Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0218(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 48, 18.2.2012, p. 32–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 48/32


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2012/C 48/12

    Din il-pubblikazzjoni tagħti dritt għal oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

    DOKUMENT UNIKU

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “KRAŠKA PANCETA”

    Nru KE: SI-PGI-0005-0833-13.10.2010

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Kraška panceta”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

    Is-Slovenja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.2.

    Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.).

    3.2.   Deskrizzjoni ta' prodott li japplika għalih l-isem f'(1):

    “Kraška panceta” huwa prodott tradizzjonali tal-laħam imnixxef li bħala karatteristika għandu forma rettangolari. Il-piż minimu tal-prodott finali huwa 2,2 kg.

    “Kraška panceta” huwa prodott minn bejken bla xaħam. Huwa mħejji għat-tnixxif bil-ġilda u mingħajr il-kustilji. Il-proċedura ta' tmelliħ fin-niexef bl-użu ta' melħ tal-baħar biss u t-tnixxif u l-maturazzjoni mingħajr trattament bit-tisħin jikkontribwixxu lejn il-karatteristiċi organolettiċi tal-qtajja' rqaq. Il-parti bla xaħam tal-panceta hija niexfa u soda u tibqa' elastika, kif xieraq, taħt pressjoni. Il-partijiet fejn kienu jinsabu l-kustilji huma pjuttost viżibbli. Il-ġilda hija iebsa u lixxa u titneħħa qabel il-konsum. Hekk kif jimmaturaw, il-partijiet bla xaħam tal-panceta jikbsu kulur tipiku roża. Ix-xaħam huwa kremuż u ta' kulur abjad. Qatgħa hija magħmula l-aktar minn laħam mingħajr xaħam bi strata rqiqa ta’ xaħam li tgħaddi minnha. Il-karatteristiċi organolettiċi jinkludu, partikolarment, id-dehra esterna ta' qatgħa maqtugħa b'mod fin, li għandha tkun tarija bħala tessut. Il-laħam bla xaħam u x-xaħam għandhom ikunu konnessi b'mod sod. Il-qatgħa għandu jkollha aroma sħiħa, armonika u togħma ħelwa, mhux mielħa.

    Il-kontenut ta' melħ mhuwiex iktar minn 6 %, il-grad ta' tnixxif miksub għandu jkun mill-inqas 33 %, il-valur aw mhux aktar minn 0,92, il-kontenut ta' proteini għandu jkun mill-inqas 23 % u l-kontenut ta' xaħam għandu jkun mill-inqas 36 %.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    Għall-produzzjoni tal-“Kraška panceta” jintgħażel bejken li ġej minn razez imlaħħmin tal-majjal. Il-qatgħa tal-bejken tinkludi parti mis-sezzjoni tas-sider b'disa' sa għaxar partijiet apparenti fejn kienu jinsabu l-kustilji. Il-parti mlaħħma tal-ġenb hija inkluża wkoll fil-bejken. Element ewlieni tal-“Kraška panceta” huwa l-qatgħa standard rettangolari tal-bejken twila bejn 45 u 50 ċm u wiesgħa bejn 18 u 20 ċm. Il-piż minimu ta' qatgħa ta' bejken frisk huwa 4 kg. Għat-tnixxif, il-bejken huwa mħejji bil-ġilda u mingħajr il-kustilji, bil-ġnub maqtugħin ċatti, u l-laħam bla xaħam u l-ġilda għandhom ikunu intatti. Jitneħħa x-xaħam artab li jinsab fl-intern.

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss):

    3.5.   Fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

    It-temperatura tal-bejken frisk għandha tkun bejn + 1 °C u + 4 °C, kif imkejla qabel il-proċess tat-tmelliħ.

    Verifika tal-kontenut tal-laħam bla xaħam tal-bejken, il-kwalità tat-tħejjija u d-dimensjonijiet tal-qatgħa (18-20 ċm × 45-50 cm);

    Esklużjoni tal-bejken mhux imħejji sew: il-ġilda għandha tkun lixxa u mingħajr lanżit, qsim, tbenġil jew ematomi;

    Identifikazzjoni tan-numru tas-serje u d-data tat-tmelliħ (ġurnata, xahar u sena);

    Tmelliħ manwali permezz tal-inseriment ta' melħ tal-baħar fil-partijiet fejn kienu jinsabu l-kustilji. Il-kwantità tal-melħ hija adattata skont il-piż tal-bejken individwali. Jiġu miżjuda l-bżar u tewm frisk, jista' jiġi miżjud ukoll iz-zokkor;

    Il-ħżin tal-biċċiet tal-bejken immellħin fuq xkafef jew palits;

    Tmelliħ f' temperatura ta' bejn 1 u 6 °C għal bejn 5 u sebgħat-ijiem;

    Fażi kiesħa: temperatura ta' bejn 1 u 6 °C għal bejn ġimgħa u 3 ġimgħat;

    Tmelliħ f' temperatura ta' bejn 14 u 22 °C għal bejn jumejn u sebgħat-ijiem; huwa permess affumikar moderat bil-kesħa;

    Tnixxif/maturazzjoni f'temperatura ta' bejn 10 u 18 °C, bi żmien totali ta' produzzjoni ta' 10 ġimgħat, valur aw ta' inqas minn 0,92 %, kontenut tal-melħ ta' inqas minn 6 %, tnixxif ta' mill-inqas 33 %, u piż tal-prodott finali ta' aktar minn 2,2 kg.

    Ittestjar organolettiku ta' għażla aleatorja ta' “Kraška panceta”;

    Identifikazzjoni permezz ta' mmarkar tal-ġilda tal-prodotti xierqa;

    Prodotti mmaturati jinżammu f'postijiet mudlama f'temperatura ta' bejn 8 u 10 °C.

    3.6.   Regoli speċifiċi li jikkonċernaw it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

    “Kraška panceta” b'indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) huwa mibjugħ fil-forma ta' biċċiet sħaħ jew nofs biċċiet, immarkat fuq il-ġilda fuq il-parti ta' wara bil-logo “Kraška panceta” Sabiex titjieb id-disponibbiltà għall-akkwirenti (bejgħ ta' delicatessen), il-panceta tista' tiġi maqtugħa f'biċċiet żgħar ta' daqs uniformi. Sabiex jitħarsu l-karatteristiċi organolettiċi tipiċi, il-kulur aħmar tipiku tal-laħam bla xaħam u l-kulur abjad kremuż tax-xaħam tal-bejken, hija ta' importanza kruċjali li jkun hemm superviżjoni teknoloġika dettaljata tal-proċess ta' tqattigħ u ppakkjar tal-“Kraška panceta”. Il-kuntatt mal-arja, fejn il-laħam ikun soġġett għall-proċessi ta' ossidazzjoni, jista' jnaqqas b'mod sinfikanti l-kwalità tal-bejken. Għal dik ir-raġuni, “Kraška panceta” jista' jiġi maqtugħ u kummerċjalment ippakkjat biss f'faċilitajiet reġistrati għall-produzzjoni tal-“Kraška panceta”. Permezz ta' dawn, il-prodott jista' jiġi ppakkjat immedjatament, tista' tiġi evitata l-ossidazzjoni kkaġunata mill-esponiment għall-arja jew temperaturi mhux adegwati u tista' tkun żgurata s-sikurezza bijoloġika meħtieġa u mixtieqa tal-prodott. Din is-sistema tiżgura superviżjoni kontinwa, traċċabbiltà sħiħa u ħarsien tal-karatteristiċi tipiċi tal-“Kraška panceta” li huma tal-akbar importanza għall-awtentiċità u l-fiduċja tal-konsumatur.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar l-ittikkettar:

    Il-produtturi kollha li ġew mogħtija ċertifikati ta' konformità mal-ispeċifikazzjoni ta' produzzjoni huma intitolati li jimmarkaw il-prodotti tagħhom bl-isem u logo “Kraška panceta”. Il-logo jikkonsisti f'immaġni stilizzata ta' bejken bl-iskrizzjoni “Kraška panceta”. In-numru ta' reġistrazzjoni tal-produttur għandu jitqiegħed maġenb il-logo. L-użu tal-logo huwa obbligatorju għall-forom kollha ta' panceta li huma kkummerċjalizzati. Biċċiet sħaħ ta' panceta għandhom ukoll il-marka ta' identifikazzjoni fuq il-ġilda.

    “Kraška panceta” għandu jiġi identifikat ukoll bil-kliem “identifikazzjoni ġeografika protetta” u s-simbolu nazzjonali tal-kwalità.

    4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ta' produzzjoni għall-“Kraška panceta” hija delimitata minn linja li tibda minn Kostanjevica na Krasu sa Opatje selo, minn hemm sal-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Italja u tul il-fruntiera sal-punt tal-qsim tal-fruntiera f'Lipica, minn hemm tul it-triq sal-villaġġ ta' Lokev, imbagħad tul it-triq għal Divača, minn hemm f'linja dritta sal-villaġġ ta' Vrabče u ta' Štjak, Selo, Krtinovica, Kobdilj, u minn hemm f'linja dritta minn Mali Dol għal Skrbina lejn Lipa u Temnica u lura għal Kostanjevica na Krasu. Il-villaġġi kollha msemmija hawn fuq huma parti miż-żona ġeografika.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Karst (Kras) hija waħda mill-ikbar żoni ta' pajsaġġ fis-Slovenja. Iż-żona magħmula minn plateau mmewweġ tal-ġebla tal-ġir b'art tipika tal-Karst (widien, kavitajiet, widien sekondarji, dagħbien u għerien taħt l-art) Il-ħamrija tal-ġir hija karatteristika tal-Karst; fuq dan is-substrat ġiet iffurmata l-famuża ħamrija ħamra tar-reġjun ta' Karst, ta' spiss magħrufa bħala “terra rossa”. Hemm ftit ħamrija fil-wiċċ, li fil-bicca l-kbira hija ġeblija, għalkemm f'xi postijiet jikbru xi ħxejjex, siġar żgħar u foresti rqaq.

    Fir-reġjun ta' Karst, il-prossimità tal-baħar hija influwenza predominanti fuq il-klima. Il-klima Mediterranja moderata tiltaqa' ma' arja kiesħa kontinentali. Il-fluttwazzjonijiet fit-temperatura huma komuni fir-reġjun ta' Karst, fejn ikun hemm influss ta' arja kontinentali kiesħa fiż-żona tal-Mediterran fl-għamla tar-riħ bora ta' Karst. Il-prossimità tal-baħar tfisser li, fix-xitwa, ħafna drabi jkun hemm żieda qawwija fit-temperatura wara granet ta' rjieħ bora kesħin ħafna. Kull meta tinżel il-borra, din malajr tinħall. Il-prossimità tal-baħar għandha effett sinifikanti fuq is-sajf meta jippredomina it-temp ċar u sħun. Id-diversità tal-plateau ta' Karst u l-prossimità immedjata tal-baħar ifissru li dejjem ikun hemm riħ jew żiffa u l-umdità relattiva hija komparattivament baxxa fiż-żona ġeografika.

    Il-kundizzjonijiet naturali taż-żona ġeografika joffru kundizzjonijiet mikroklimatiċi favorevoli għat-tnixxif tal-laħam li n-nies lokali ilhom jisfruttaw minn dejjem. Huma jibbilanċjaw il-kombinazzjoni ġusta tat-temperatura u l-umdità bl-użu ta' kmamar differenti fid-djar ta’ Karst li għandhom ħitan ħoxnin. Il-bdiewa jitrasferixxu pršut (prieżet), panceta (bejken xaħmi) vratovina (għonq tal-majjal), zalzett u prodotti oħra minn kamra għall-oħra f'tiftixa kostanti għall-aħjar kombinazzjoni ta' umdità u temperatura għall-fażijiet teknoloġiċi individwali tal-proċess ta' maturazzjoni. Għaldaqstant, biż-żmien, il-ħiliet tekniċi u l-għarfien prattiku evolvew bl-esperjenza u saru stabbiliti b'mod permanenti fost in-nies lokali.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    L-ispeċifiċità tal-“Kraška panceta” tinsab fil-qatgħa rettangolari li tinkludi parti mis-sezzjoni tas-sider b'disa' sa għaxar partijiet apparenti fejn kienu jinsabu l-kustilji u parti mill-ġenb. Tali qatgħa tipprovdi l-proporzjon ġust bejn laħam bla xaħam u bejken. Il-bejken għandu proporzjon għoli ta' laħam meta mqabbel max-xaħam. Karatteristika speċifika oħra hija li tradizzjonalment intużat biss il-proċedura ta' tmelliħ fin-niexef li tinvoli melħ tal-baħar. Il-proċess ta' tnixxif/maturazzjoni, li ma jinvolvi l-ebda trattament bit-tisħin u li jseħħ f'temparaturi taħt it-18 °C, ifisser li mhemmx deterjorament tal-proteini minħabba s-sħana u li l-fermezza tat-tessut tax-xaħam huwa preservat.

    Flimkien mal-monitoraġġ metikoluż tal-proċess ta' tnixxif/maturazzjoni, dawn il-proċeduri jagħtu kwalità tipika, li għaliha l-“Kraška panceta” huwa apprezzat ħafna mill-konsumaturi u li għamlitha prodott ta' suċċess kummerċjali.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP):

    L-indikazzjoni ġeografika “Kraška panceta” hija bbażata fuq it-tradizzjoni tal-produzzjoni u r-reputazzjoni tagħha.

    Fir-reġjun ta' Karst, il-klima Mediterranja moderata tiltaqa' ma' arja kiesħa kontinentali. Id-diversità fil-formazzjoni tal-plateau ta' Karst u l-prossimità immedjata tal-baħar tfisser li dejjem ikun hemm riħ jew żiffa, li jippromwovu livell komparattivament baxx ta' umdità relattiva. Il-kundizzjonijiet favorevoli ta' tnixxif naturali u d-domanda tas-suq xprunaw lin-nies lokali li jissodisfaw din id-domanda meta jipproduċu biċċiet tal-bejken.

    Hemm tradizzjoni estremament antika tal-ikkurar tal-bejken, kif kien irreġistrat fl-1689. Biż-żmien, il-ħiliet tekniċi evolvew bl-esperjenza, saru stabbiliti b'mod permanenti fost in-nies lokali u għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Grazzi għall-ħidma tagħhom, in-nies tar-reġjun ta' Karst ikkontribwew lejn il-forma rikonoxxibbli standard u l-karatteristiċi organolettiċi tal-“Kraška panceta”.

    Għall-kuntrarju ta' reġjuni oħra fis-Slovenja, il-poplu ta' Karst juża esklussivament tmelliħ fin-niexef u kwantità moderata ta' melħ meta jipproduċi “Kraška panceta”. F'żoni oħra tas-Slovenja, tintuża normalment is-salmura jew kombinazzjoni ta' tmelliħ fin-niexef u fl-imxarrab. Il-proċess tat-tmelliħ fin-niexef u l-perjodu relattivament twil ta' maturazzjoni f'temperaturi baxxi għandhom impatt sinifikanti fuq il-karatteristiċi organolettiċi tipiċi tal-“Kraška panceta”. Grazzi għall-maturità tiegħu u r-riħa u togħma tipiċi tiegħu, il-“Kraška panceta” huwa speċjalità gastronomika li, flimkien mal-prosciutto Karst (Kraški pršut), saret apetajżer standard f'okkażjonijiet ċerimonjali.

    Fl-1977 bdiet era ġdida tal-produzzjoni tal-“Kraška panceta” hekk kif il-produtturi bdew iħaddmu unitajiet ta' produzzjoni mgħammra b'teknoloġija speċjali.

    Xhieda tar-reputazzjoni tal-“Kraška panceta” tinsab f'xogħlijiet differenti tal-letteratura, kotba żgħar ta' tagħrif, fuljetti, eċċ. Lura fl-1978, il-“Kraška panceta” ġie ippreżentat fil-fuljett ta' wieħed mill-produtturi. Dott.Stanislav Renčelj ippreżenta lil “Kraška panceta” fil-kotba “Suhe mesnine narodne posebnosti” (Prodotti tal-laħam imnixxef – speċjalitajiet nazzjonali) (1991), “Kraška kuhinja” (Il-kċina ta' Karst) (1999), “Suhe mesnine na Slovenskem” (Prodotti Sloveni tal-laħam imnixxef ) (2008) u “Okusi Krasa” (Togħmiet ta' Karst) (2009). “Kraška panceta” ġie ppreżentat bħala speċjalità gastronomika Slovena fil-ktieb “Okusiti Slovenijo” (Duq is-Slovenja) ta' Dott Janez Bogataj (2007). Ġie ippreżentat ukoll f'bosta kotba promozzjonali, bħall-pubblikazzjoni fi tliet lingwi “Do odličnosti za dober okus, Slovenija (1998)” (Il-kisba tal-Eċċellenza għall-Gourmet, Slovenja, Dem Exzellenten Genuß Entgegen, Slowenien), f'“Edamus, Bibamus, Gaudeamus” (Proġett Interreg III, 2006), “Kras in Kraške posebnosti” (Karst u speċjalitajiet ta' Karst) (Programm Phare), “Pomlad Kraških dobrot” (It-tkabbir tal-ispeċjalitajiet tal-ikel ta' Karst) (proġett pilota Karst, 2001), “Dobrote Krasa in Brkinov” (Speċjalitajiet tal-ikel fir-reġjuni ta' Karst u Brkini) (Muniċipalità ta' Sežana, 2010), eċċ

    Il-produtturi tal-“Kraška panceta” jieħdu sehem fil-Fiera Internazzjonali Agrikola u tal-Ikel f'Gornja Radgona fejn, matul l-aħħar għaxar snin, il-“Kraška panceta” ġie mogħti għadd ta' rikonoxximenti ta’ livell għoli u premji.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    (Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    http://www.mkgp.gov.si/fileadmin/mkgp.gov.si/pageuploads/Varna_hrana/junij2010/Spec_Kraska_panceta.pdf


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top