Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0309(02)

Notifika ta' bidu ta' reviżjoni interim tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU C 71, 9.3.2012, p. 10–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/10


Notifika ta' bidu ta' reviżjoni interim tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2012/C 71/07

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet, fuq inizjattiva tagħha stess, li tniedi investigazzjoni ta' reviżjoni interim tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 11(3) u 13(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Il-Prodott

Il-prodott li huwa s-soġġett ta' din l-investigazzjoni ta' reviżjoni huwa roti u tipi ta' roti oħra (inklużi t-triċikli għall-ġarr tal-prodotti iżda esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati (“il-prodott li qed jiġi rivedut”). Il-prodott li qabel instab li qiegħed ikun oġġett ta' dumping (2) huwa l-prodott li qiegħed jiġi rivedut, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70.

2.   Il-miżuri eżistenti

Permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2474/93 (3), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping ta' 30,6 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Wara investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, dan id-dazju ġie estiż permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (4) għall-importazzjonijiet ta’ ċertu parts ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”). Barra minn hekk, ġie deċiż li għandha tinħoloq skema ta' eżenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku (“l-iskema tal-eżenzjoni”). Il-qafas legali għat-tħaddim tal-iskema tal-eżenzjoni kien previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (5). Biex jirċievu eżenzjoni mid-dazju estiż, il-produtturi tar-roti fl-Unjoni jridu jirrispettaw proporzjon ta’ inqas minn 60 % tal-parts tar-roti Ċiniżi fl-operazzjoni tagħhom jew iż-żieda ta’ valur ta’ aktar minn 25 % għall-parts kollha mdaħħla fl-operazzjoni. Bħalissa aktar minn 250 kumpanija qed jibbenefikaw minn eżenzjoni.

Wara t-twettiq ta’ investigazzjoni ta' reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1095/2005 (6), iddeċieda li jżid d-dazju ta' antidumping fis-seħħ għal 48,5 % (“ir-reviżjoni interim li temenda”).

Wara reviżjoni tal-estensjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' ċerti parts tar-roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 171/2008 (7), iddeċieda li jżomm il-miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

Wara investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 (8), iddeċieda li l-miżuri hawn fuq imsemmija għandhom jinżammu.

3.   Ir-Raġunijiet għar-reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li, safejn huma kkonċernati d-dumping u l-ħsara, iċ-ċirkostanzi li minħabba fihom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema.

B'mod partikolari, it-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jindika li s-sistema tal-kwoti tal-esportazzjoni li tapplika għall-produtturi tar-roti fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li kien ta' ostaklu għall-produtturi esportaturi biex jingħataw trattament ta' ekonomija tas-suq fir-reviżjoni interim li temenda, ġiet abolita f'Jannar 2011.

Barra minn hekk, saru bidliet sinifikanti fl-istruttura tal-industrija tal-Unjoni. B'mod partikolari, bosta produtturi tal-Unjoni għaddew miċ-ċiklu komplut ta' produzzjoni għal operazzjonijiet ta' immuntar (parzjali) bl-użu ta' parts importati.

Barra minn hekk, minħabba t-tkabbir tal-UE tal-2004 u l-2007, numru sinifikanti ta' produtturi ssieħbu fl-industrija tar-roti tal-Unjoni. Barra minn hekk, bosta produtturi li kienu parti mill-industrija tal-UE qabel iż-żewġ rawnds ta' tkabbir ċaqilqu l-faċilitajiet ta' produzzjoni tagħhom jew waqqfu faċilitajiet ġodda fl-Istati Membri l-ġodda. B'riżultat ta' dan, il-livell tal-ispiża tal-industrija tal-Unjoni seta' nbidel.

Fl-aħħar nett, il-livell attwali tal-eliminazzjoni tal-ħsara ġie kkalkulat fuq il-bażi ta' roti li huma magħmula mill-azzar, filwaqt li jidher li bħalissa l-maġġoranza tar-roti huma magħmula minn ligi tal-aluminju. Dawn l-iżviluppi kollha jidhru li huma ta' natura dejjiema u għalhekk jiġġustifikaw il-ħtieġa li jiġu vvalutati mill-ġdid is-sejbiet dwar il-ħsara.

Barra minn hekk, l-għadd ta' kumpaniji li jibbenefikaw mill-iskema ta' eżenzjoni qed jikber b'mod rapidu, u l-iskema qatt ma ġiet adattata minn meta ddaħħlet fl-1997. B'żieda ma' dan, is-sistema ta' monitoraġġ tal-importazzjonijiet tal-parts li huma eżenti mill-miżuri antidumping saret kumplessa ħafna u ta' piż, u dan jista' jaffettwa ħażin l-effikaċja tagħha.

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, jidher li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livelli eżistenti ma għadhiex xierqa biex tpatti għall-effetti tal-ħsara tad-dumping.

4.   Il-proċedura

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, u ġie ddeterminat li hemm evidenza biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni ta' reviżjoni interim, il-Kummissjoni qiegħda b’dan tibda investigazzjoni ta' reviżjoni b’konformità mal-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni ta' reviżjoni għandha tivvaluta jekk l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar meħtieġa biex tpatti għad-dumping u jekk il-ħsara x'aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew jekk il-miżura eżistenti hix, jew għadhiex aktar, biżżejjed sabiex tpatti għad-dumping li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

L-investigazzjoni ta' reviżjoni għalhekk se tiddetermina jekk hemmx bżonn li jitkomplew, jitneħħew jew jiġu emendati l-miżuri eżistenti.

Barra minn hekk, l-investigazzjoni ta' reviżjoni se tivvaluta wkoll l-iskema ta' eżenzjoni u t-tħaddim tagħha u se tiddetermina jekk hemmx ħtieġa għal xi tibdil fiha.

4.1.    Il-Proċedura fir-rigward tad-dumping  (9)

Il-produtturi esportaturi (10) tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-emenda u ż-żamma tal-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

4.1.1.   L-Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

4.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla ta' produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

(a)   Teħid ta' kampjuni

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f'dan il-proċediment u sabiex titlesta l-investigazzjoni ta’ reviżjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom mitluba fl-Anness A ta' dan l-Avviż.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun il-każ, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-avviż tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jkollu fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ lill-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut.

Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux għall-kampjun għandhom jitqiesu li qed jikkooperaw (“produtturi esportaturi li qed jikkooperaw iżda li mhumiex fil-kampjun”). Bla ħsara għat-taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju tal-antidumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun mhux se jkun aktar mill-marġini medju peżat tad-dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (11).

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li jkunu kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni ta’ dumping individwali għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli ta' talba applikabbli oħra u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi speċifikati fis-sentenza li ġejja u fit-taqsima 4.1.2.2. hawn taħt. Il-kwestjonarju mimli għandu jiġi ppreżentat fi żmien 37 jum mid-data tal-avviż tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġni ta’ dumping individwali għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew tal-inqas trattament individwali (“TI”) kif speċifikat fit-taqsima 4.1.2.2. hawn taħt.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġini individwali ta’ dumping għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġini ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni ta’ reviżjoni titlesta fil-ħin.

4.1.2.   Proċedura addizzjonali dwar il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

4.1.2.1.   Għażla ta’ Pajjiż Terz b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 4.1.2.2. hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat il-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa. Il-Kummissjoni għażlet il-Messiku b'mod provviżorju, li ntgħażel ukoll fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-emenda u ż-żamma tal-miżuri fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkumentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.1.2.2.   Trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq jippredominaw għalihom fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi rivedut, jistgħu jressqu talba sostanzjata kif xieraq għal dan l-għan (“talba għal TES”). Jingħata trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (12) jkunu ssodisfati. Il-marġini ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Biex jingħataw it-TI dawn il-produtturi esportaturi għandhom iġibu provi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (13). Il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jissejjes fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq magħżul kif deskritt hawn fuq.

Fit-taqsima 9 ta' dan l-avviż jista' jinsab tagħrif importanti addizzjonali.

(a)   Trattament tal-ekonomija tas-suq (TES)

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta' talba għal TES lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat, magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu formola mimlija ta’ talba għal TES fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   Trattament individwali (TI)

Biex japplikaw għal TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun, flimkien mal-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għat-TES bit-taqsimiet rilevanti għat-TI mimlija kif xieraq fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

4.1.3.   L-investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati  (14)  (15)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-emenda u ż-żamma tal-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni ta' reviżjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid tal-kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom mitluba fl-Anness B ta' dan l-Avviż.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' wkoll tikkuntattja kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi kollha mhux relatati magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut.

4.2.    Il-proċedura dwar il-ħsara  (16) u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-emenda u ż-żamma tal-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’din il-proċedura u biex tlesti l-investigazzjoni ta' reviżjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid tal-kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi tal-Unjoni kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom mitlub fl-Anness C ta' dan l-Avviż.

Sabiex tikseb t-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu intgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott taħt reviżjoni, l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt reviżjoni.

4.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma, l-emenda jew ir-revoka tal-miżuri tal-antidumping ikunux kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jagħtu d-dettalji tagħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni ta' reviżjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qiegħed jiġi rivedut.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fl-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. It-tagħrif irid jingħata f'għamla libera jew inkella billi jimtela kwestjonarju li ħejjiet il-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk meta jingħata jkun sostnut b’evidenza fattwali.

4.4.    Il-proċedura dwar l-iskema ta' eżenzjoni

Bla ħsara għall-eżitu ta' din ir-reviżjoni, il-partijiet interessati b'dan qegħdin jiġu mistiedna biex jikkummentaw dwar it-tħaddim attwali u l-mudell possibbli futur tal-iskema ta' eżenzjoni. Tali kummenti għandhom b'mod partikolari jkunu relatati mat-tħaddim u l-ġestjoni tal-iskema ta' eżenzjoni fil-forma attwali tagħha. F'dan ir-rigward, din ir-reviżjoni se tiffoka b'mod partikolari fuq l-isfidi li jiffaċċjaw l-impriżi żgħar u medji.

Il-partijiet interessati jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni kummenti dwar l-iskema ta' eżenzjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

4.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu l-evidenza ta’ sostenn. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.6.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi investigattivi tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta' smigħ għandha tiġi sottomessa fil-limiti ta' żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

4.7.    Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'għamla elettronika (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-email, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-email, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati u aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw il-formoli tad-dikjarazzjonijiet tat-TES u tat-TI, jew it-tweġibiet tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk parti interessata ma tkunx tista' tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, hija għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni b'dan minnufih skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fil-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Comission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22985353

Posta elettronika: TRADE-R546-BICYCLES-A@ec.europa.eu

(għall-użu mill-esportaturi, l-importaturi relatati, l-assoċjazzjonijiet u r-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-produtturi fil-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq), u

TRADE-R546-BICYCLES-B@ec.europa.eu

(għall-użu mill-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi mhux relatati, l-utenti, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet fl-Unjoni)

5.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

6.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi investigattivi tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi talbiet għal aċċess għall-fajl, tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta' smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b’mod sħiħ.

Talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minn hemm 'il quddiem, talba għal smigħ għandha titressaq sad-dati speċifiċi ta' skadenza stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll l-opportunitajiet biex issir seduta ta' smigħ li tinvolvi l-partijiet u tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar tagħrif u dettalji tal-kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

7.   Skeda tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni

L-investigazzjoni ta’ reviżjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (17).

9.   Tagħrif importanti għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina: l-implikazzjonijiet tar-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO EC-Antidumping measures on fasteners (WT/DS397) dwar il-mod li bih il-Kummissjoni se tmexxi din l-investigazzjoni ta' reviżjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-produtturi esportaturi kollha mill-pajjiż ikkonċernat li huwa meqjus bħala pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, biex jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk huma interessati li jikkooperaw u jiksbu dazju antidumping individwali, anke jekk jaħsbu li ma jikkonformawx mal-kriterji biex jinkiseb TI. Il-Kummissjoni tiġbdilhom l-attenzjoni għal dan li ġej (18)

F’EC-Certain Iron or Steel fasteners from China (WT/DS397), il-Korp tal-Appell tad-WTO sab, inter alia, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku huwa inkonsistenti ma' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Antidumping u mal-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim tad-WTO.

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tat-23 ta’ Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (19) (“ir-Regolament ta' awtorizzazzjoni”) jistipula li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista, inter alia, jemenda l-miżuri tal-Unjoni li jittieħdu skont ir-Regolament bażiku sabiex jitqiesu l-interpretazzjonijiet legali li saru f'rapport adottat mill-Korp tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim fir-rigward ta’ miżura mhux ikkontestata, jekk dan jitqies xieraq.

Għaldaqstant, jekk l-investigazzjoni ta’ reviżjoni li qiegħda titnieda permezz ta' din in-Notifika ta' Bidu tirriżulta fl-emenda tal-miżuri antidumping fis-seħħ, fil-fehma tal-Kummissjoni l-imsemmi Artikolu 2 jikkostitwixxi bażi legali għall-konformità mal-interpretazzjonijiet legali żviluppati mill-Korp tal-Appell fit-tilwima msemmija hawn fuq. Dan jimplika, f'termini aktar prattiċi, li jekk produttur esportatur ippreżenta ruħu fi żmien l-iskadenza stipulata hawn fuq u kkoopera bis-sħiħ billi pprovda t-tagħrif kollu rilevanti iżda ma applikax għal TI, jew applika iżda nstab li ma jissodisfax il-kriterji, l-Artikolu 2 li ssemma qabel tar-Regolament ta' awtorizzazzjoni jista’ jservi, f’każijiet debitament ġustifikati, bħala bażi legali għad-determinazzjoni ta’ dazju individwali għal dak il-produttur esportatur. Fl-eżaminazzjoni ta' din il-kwistjoni, il-Kummissjoni se tqis ir-raġunament tal-Korp tal-Appell fit-tilwima msemmija hawn fuq, u b'mod partikolari, l-elementi diskussi fil-paragrafi 371-384 tar-rapport tiegħu.

L-operaturi li jiksbu dazju individwali abbażi ta’ din il-parti ta' din in-Notifika ta' Bidu għandhom ikunu konxji mill-fatt li s-sejbiet jistgħu jirriżultaw f'żieda fid-dazju meta mqabbel mad-dazju li japplika kieku ma kien ġie determinat l-ebda dazju individwali.


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika tal-bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali normalment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott ikkonċernat.

(3)  ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1.

(4)  ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(5)  ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.

(6)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1.

(7)  ĠU L 55, 28.2.2008, p. 1.

(8)  ĠU L 261, 6.10.2011, p. 2.

(9)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 2.

(10)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi rivedut lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(11)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, għandhom jitwarrbu.

(12)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabilità bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabilità u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) ma hemmx distorsjoni sinifikanti ttrasferita mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(13)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ ditti jew impriżi konġunti kompletament jew parzjalment barranin, l-esportaturi huma ħielsa biex jirripatrijaw il-kapital u l-qligħ; (ii) il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament; (iii) il-maġġoranza tal-ishma jappartjenu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(14)  Importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 rigward l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) huma uffiċjali jew diretturi tan-negozji ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala msieħba fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn genitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(15)  Id-dejta li taw l-importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni tad-dumping.

(16)  Il-ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddida ta' ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta' tali industrija.

(17)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(18)  Jekk ikun meqjus li hu meħtieġ it-teħid ta' kampjun ta' produtturi esportaturi, dazju anti-dumping individwali se jiġi determinat biss għal dawk il-produtturi esportaturi li jew (i) jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun inkella (ii) ikun ġie determinat dazju antidumping individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

(19)  ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10.


ANNESS A

Image

Image


ANNESS B

Image

Image


ANNESS C

Image

Image


Top