EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4368

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-abbozz ta' “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li jistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta' installazzjonijiet nukleari” COM(2013) 343 final

ĠU C 341, 21.11.2013, p. 92–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-abbozz ta' “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li jistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta' installazzjonijiet nukleari”

COM(2013) 343 final

2013/C 341/21

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar it-13 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat Euratom, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

l-abbozz ta' Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li jistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta' installazzjonijiet nukleari

COM(2013) 343 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'160 vot favur, 9 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' pożittivament l-emendi f'ħin opportun għad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, li kienu r-riżultat tal-mandat tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tikkunsidra u tipproponi l-bidliet leġislattivi meħtieġa wara d-diżastru ta' Fukushima. Wara dan, testijiet tal-istress tal-impjanti nukleari Ewropej identifikaw żoni li jeħtieġu li tingħatalhom attenzjoni. Is-sikurezza nukleari hija kwistjoni transkonfinali importanti ħafna għall-UE. Kif din il-kwistjoni hija perċepita mill-pubbliku għandu impatt sinifikanti fuq il-politika nazzjonali. Iċ-ċittadini, bir-raġun, jistennew standards għoljin u konsistenza li jistgħu jiġu verifikati.

1.2

Il-Kumitat huwa mħeġġeġ jara li bosta kwistjonijiet enfasizzati fl-Opinjonijiet (1) preċedenti tagħna dwar is-sikurezza nukleari ġew indirizzati f'din il-proposta. Dawn jinkludu approċċ aktar b'saħħtu għall-armonizzazzjoni fost l-Istati Membri, il-kjarifikazzjoni tar-responsabbiltajiet regolatorji, il-kompetenza u l-kapaċità, l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali, u azzjoni fir-rigward tal-istat ta’ tħejjija u rispons fil-każ ta’ emerġenza fis-sit. B'mod partikolari nirrakkomandaw l-approċċ imsaħħaħ għal trasparenza ġenerali u r-rieda li jiġu inklużi obbligi speċifiċi bħala kontribut meħtieġ u potenzjalment effettiv sabiex jiġi indirizzat tħassib pubbliku.

1.3

Il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-approċċ imtejjeb ħafna għar-responsabbiltà regolatorja, il-kompetenza, l-applikazzjoni u l-indipendenza nazzjonali, li jsaħħaħ kull wieħed minn dawn l-oqsma u jipprovdi wkoll mekkaniżmi ta' appoġġ u verifika.

1.4

L-Artikolu estiż dwar id-"definizzjonijiet" ser jgħin biex l-interpretazzjoni tkun ċara u biex ikun hemm aktar infurzar legali, għalkemm għandu jkun żgurat li t-test huwa kompatibbli mad-definizzjonijiet ekwivalenti meta dawn ikunu provduti minn WENRA (Western European Nuclear Regulatory Authorities) u l-IAEA (International Atomic Energy Authority) u aġġornat kif meħtieġ sabiex jibqa' konsistenti mat-terminoloġija li dwarha jkun intlaħaq ftehim internazzjonali.

1.5

It-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet għal arranġament tal-istat ta’ tħejjija u rispons fil-każ ta’ emerġenza fuq is-sit ġie notat. Ser tkun meħtieġa azzjoni immedjata b'rispons għal rakkomandazzjonijiet mir-rapport dwar x'inhu għaddej fir-rigward tal-istat ta’ tħejjija fil-każ ta’ emerġenza fuq is-sit, meta dan ikun disponibbli. Dan huwa qasam ta' tħassib partikolari għaċ-ċittadin Ewropew u jeħtieġ li jitwaqqfu miżuri addizzjonali urġenti u effettivi.

1.6

Id-dispożizzjonijiet għall-informazzjoni pubblika u t-trasparenza ġew miżjuda iżda l-Istati Membri għandhom jintalbu jiżguraw li l-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili jiġu appoġġjati fil-prattika u b'mod attiv fl-iżvilupp, mal-awtorità regolatorja, ta' proċessi parteċipattivi għat-tisħiħ tal-involviment tal-pubbliku fit-tħejjija, ir-reviżjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet.

1.7

Il-Kumitat japprezza l-azzjoni immedjata meħuda mill-Kummissjoni biex tressaq din id-direttiva ta' emenda. Ninnutaw ukoll li l-analiżi internazzjonali tat-tagħlimiet misluta mill-każ ta' Fukushima għadha għaddejja u li r-reviżjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari attwali tista' titfa' aktar dawl fuq il-kwistjoni tas-sikurezza waqt li qed isseħħ. Il-partijiet kollha huma impenjati favur titjib kontinwu u l-esperjenza tindika li t-titjib tas-sikurezza nukleari ser jibqa' fi stat ta' żvilupp kontinwu.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-2009, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari  (2) propost, il-KESE indika t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li ttieħed biex jiġi żviluppat u mirbuħ kunsens biżżejjed sabiex titressaq l-ewwel direttiva dwar is-sikurezza nukleari (2009/71/ Euratom); Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 1975 dwar il-problemi teknoloġiċi tas-sikurezza nukleari kienet talbet biex tittieħed azzjoni adegwata u approċċ armonizzat fil-livell Komunitarju. Bil-kontra ta' dan, damu biss erba' snin, mhux 34 sena, biex jiġu proposti dawn l-emendi għad-Direttiva tal-2009.

2.2

Hemm għadd ta’ raġunijiet għal din il-bidla fir-ritmu. L-ewwel nett, l-emendi proposti huma risposta għar-rapport dwar il-programm estensiv dwar it-testijiet tal-istress li twettaq fl-Ewropa wara l-impatt tat-tsunami fuq il-kumpless tal-impjant nukleari ta' Fukushima Daiichi f'Marzu 2011. Fil-Ġappun, dan kien espona firxa ta' dgħufiji u fallimenti tekniċi, operattivi u regolatorji. Madankollu, l-emendi jirriflettu wkoll tħassib li ntwera qabel l-2009 li, minħabba l-fehmiet espressi mir-regolaturi, l-Istati Membri u l-industrija nukleari, ma kienx possibbli li jiġu inklużi fid-Direttiva oriġinali. Fukushima mhux biss għamilha possibbli li jerġa' jiġi kkunsidrat dan it-tħassib, iżda kellu wkoll impatt kbir u dirett fuq il-politika nukleari f'bosta Stati Membri.

2.3

Din l-Opinjoni tesprimi r-responsabbiltà tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jirrifletti l-fehmiet u t-tħassib tas-soċjetà ċivili inġenerali, responsabbiltà li f'dan il-każ hija miżjuda mill-proċedura taħt l-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom (dwar kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà) fejn l-Opinjoni tal-Kumitat hija rekwiżit ta' prijorità. Il-Kumitat fil-passat kien ikkummenta li peress li d-direttivi dwar is-sikurezza nukleari jinkludu kwistjonijiet fundamentali dwar is-saħħa tal-ħaddiema, l-ambjent u s-sigurtà pubblika (rispons f'każ ta' emerġenza), li l-UE tindirizza taħt it-TUE u t-TFUE, hemm raġuni għalfejn din tista' tiġi ttrattata taħt dawn it-trattati minflok il-Euratom. Dan iżid ukoll il-kredibbiltà demokratika peress li l-kwistjoni jkollha tiġi kodeċiża mal-Parlament Ewropew.

2.4

Parti mill-pubbliku għadha mħassba dwar il-132 reattur nukleari li joperaw fl-Ewropa. Minkejja li l-attitudnijiet ivarjaw fl-Istati Membri, l-impjanti nukleari jistgħu jibqgħu sors ta' ansjetà moħbija, sentiment li jista' jiġi stimolat ħafna minn avvenimenti esterni. Ħafna ċittadini qed ifittxu għal assigurazzjoni f'forma li jistgħu jifhmu u jafdaw fiha u jduru lejn l-UE li għandha esperjenza estensiva u reputazzjoni tajba inġenerali fiż-żieda u l-konsolidazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sigurtà pubblika. F'sens importanti Fukushima ta sinjal li ma jistax ikompli jiġi promoss il-kunċett ta' sikurezza assoluta, li fil-Ġappun hija tendenza f'termini teknoloġiċi u istituzzjonali. L-isfida li qed jiffaċċja kwalunkwe approċċ leġislattiv hija jekk dan jistax jappoġġja approċċ relattiv għas-sikurezza li jista' jsostni l-fiduċja pubblika. Din il-fiduċja ser tkun ibbażata fuq taħlita ta' kif inhu perċepit ir-riskju u s-saħħa tal-miżuri protettivi jew ta' mitigazzjoni. Għadhom ma jeżistux standards tas-sikurezza kompletament armonizzati għall-Ewropa, u jeżisti tħassib pubbliku fejn hemm it-twemmin li l-istandards tas-sikurezza, jew l-infurzar tagħhom, f'pajjiż li jmiss magħhom huma aktar baxxi minn dawk ta' pajjiżhom. Wieħed jista' jifhem li soluzzjoni għal dan it-tip ta' varjabbiltà hija awtorità kompetenti fil-livell tal-UE.

2.5

Fl-Istati Membri kollha, is-sikurezza nukleari hija r-responsabbiltà tal-operaturi tal-impjant li jaġixxi fi ħdan qafas sorveljat mill-korp regolatorju nazzjonali. Il-każ ta' Fukushima qajjem dubji dwar sensiela ta' kwistjonijiet inklużi t-tfassil tal-impjant u l-azzjonijiet ta' difiża, l-isforzi ta' mitigazzjoni, ir-rispons f'każ ta' emerġenza, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni, l-iżbalji umani, il-governanza, it-trasparenza u s-sorveljanza regolatorja. L-implikazzjonijiet ta' għadd limitat ta' dawn il-kwistjonijiet – peress li jistgħu jkunu applikabbli għall-impjanti nukleari u s-sikurezza Ewropej – ġew indirizzati fil-proċess tat-test ta' stress u rapporti sussegwenti.

2.6

Is-sikurezza nukleari hija kwistjoni transkonfinali u l-UE ħadet azzjoni peress li l-istandards tas-sikurezza u l-konvenzjonijiet internazzjonali li jiggvernaw is-sikurezza nukleari huma jew legalment nonvinkolanti jew direttament mhux infurzabbli legalment. Il-proposti għal emenda preżenti huma r-riżultat tal-mandat li ngħata lill-Kummissjoni mill-Kunsill Ewropew sabiex tirrevedi l-qafas legali u regolatorju eżistenti u tipproponi kwalunkwe titjib meħtieġ.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta hija reviżjoni tal-qafas legali u regolatorju eżistenti għas-sikurezza nukleari li għandu l-għan jiggarantixxi standards konsistenti u għoljin tas-sikurezza nukleari u s-sorveljanza. Fid-dawl tat-testijiet tal-istress u t-tagħlimiet misluta mill-istħarriġ dwar Fukushima, qed jiġi propost li, f'xi aspetti u fejn hu possibbli, il-qafas tas-sikurezza nukleari Ewropew jiġi aġġustat skont l-aktar standards tekniċi l-aktar riċenti, u li tinħtieġ aktar trasparenza.

3.2

Is-setgħat u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissaħħu u jingħataw rwol akbar, bl-appoġġ ta' persunal espert u riżorsi. Flimkien mal-operaturi tal-impjant, dawn ser ikunu mitluba jiżviluppaw u jippubblikaw strateġija sabiex jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku, b'mod speċjali fil-każ ta' inċidenti iżda wkoll għall-ħidma normali. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw ħafna aktar fil-liċenzji tal-impjanti nukleari.

3.3

L-għażla tal-post, it-tfassil, il-bini, l-ikkummissjunar, il-ħidma u d-dekummissjunar tal-impjanti nukleari ser ikunu soġġetti għal għanijiet ta' sikurezza ġodda u ser tiġi introdotta sistema madwar l-UE kollha ta' reviżjoni mill-pari tal-installazzjonijiet nukleari kull sitt snin, li tirriżulta fl-iżvilupp ta' linji gwida tekniċi għat-titjib tas-sikurezza nukleari.

3.4

Impjanti nukleari ġodda għandhom jitfasslu b'mod li jekk isir dannu lill-qalba tar-reattur dan ma jkollux konsegwenzi barra mill-impjant, u kull impjant għandu jkollu ċentru protett sew ta' rispons f'każ ta' emerġenza u linji gwida stretti għall-ġestjoni ta' inċident.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE segwa mill-qrib id-dibattitu dwar is-sikurezza nukleari, il-proċess tat-test tal-istress u l-iżviluppi sussegwenti tiegħu. Fl-Opinjoni tiegħu Rapport finali dwar it-testijiet ta’ reżistenza nukleari  (3), il-KESE ħeġġeġ li ssir reviżjoni ambizzjuża tad-direttiva tal-2009. Il-Kummissjoni Ewropea stqarret biċ-ċar ukoll l-ambizzjonijiet tagħha għad-direttiva fir-rapport tagħha dwar it-testijiet tal-istress (4). Din identifikat erba' oqsma prinċipali fejn id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari kienet teħtieġ reviżjoni, li huma:

proċeduri u oqfsa tas-sikurezza;

rwol u mezzi tal-awtoritajiet regolatorji nukleari;

ftuħ u trasparenza;

monitoraġġ u verifika.

Analiżi qasira dwar jekk inkisbux l-għanijiet identifikati taħt dawn l-erba' intestaturi tinsab fis-sitt taqsima.

4.2

Din il-proposta tippreżenta 'l fuq minn 90 emenda għad-direttiva eżistenti, u wħud minnhom huma ta' ċertu tul u sostanza. Il-premessi estensivi għad-direttiva joffru gwida għall-interpretazzjoni dwar ir-razzjonal u l-implimentazzjoni prattika għalkemm wieħed għandu jinnota li l-Artikoli tad-Direttiva jikkostitwixxu t-test ta' sustanza li din l-Opinjoni qed teżamina.

4.3

Il-KESE jinnota li t-terminu "raġonevolment possibbli", kif użat fit-test, minkejja li huwa mogħni b'definizzjoni mwessa', jista' jwassal biex jingħata piż mhux mistħoqq lil konsiderazzjonijiet ekonomiċi jew politiċi. Alternattiva għal dan jista' jkun l-użu ta' "l-Aqwa Teknoloġiji Disponibbli (BAT)" u l-"Aqwa Prattika Regolatorja (BRP)", kif applikabbli, iżda din iġġib magħha implikazzjonijiet ta' spejjeż sinifikanti.

4.4

Il-KESE jinnota li għalkemm il-Kummissjoni tiddikjara li d-Direttivi għandhom jiżguraw li impjanti nukleari ġodda jitfasslu b'mod li jekk isir dannu lill-qalba tar-reattur dan ma jkollux konsegwenzi barra mill-impjant, l-opinjoni teknika u xjentifika attwali tissuġġerixxi li dan ir-rekwiżit ma jistax jintlaħaq u huwa prattikament impossibbli li jiġu eliminati bis-sħiħ il-konsegwenzi kollha fuq barra tas-sit.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Id-direttiva oriġinali ser tiġi msaħħa, estiża u ċċarata b'din id-direttiva li temenda, u ser jiġu indirizzati għadd ta' dubji speċifiċi rilevanti għall-assigurazzjoni pubblika dwar kwistjonijiet ta' sikurezza. B’mod partikolari l-Kumitat jilqa':

L-estensjoni u l-kjarifika fl-Artikolu 3 tad-definizzjonijiet tat-termini, b'mod partikolari fejn jista' jkun hemm inċertezza. Pereżempju, id-definizzjoni aktar ċara ta' termini bħal "li prattikament telimina" tneħħi ħafna mill-ambigwità li jista' jkun hemm u ser iżżid il-fiduċja pubblika b'approċċ konsistenti. Madankollu, għandu jkun żgurat li fejn definizzjonijiet ekwivalenti jkunu provduti minn l-IAEA u WENRA, it-terminoloġija għandha tkun konsistenti u aġġornata kif meħtieġ.

Ir-rekwiżit speċifiku li l-arranġamenti tas-sikurezza jkopru l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari. (Artikolu 4.1 a)

Iż-żamma tal-prinċipju tal-indipendenza legali tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u t-tisħiħ konsiderevoli tagħhom bl-inklużjoni ta' referenza speċifika għall-indipendenza mill-interess politiku, il-provvediment ta' baġit adegwat b'ġestjoni awtonoma u riżorsi adegwati ta' persunal espert (Artikolu 5.2), u definizzjoni aktar ċara tas-setgħat legali. (Artikolu 5.3)

L-inklużjoni speċifika tar-rekwiżiti ta' verifika ta' "difiża profonda" appoġġjati minn definizzjoni ċara. (Artikolu 6.3).

Ir-rekwiżit li applikanti għal-liċenzji għandhom iressqu dimostrazzjoni dettaljata tas-sikurezza li tikkorrespondi mad-daqs tal-periklu. (Artikolu 6.4 a)

L-estensjoni għas-sottokuntratturi tar-rekwiżit li jinżammu kompetenzi estensivi relatati mas-sikurezza. (Artikolu 6.5).

L-inklużjoni ta' arranġamenti li jappoġġjaw it-tħejjija u r-rispons f'każ ta' emerġenza fuq il-post. (Artikolu 7).

5.2

Il-KESE jfaħħar it-titolu l-ġdid u t-twessigħ tal-Artikolu 8, li issa jittratta t-Trasparenza, u t-Taqsima 2 il-ġdida li tiddefinixxi Obbligi Speċifiċi estensivi. Preċedentement, l-Artikolu 8, bit-titolu "Informazzjoni għall-pubbliku" kellu kamp ta' applikazzjoni limitat ħafna. Meħudin flimkien mal-Artikoli 8.a-f, u d-definizzjonijiet imwessa' fl-Artikolu 3, dawn issa jammontaw għal madwar 50 % tat-test tad-Direttiva emendata. L-infurzar legali għandu jiżdied b'dawn id-dispożizzjonijiet għalkemm xi oqsma jibqgħu suxxettibbli għal interpretazzjoni diverġenti. Huwa partikolarment inkoraġġanti meta wieħed jara d-dispożizzjonijiet il-ġodda estensivi li qed jiġu proposti u li jistgħu jirriżultaw siewja mhux ħażin biex jindirizzaw it-tħassib ġustifikabbli taċ-ċittadini. Fosthom wieħed jista' jenfasizza:

Obbligu li titwettaq u tiġi applikata strateġija trasparenti li tkopri l-eventwalitajiet kollha. (Artikolu 8.1)

Enfasi fuq il-provvediment ta' informazzjoni b'referenza għall-obbligi internazzjonali. (Artikolu 8.3). Minkejja li mhux imsemmi fit-test tad-direttiva, il-preambolu jiddikjara li l-iskambji mal-esperti, li pparteċipa fihom il-KESE, ikkonfermaw ir-rwol tant importanti tal-pubbliku fil-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

Appoġġ b'saħħtu għal objettivi u metodoloġija tas-sikurezza aktar rigorużi. (Artikoli 8a-8c).

L-iżvilupp ta' rekwiżiti (flimkien mal-Artikolu 7) għal tħejjija u rispons f'każ ta' emerġenza fuq is-sit. (Artikolu 8d).

L-espansjoni u l-estensjoni tar-rekwiżi għal reviżjoni mill-pari internazzjonali. (Artikolu 8e).

5.3

Il-KESE jinnota li s-suġġett importanti tat-tħejjija f'każ ta' emerġenza mhux fuq is-sit u l-komunikazzjoni f'każ ta' kriżi ma ġiex indirizzat f'din id-direttiva iżda huwa s-suġġett ta' reviżjoni u rapport attwali b'rakkomandazzjonijiet li għandhom jitressqu sal-aħħar tal-2013. Kwalunkwe azzjoni meħtieġa għandha tittieħed fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet bħala kwistjoni urġenti.

5.4

Il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-faċilitajiet nukleari kontra attakk terroristiku ġiet ittrattata bħala linja separata flimkien mal-programm tat-test tal-istress u ntbagħat rapport dwarha lill-Kunsill Ewropew fl-2012. L-Istati Membri jqisu l-miżuri ta' sikurezza bħala kwistjoni ta' kompetenza sovrana li taqa' barra mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari. Wieħed għandu jinnota li l-Awtorità tar-Regolazzjoni Nukleari fil-Ġappun, fl-analiżi wara l-każ ta' Fukushima, iddeċidiet li titlob lill-impjanti nukleari kollha biex jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jiżguraw li l-impjanti huma protetti kontra l-possibbiltà ta' attakki terroristiċi.

5.5

Sa ċertu punt id-Direttiva tespandi r-rekwiżiti leġislattivi. Huwa importanti li r-rekwiżiti ġodda huma meħtieġa, proporzjonali u jservu l-iskop li jassiguraw is-sikurezza pubblika. Il-KESE huwa tal-fehma li nkiseb bilanċ adegwat fid-direttiva ta' emenda.

6.   Il-proposta ser telimina d-dgħufijiet identifikati fid-direttiva preżenti?

6.1

Id-differenzi dejjiema bejn l-Istati Membri jirriżultaw fin-nuqqas ta' approċċ konsistenti għas-sikurezza nukleari. Dan ġie identifikat (mill-Kummissjoni) bħala s-sejba ewlenija li kapaċi titranġa permezz ta' qafas leġislattiv. In-nuqqas ta' mekkaniżmi kodifikati tal-UE sabiex jintlaħaq ftehim dwar standards tekniċi u l-mezzi ta' kif għandhom jitwettqu r-reviżjoni tas-sikurezza huma enfasizzati. L-Artikolu 8f ta' emenda jistabbilixxi mekkaniżmu bħal dan, għalkemm il-KESE jemmen li l-frażi "l-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti, b’mod konġunt jiżviluppaw u jistabbilixxu linji gwida" mhijiex preċiża u tindika riżoluzzjoni insuffiċjenti dwar din il-kwistjoni. L-effettività ta' dan l-approċċ għaldaqstant għandha tibqa' tiġi analizzata u fil-każ ta' dubji serji, għandu jitqies it-twaqqif ta' Aġenzija Regolatorja tal-UE dwar is-Sikurezza Nukleari. Dan l-approċċ jista' joffri vantaġġi sinifikanti f'termini ta' aċċess għal ħiliet u riżorsi għal Stati Membri iżgħar.

6.2

Il-kwistjonijiet dwar l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali, ir-responsabbiltajiet maqsuma, in-nuqqas ta' koordinazzjoni, ir-riżorsi adegwati u l-kompetenzi definiti huma kollha oqsma li jridu jiġu indirizzati. L-Artikolu 5 ta' emenda jipprovdi ħafna aktar rekwiżiti leġislattivi speċifiċi tal-Istati Membri. Dawn għandhom iservu sew fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, hemm il-ħtieġa sabiex jiġu verifikati b'mod urġenti l-indipendenza u l-kompetenza tar-regolaturi nazzjonali – wieħed mill-oqsma li tqajjem speċifikament fir-rapport tal-Kummissjoni. Din il-verifika għandha titqies bħala waħda li żżid aktar milli waħda li tnaqqas l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali u m'għandhiex titħalla għal awtovalutazzjoni b'analiżi supplementari mill-pari internazzjonali. Il-KESE jipproponi li l-valutazzjoni u l-analiżi mill-pari għandhom iseħħu fl-Istati Membri kollha mhux aktar tard minn tmiem l-2018, u wara dan kull sitt snin.

6.3

Attwalment, il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u verifika fil-livell tal-UE huma limitati għall-analiżi mill-pari tal-qafas għas-sikurezza nukleari nazzjonali u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Il-Kapitolu 2a tad-direttiva ta' emenda jespandi konsiderevolment il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi mill-pari internazzjonali – żvilupp tant mistenni. Madankollu, l-iskeda ta' reviżjoni kull sitt snin dwar "tema waħda speċifika jew aktar" tista' twassal biex uħud mill-oqsma jibqgħu mhux riveduti fil-fond għal għexieren ta' snin sħaħ. Għaldaqstant il-Kumitat jipproponi li r-reviżjonijiet skont it-tema għandhom jitwettqu flimkien mal-proċess ta' reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari li sseħħ kull tliet snin. Id-diskussjoni dwar liema temi speċifiċi huma s-suġġett tar-reviżjoni għandha tkun ukoll qasam fejn il-pubbliku jkun involut bħala parti mill-impenn għat-trasparenza.

6.4

L-informazzjoni u t-trasparenza pubblika ngħataw enfasi ħafna akbar fid-direttiva ta' emenda, fejn f'bosta każijiet, rekwiżiti speċifiċi ssostitwew dawk li attwalment huma ġeneriċi. Madankollu, fil-prattika ta' spiss ikun diffiċli għall-individwi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika u l-mekkaniżmi ta' informazzjoni. L-effettività tal-parteċipazzjoni pubblika dehret fiż-żewġ laqgħat organizzati minn ENSREG relatati mat-testijiet tal-istress. Il-KESE jipproponi li l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jiżguraw li l-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili huma appoġġjati attivament fl-iżvilupp, mal-awtorità regolatorja, ta' proċessi parteċipattivi għat-twaqqif tal-impenn u l-konsultazzjoni pubblika għall-ippjanar, ir-reviżjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet. Dan għandu japplika wkoll għal estensjonijiet, formali jew de facto, tat-tul tal-ħajja tal-impjant. Proċessi stabbiliti, bħalma huwa l-mudell RISCOM għat-trasparenza (http://www.karita.se/our_approach/riscom_model.php), meta jitwettqu indipendentement, ikunu jistgħu joffru rotot effettivi.

6.5

Il-fehim ta' x'jikkostitwixxi approċċ komprensiv għas-sikurezza nukleari dejjem qed javvanza. Fatturi etiċi, soċjoekonomiċi u psikoloġiċi kollha ġew aċċettati aktar fiż-żmien ta' dibattitu intensiv wara d-diżastru ta' Fukushima. Il-Kumitat jemmen li oqsma oħra ta' ġenerazzjoni u użu ta' enerġija, b'mod partikolari fi żmien ta' transizzjoni u pressjoni globali, ukoll jistgħu jibbenefikaw minn analiżi bħal din.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 56- 63.

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 135-139.

ĠU C 44, 15.2.2013, p. 140-146.

(2)  ĠU C 306 16.12.2009, p. 56–63

(3)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 140-146.

(4)  COM(2012) 571 final.


Top