skont it-Trattat ta' Lisbona, il-membri tal-Kunsill Ewropew huma individwalment responsabbli quddiem il-parlamenti nazzjonali tagħhom iżda kollettivament responsabbli biss tagħhom infushom;

    G.

    billi l-President tal-Kunsill Ewropew ingħata rwol inizjatorju, bosta drabi flimkien mal-kontropartijiet tiegħu minn istituzzjonijiet oħra, u b’hekk de facto sar in-negozjatur prinċipali f’isem l-Istati Membri għal suġġetti li, sa mill-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, huma koperti bil-kodeċiżjoni;

    H.

    billi, bi qbil mal-awtoritajiet tal-Parlament, u b’mod partikolari permezz ta’ skambji ta’ ittri, il-President Van Rompuy fittex li kemm jista' jkun jikkunsidra r-rekwiżiti ta’ informazzjoni u trasparenza: iltaqa’ personalment mal-presidenti tal-kumitati, ir-rapporteurs jew ix-sherpas tal-Parlament biex jiddiskuti għadd ta' suġġetti importanti; irrisponda mistoqsijiet bil-miktub; irrapporta b’mod regolari dwar il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, jew lill-plenarja jew lill-Konferenza tal-Presidenti estiża, u kellu bosta kuntatti mal-presidenti tal-gruppi;

    I.

    billi jkun tajjeb li din il-prattika ssir uffiċjali sabiex isservi ta’ preċedent għall-ġejjieni u għandha wkoll tittejjeb; billi, dwar ir-reġim Ewropew tal-privattivi, il-Kunsill Ewropew qajjem dubju dwar ftehim leġislattiv konkluż bejn il-Parlament u l-Kunsill; billi, dwar il-governanza ekonomika, il-Kunsill Ewropew deherlu tajjeb li jinnegozja mill-ġdid dispożizzjonijiet identiċi għal dawk magħmula applikabbli b’regolament preċedenti; billi, dwar l-awtorità Ewropea għas-superviżjoni tal-banek, il-Kunsill Ewropew adotta żewġ pożizzjonijiet kontradittorji wara xulxin b’intervall ta’ sena, li seta’ evita billi jikkunsidra aħjar il-pożizzjoni tal-Parlament; billi l-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 wassal għal blukkar leġislattiv assolut, peress li l-unanimità ġuridikament neċessarja fil-Kunsill ma setgħetx tintlaħaq ħlief billi jiddeċiedi minn qabel dwar ċerti għażliet politiċi ewlenin tar-regolamenti leġislattivi tal-politiki li għandhom ikunu ffinanzjati, b'tali mod li r-rwol tal-Parlament, f'dawn l-oqsma, ċekknu għal li dan tal-aħħar jemenda dispożizzjonijiet sekondarji;

    J.

    billi f'dawn il-każijiet kollha, per definitionem l-aktar importanti, in-nuqqas ta’ djalogu formali bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew ma ppermettiex li l-Parlament ikollu r-rwol sħiħ tiegħu ta’ koleġislatur kif stabbilit fit-Trattati; billi ħafna drabi deher li l-interlokuturi uffiċjali tar-rappreżentanti tal-Parlament ma kellhomx verament is-setgħa li tassew jimpenjaw lill-gvernijiet; billi, minkejja li teoretikament għadhom responsabbli għall-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, huwa dejjem iktar evidenti li l-President fil-Kariga tal-Kunsill u l-Kunsill Affarijiet Ġenerali (3) għandhom biss rwol marġinali jew tekniku; billi l-intervent tradizzjonali liminari tal-president tal-Parlament Ewropew fil-ftuħ tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew mhuwiex proċedura suffiċjenti;

    K.

    billi l-Parlament Ewropew ma jistax jordna lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jattendi dibattitu qabel il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew; billi l-Parlament ma jorganizzax lilu nnifsu tajjeb għad-dibattiti li fihom il-President jippreżentalu rapport wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew;

    L.

    billi, madankollu, jintlaqa’ tajjeb il-fatt li bosta kapijiet ta’ gvern ta’ Stati Membri tal-UE qed ifittxu t-tribuna tal-Parlament għal dibattiti dwar il-ġejjieni tal-Ewropa;

    M.

    billi l-operat tal-Kunsill tal-Ministri jagħti lok għal tħassib serju, u la l-Kunsill Ewropew u lanqas il-presidenza b’rotazzjoni ma jidhru kapaċi jimponu fuq ix-xogħol tiegħu l-istandards mixtieqa ta’ ħeffa, strateġija, konsistenza, koerenza jew trasparenza; billi dawn in-nuqqasijiet fit-tieni kamra tal-leġislatura jgħarrqu l-proċess leġislattiv tal-Unjoni Ewropea;

    N.

    billi l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-ewwel darba wara l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss; billi din id-dispożizzjoni fundamentali hija maħsuba biex il-President tal-Kummissjoni jintgħażel miċ-ċittadini permezz tal-elezzjoni tad-deputati tagħhom, fil-loġika ta’ sistema parlamentari; billi dan ir-riżultat jista’ jinkiseb biss jekk il-partiti politiċi Ewropej, il-Parlament u l-Kunsill Ewropew jaġixxu f’dan l-ispirtu, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fil-qafas tal-konsultazzjonijiet maħsuba biex japplikaw fil-prattika d-Dikjarazzjoni Nru 11 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona;

    1.

    Jemmen li, fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fuq dawn l-aħħar erba’ snin, jeħtieġ li r-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament jittejbu u jkunu formalizzati; jikkunsidra li dan jista’ jieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni konġunta jew ftehim interistituzzjonali jew skambju ta’ ittri;

    2.

    Huwa tal-fehma li, ħlief f'każijiet ta' urġenza eċċezzjonali, qabel kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew għandu jsir dibattitu fil-Parlament li jippermetti l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni, u li jattendih il-President tal-Kunsill Ewropew biex jippreżenta huwa stess is-suġġetti fuq l-aġenda; jemmen li l-Parlament u l-Kunsill Ewropew għandhom jorganizzaw il-ħidmiet rispettivi tagħhom b’mod li l-Parlament ikollu l-opportunità li jgħarraf l-opinjoni tiegħu dwar dawn is-suġġetti fil-ħin u l-President tal-Kunsill Ewropew ikun jista’ jagħmillu rapport wara kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew, quddiem is-seduta plenarja; jenfasizza li, kemm jista' jkun, il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew m'għandhomx isiru matul il-ġimgħat tas-sessjoni plenarja tal-Parlament;

    3.

    Jirrimarka li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew huma istruzzjonijiet ta' negozjar għall-Kunsill tal-Ministri, u li fl-ebda każ ma jikkostitwixxu linji ħomor li ma jistgħux ikunu nnegozjati mal-Parlament; jitlob li formula standard li tfakkar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tiġi introdotta fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew;

    4.

    Iħeġġeġ li meta jiġi konkluż ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament u dawk tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġislattiva, il-Kunsill Ewropew ma jitħalliex jerġa' jqajjem il-kwistjoni, ħlief jekk il-Presidenza fil-Kariga tkun speċifikat li l-ftehim kien ad referendum;

    5.

    Jipproponi li l-President tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiġu mistiedna flimkien mal-President tal-Kummissjoni biex darba f'sena jipparteċipaw f'dibattitu ġenerali dwar is-sitwazzjoni interna u esterna tal-Unjoni, mingħajr sovrapożizzjoni mad-dibattitu dwar annwali eżistenti dwar l-istat tal-Unjoni li matulu l-President tal-Kummissjoni jippreżenta l-programm tax-xogħol tiegħu u jirrapporta dwar l-azzjoni tiegħu lill-Parlament li quddiemu huwa responsabbli;

    6.

    Ifakkar li, għall-kuntrarju tal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew mhuwiex responsabbli quddiem il-Parlament u li l-organizzazzjoni tad-dibattiti li jipparteċipa fihom jeħtiġilha tqis dan il-fatt, filwaqt li tippermetti li Membri għajr il-presidenti tal-gruppi jiddjalogaw mal-President tal-Kunsill Ewropew; jemmen, madankollu, li l-proċedura ta’ mistoqsijiet bil-miktub ma tidhirx li tkun f'lokha;

    7.

    Jitlob li l-Parlament ikun involut f'waqtu kull darba li l-Kunsill Ewropew jagħti bidu għal pjan ta’ azzjoni jew proċedura li jista’ jkollhom dimensjoni leġislattiva li tkun trid tiġi deċiża b’kooperazzjoni mal-Parlament, skont il-forma li tidher xierqa f’kull każ; jinsisti li l-President tal-Parlament għandu jipparteċipa bis-sħiħ fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew meta jkunu indirizzati mistoqsijiet interistituzzjonali – il-Parlament u l-Kunsill Ewropew konsegwentement jadattaw ir-regoli interni tagħhom biex jippreċiżaw l-għażla tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom u l-mod li bih dawn jiksbu mandat ta’ negozjar u jirrappurtaw dwar in-negozjati;

    8.

    Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jgħarraf b'mod ċar, qabel ma tibda l-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej, kif biħsiebu, safejn jikkonċerna lilu, jirrispetta l-għażla taċ-ċittadini Ewropej fil-proċedura li twassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni, b'mod konformi mal-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-konsultazzjonijiet li għandhom isiru bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew għall-applikazzjoni fil-prattika tad-Dikjarazzjoni Nru 11 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona; ifakkar fl-importanza li nsaħħu l-viżibilità u l-karattru Ewropew tal-kampanja elettorali; jistieden lil kull membru tal-Kunsill Ewropew biex iħabbar bil-quddiem kif biħsiebu jirrispetta l-vot taċ-ċittadini tiegħu meta jipproponi kandidat jew kandidati għall-kariga ta' Kummissarju mill-pajjiż tiegħu;

    9.

    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 82.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0323.

    (3)  Ara l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.


    Top