EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0387

SMEs: kompetittività u opportunitajiet kummerċjali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Ottubru 2012 dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali (2012/2042(INI))

ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 40–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 68/40


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
SMEs: kompetittività u opportunitajiet kummerċjali

P7_TA(2012)0387

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali (2012/2042(INI))

2014/C 68 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, adottata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa f’Feira tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu ‘Industrial Policy: Reinforcing competitiveness’ (COM(2011)0642),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2011 bit-titolu ‘Negozju Żgħir, Dinja Kbira - sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali’ (COM(2011)0702),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 bit-titolu ‘L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs - L-adattament tar-Regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-mikrointrapriżi’ (COM(2011)0803),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2011 bit-titolu ‘Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa’ (COM(2011)0078),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 bit-titolu ‘L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - Flimkien għal tkabbir ġdid’(COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu 'EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tat-30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (2014-2020) (COM(2011)0834),

wara li kkunsidra ‘Ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2011’ tal-Kummissjoni (COM(2011)0642),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2011 dwar aspetti prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE biex jappoġġjaw lill-SMEs fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar Politika Industrijali għall-Era Globalizzata (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar ir-Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0293/2012),

A.

billi l-mikroentitajiet u l-SMEs, matul perjodu ta’ kriżi ekonomika, ibatu biex jiksbu aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari l-krediti żgħar, biex jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom;

B.

billi 25 % tal-SMEs tal-UE kienu attivi internazzjonalment fi ħdan is-suq uniku iżda 13 % biss kienu attivi internazzjonalment barra mill-UE; billi 24 % biss ta’ ditti mikro jesportaw oġġetti jew servizzi meta mqabbla ma’ 38 % ta’ ditti żgħar u 53 % ta’ ditti ta’ daqs medju;

C.

billi kważi terz mill-piż amministrattiv li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-UE joħroġ minn implimentazzjoni nazzjonali ineffiċjenti, li jfisser li jista’ jiġi ffrankat sa EUR 40 biljun li kieku l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod iktar effiċjenti (5);

D.

billi aktar minn 96 % tal-SMEs fl-Unjoni Ewropea għandhom inqas minn 50 impjegat u inqas minn EUR 10 miljun f’fatturat annwali; billi l-kapaċità tagħhom li jesportaw il-merkanzija u s-servizzi barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom hija limitata, prinċipalment minħabba l-ispejjeż fissi għoljin marbuta mal-kummerċ internazzjonali;

E.

billi 85 % tal-impjiegi ġodda kollha fl-UE bejn l-2002 u l-2010 nħolqu mill-SMEs, b’mod partikolari minn ditti ġodda; billi 32,5 miljun persuna fl-UE huma impjegati għal rashom;

F.

billi l-industrija għandha rwol ewlieni fl-ekonomija Ewropea u l-industrija tiġġenera 25 % tal-impjiegi diretti fis-settur privat tal-UE u hija responsabbli għal 80 % tar-R&Ż privat;

G.

billi l-ħolqien tal-impjiegi f’industriji ekoloġiċi kien pożittiv matul ir-reċessjoni meta mqabbel ma’ ħafna setturi oħra u huwa previst li jibqa’ sod fis-snin li ġejjin (6);

H.

billi l-Internet u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) jiffaċilitaw l-opportunitajiet tal-SMEs biex ibiegħu servizzi madwar id-dinja u għandhom rwol vitali f’li jagħmlu lill-SMEs kontributuri aktar qawwija għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

I.

billi l-Kummissjoni stmat li l-politiki li jippromwovu tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika bħall-politiki tal-effiċjenza tar-riżorsi, l-effiċjenza enerġetika, u t-tibdil fil-klima jistgħu jiġġeneraw aktar minn 9 miljun impjieg sal-2020, b’mod partikolari fis-settur tal-SMEs;

1.    Negozju żgħir - dinja kbira

1.

Jinnota l-isfidi strutturali u regolatorji komuni ffaċċjati mill-SMEs, bħal aċċess għal riżorsi għall-finanzi, tal-kapital uman u organizzattivi; f’dan ir-rigward jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tippromwovi u tappoġġja l-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs fis-suq uniku u fi swieq ta’ pajjiżi terzi; jinnota, b’mod ġenerali, l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandha titqies bħala proċess; jinnota li sabiex jirnexxu fl-espansjoni tan-negozju tagħhom barra mill-UE, l-SMEs jeħtieġu servizzi ta’ pariri primarjament fil-livell lokali tagħhom u mhux biss fi swieq terzi; jenfasizza li din in-neċessità trid tiġi riflessa fil-politiki ta’ appoġġ tal-UE;

2.

Jinnota l-fatt li l-SMEs huma estremament varji; jenfasizza, għalhekk, li waqt it-tfassil ta’ politiki ġodda għall-SMEs, il-Kummissjoni għandha tqis l-isfidi differenti ffaċċjati minn kumpaniji skont id-daqs u s-settur tagħhom;

3.

Ifakkar li, aktar milli n-negozji ta’ daqs ikbar, l-SMEs jibbenefikaw mill-internazzjonalizzazzjoni billi jiġu esposti għall-aħjar prattiki, ikollhom assorbiment aħjar ta’ produzzjoni żejda, ikollhom provvista mtejba ta’ prodotti permezz ta’ importazzjonijiet u għaldaqstant kompetittività aħjar, tant li l-SMEs li jesportaw konsistentement imorru aħjar minn negozji li ma jesportawx u jwasslu għal vantaġġi akbar f'termini ta’ benessri, kemm għall-ekonomija inġenerali kif ukoll għall-konsumaturi;

4.

Jiċħad il-konvinzjoni li l-protezzjoni tal-SMEs fl-UE minn kompetizzjoni internazzjonali tista’ tgħinhom jikbru u jmorru aħjar fil-livell internazzjonali; jemmen minflok li l-UE għandha tappoġġja aġenda pożittiva li tibbenefika lill-SMEs tagħha fin-negozjati internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-ostakoli fuq bażi reċiproka fl-interessi tal-SMEs fid-dinja;

5.

Iqis li l-protezzjoni effettiva tal-SMEs minn prattiki kummerċjali inġusti ta' stati sħab tal-UE hija importanti daqskemm huwa importanti li l-SMEs jiġu megħjuna jinternazzjonalizzaw; jikkunsidra l-internazzjonalizzazzjoni u l-protezzjoni bħala ż-żewġ uċuħ tal-istess munita fil-proċess ta’ globalizzazzjoni;

6.

Jenfasizza li l-Komunikazzjoni missha rrikonoxxiet id-differenzi bejn is-setturi, peress li l-internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs li joffru servizz hija fundamentalment differenti mill-internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs li jimmanifatturaw; jinnota li ħafna SMEs tas-servizzi, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-SMEs, spiss m’għandhomx bżonn jilħqu daqs kritiku biex jibdew jesportaw, u jibbenefikaw fuq kollox minn regolamenti aktar miftuħa u aċċess għall-ICTs fil-pajjiżi destinatarji, billi l-SMEs industrijali jibbenefikaw aktar minn kundizzjonijiet imtejba fil-loġistika tat-trasport u mill-iffaċilitar tan-negozju;

7.

Jinnota li ħafna mill-politiki pubbliċi li jagħtu appoġġ lill-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fl-UE huma ffokati fuq il-manifattura u għaldaqstant jirrakkomanda li jerġgħu jiġu aġġustati biex jikkunsidraw il-ħtiġijiet differenti tal-SMEs tas-servizzi; jirrakkomanda, b’mod partikolari, id-definizzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet ta’ daqs minimu għal programmi li jappoġġjaw in-negozju tal-SME, li ġeneralment kienu bbażati fuq il-mudell tal-esportazzjoni tal-SMEs tal-industrija, li fih l-intrapriża tista' tespandi internazzjonalment wara li tilħaq daqs kritiku;

8.

Hu tal-fehma li, għalkemm il-Komunikazzjoni tipprova tindirizza d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs sabiex jidentifikaw opportunitajiet ta' negozju barra mill-pajjiż, hija ma tenfasizzax biżżejjed li l-għoti ta' gwida, suġġerimenti u inċentivi lill-SMEs sabiex jinternazzjonalizzaw hija triq xierqa tal-azzjoni pubblika; jemmen li l-UE, għal darb'oħra flimkien mal-Istati Membri, għandha tappoġġja u tippromwovi inċentivi biex tiżviluppa l-SMEs f'setturi strateġiċi b'manjiera proattiva billi żżid il-valur lill-inizjattivi diġà eżistenti, speċjalment meta hemm ikkonċernati attivitajiet ta' manifattura b'valur miżjud għoli u teknoloġikament avvanzati li joffru vantaġġ kompetittiv fuq l-ekonomiji emerġenti; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jiġu identifikati swieq speċjalizzati promettenti, ħtieġa li diġà bdiet tiġi integrata f’dokumenti oħrajn tal-politika tal-UE bħar-rapport tal-grupp ta’ livell għoli dwar Teknoloġiji Ewlenija ta’ Appoġġ;

Informazzjoni għal SMEs

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi, malajr kemm jista' jkun, il-portal multilingwi onlajn previst fil-Komunikazzjoni li għandu jkun lest u jopera b’mod sħiħ/kompletament sa mhux aktar tard minn tmiem l-2013; jemmen, filwaqt li jirrikonoxxi l-varjetà kbira ta' SMEs u l-mistoqsijiet tagħhom, li l-portal ma għandux jiddupplika l-portals eżistenti iżda minflok irid joħloq interkonnessjoni bejniethom, għandu jkun aċċessibbli u jintuża faċilment u la għandu jiddupplika portals eżistenti u lanqas ma għandu jikkawża spejjeż ta’ tiftix addizzjonali għall-SMEs; jenfasizza li l-portal aktarx se jkabbar in-numru tal-SMEs tal-UE li għandhom parteċipazzjoni internazzjonali;

10.

Jitlob appoġġ miżjud u aktar effiċjenti għall-SMEs fl-aċċess għas-suq uniku u għas-swieq ta’ pajjiżi terzi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta' promozzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, tal-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tal-parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti pubbliċi, tal-ICT, tal-istandardizzazzjoni u ta’ kwistjonijiet regolatorji; jemmen li n-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi (EEN) huwa strument effettiv sabiex jinkisbu dawn l-objettivi; jaqbel mal-idea li, abbażi ta’ evalwazzjoni bir-reqqa, għandu jiddaħħal fis-seħħ mudell ġdid ta’ governanza għall-EEN bl-għan li tiżdied l-effikaċja, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u ta' ġestjoni u jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta; jemmen li dan l-appoġġ għandu jassisti lill-intrapriżi biex jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa u jiddeffinixxu strateġija għall-espansjoni fis-swieq barranin, u għandu jippromwovi l-kooperazzjoni bejn in-negozji billi jitħeġġeġ it-tqabbil tal-provvista u d-domanda;

11.

Huwa konvint li l-EEN se jimmassimizza biss il-valur tiegħu għall-SMEs fl-UE jekk il-funzjonament u l-governanza tal-organizzazzjonijiet kostitwenti tiegħu jissaħħu u jinħoloq għarfien tas-servizzi ta’ appoġġ tiegħu;

12.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw netwerk uniku ta' helpdesks għall-esportazzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali, li jitmexxew f'kooperazzjoni mal-intrapriżi, mal-kmamar tal-kummerċ, universitajiet u partijiet interessati oħrajn, sabiex l-SMEs ikun jista' jkollhom persuna ta' kuntatt waħda li tkun faċilment identifikabbli u jirċievu, fil-lingwa tagħhom u għall-użu immedjat, parir personalizzat u analiżijiet ekonomiċi tas-swieq barranin, informazzjoni dwar għajnuna, opportunitajiet ta' esportazzjoni, ostakoli eżistenti għall-kummerċ (kemm tariffarji kif ukoll mhux tariffarji), protezzjoni tal-investiment u dispożizzjonijiet fis-seħħ għas-soluzzjoni tat-tilwimiet, formalitajiet amministrattivi u kompetituri fis-swieq terzi; jemmen li dawn il-helpdesks għandhom jikkontribwixxu għall-iskambju tal-aħjar prattiki, skont il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar;

13.

Jirrakkomanda li tingħata aktar informazzjoni lill-intrapriżi żgħar u mikro, li huma l-grupp tal-SMEs li hu l-anqas attiv internazzjonalment u l-anqas konxju mill-potenzjal tiegħu għall-esportazzjoni u mill-benefiċċji li jista' jgawdi mill-internazzjonalizzazzjoni;

Immappjar tas-servizzi ta’ appoġġ

14.

Jaqbel mal-idea li programmi ta’ appoġġ iffinanzjati minn riżorsi pubbliċi għandhom jitwasslu fl-iktar forma kosteffikaċi possibbli, speċjalment f’mument meta l-ekonomija tal-UE għadha qed tirkupra mill-agħar kriżi f’għexieren ta’ snin; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-kwalità tal-programmi għandha tal-inqas tibqa' fl-istess livell;

15.

Jappoġġja l-proposta li numru kbir ta’ skemi ta’ appoġġ lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom jgħaddu minn "eżerċizzju ta’ mmappjar"; jemmen li dan l-eżerċizzju għandu jinkludi inizjattivi mis-settur privat u lokali biex jgħinu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, b'mod partikolari inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess għal self għal intrapriżi mikro, kif ukoll valutazzjoni tal-effikaċja tal-iskemi ta' appoġġ eżistenti tal-UE; jemmen li l-immappjar għandu jitwettaq f’intervalli regolari u jservi bħala bażi għal sistema ta’ punt ta’ riferiment u ta’ tabella ta’ valutazzjoni; jemmen li l-eżerċizzju inizjali tal-immappjar għandu jservi bħala bażi għal valutazzjoni tal-effettività ta’ skemi eżistenti ta’ appoġġ tal-UE; jinnota li kwalunkwe eżerċizzju tal-immappjar jista' ma jinkludiex l-inizjattivi kollha, b'mod partikolari jekk ikunu żgħar jew informali u jekk in-nefqa u/jew prattikabilità ta' dan ma tkunx vijabbli;

16.

Jistenna l-ewwel proposti speċifiċi sal-aħħar tal-2012 sabiex jiġu organizzati u kkoordinati l-iskemi eżistenti ta’ appoġġ tal-UE sabiex isiru iktar effettivi u jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-SMEs tal-UE; jemmen li l-azzjoni tal-UE għandha tevita kwalunkwe dupplikazzjoni jew żvilupp ta’ strutturi paralleli u turi valur miżjud Ewropew ċar; jemmen li l-istrutturi ta’ appoġġ nazzjonali eżistenti għandhom jiġu rrispettati b’osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jemmen li s-servizzjar ta’ SMEs uniċi tal-UE għandu jiġi ffukat fuq l-organizzazzjoni identifikata bħala l-aktar waħda qrib il-ħtiġijiet individwali tan-negozju tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tinforma regolarment lill-kumitati responsabbli tal-Parlament Ewropew dwar il-progress ta’ dan l-eżerċizzju kontinwu;

17.

Jinnota li attività ġdida bħal din tal-UE għandu jkollha valur miżjud ippruvat fuq l-istrumenti eżistenti; jemmen li tali valur miżjud jista’ jinsab fejn ikun hemm falliment tas-suq ġeografiku jew sostantiv (‘blank spots’) jew fejn rappreżentanza tal-interessi tal-politika kummerċjali tal-UE jew sforzi biex tinġabar informazzjoni għal bażi ta’ data għall-aċċess tas-suq, jeħtieġ li jissaħħu;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-SMEs isiru sidien konġunti fir-reviżjoni tal-qafas ta’ appoġġ eżistenti; jistieden lill-SMEs, flimkien mal-EEN u l-organizzazzjonijiet tan-negozju tal-UE, ikunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni ta' din ir-reviżjoni;

19.

Jinsisti li l-għodod attwalment disponibbli għall-kumpaniji kollha tal-UE meta jesportaw, bħall-Bażi ta' Dejta għall-Aċċess fis-Suq u l-Helpdesk għall-Esportazzjoni, għandhom ikunu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-SMEs; japprezza l-ftuħ ta' helpdesk iddedikat għall-SMEs għal kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' strumenti għad-difiża tal-kummerċ (il-helpdesk TDI tal-SMEs); jirrakkomanda li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn id-diversi strutturi ta’ appoġġ tal-SMEs Ewropej fil-pajjiżi terzi;

20.

Iqis li s-soluzzjonijiet prattiċi u kosteffettivi li jgħinu lill-SMEs jegħlbu n-nuqqas ta' kapital imħaddem, speċjalment il-kapital biex isir l-investiment inizjali meħtieġ u sabiex tibda tiġi ffinanzjata l-esportazzjoni, għandhom ikunu mfassla u implimentati permezz tal-politika kummerċjali komuni tal-UE jew strument ieħor xieraq tal-UE, jekk abbażi tal-immappjar jirriżulta li dan huwa meħtieġ u fattibbli;

21.

Jemmen li filwaqt li jsir użu effettiv tal-istrutturi nazzjonali eżistenti, l-inizjattivi tal-UE huma meħtieġa fis-swieq terzi fejn jintwera li jkun hemm valur miżjud; jinkoraġixxi l-kooperazzjoni fost l-esperti kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi t-Tims għall-Aċċess tas-Suq tal-UE; jemmen li SMEs minn uħud mill-Istati Membri iżgħar u aktar ġodda qegħdin fi żvantaġġ minħabba li dawn jistgħu ikunu neqsin minn rappreżentanza diplomatika, minn sħab ta' esperjenza jew mit-tnejn f'ċerti swieq terzi; jenfasizza, madankollu, li l-inizjattivi tal-UE m'għandhomx jinterferixxu fil-kompetizzjoni bejn kumpaniji individwali minn Stati Membri differenti fi swieq terzi;

22.

Jenfasizza li l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs hija proċess u sabiex ikollha suċċess, l-SMEs diġà jeħtieġu servizzi ta’ appoġġ fil-livell lokali u mhux biss fi swieq terzi; jirrikonoxxi li fi swieq terzi, sforzi komuni tal-UE dwar lobbying, il-politika kummerċjali u l-aċċess għas-suq, kif ukoll programmi kumplimentari biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-suq, jistgħu jżidu valur sostanzjali f’dan il-proċess;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tevita dupplikazzjoni, toħloq strutturi ġodda biss wara li tkun għamlet rieżami tal-fondi, inventarju tas-servizzi konsultattivi disponibbli fl-Istati Membri u analiżi xierqa tal-effikaċja tagħhom, kif ukoll kwalunkwe ħtieġa ppruvata għall-ħolqien ta’ strutturi ġodda;

Il-Promozzjoni ta’ raggruppamenti u netwerks tal-UE

24.

Jappoġġja s-suġġeriment tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn assoċjazzjonijiet tal-kumpaniji differenti, il-kmamar tal-kummerċ u atturi oħrajn attivi fis-suq uniku u f'pajjiżi terzi sabiex ikunu ffaċilitati s-sħubijiet kummerċjali u jiġu promossi r-raggruppamenti u l-aċċess għas-swieq ġodda, filwaqt li jitħeġġeġ il-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni mil-livell ta' negozji individwali għal dak tan-netwerks jew ta' katini ta’ sistemi f’postijiet differenti, biex jiġu promossi proġetti ta’ internazzjonalizzazzjoni aktar kumplessi u li jservu aktar u li jkunu jinvolvu numru ta’ intrapriżi u organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi ta’ appoġġ oħra;

25.

Jenfasizza l-importanza tat-territorju li fih l-impriżi żgħar u medji joperaw u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw b’mod kontinwu mal-awtoritajiet lokali biex isaħħu n-netwerking;

26.

Iqis li għandhom jinħolqu proġetti konġunti jew ftehimiet oħra ta’ assoċjazzjoni bejn jew mal-SMEs bħala strateġija biex jidħlu fi swieq ġodda, jiżviluppaw proġetti ta’ investiment dirett fis-suq uniku u f'pajjiżi terzi u jieħdu sehem fis-sejħiet għal offerti; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza riżorsi sabiex tippromwovi din il-kooperazzjoni transnazzjonali;

27.

Jinnota li r-raggruppamenti u n-netwerks jistgħu, ħafna drabi, jinħolqu kemm b’mod virtwali kif ukoll fiżikament; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa sabiex jiffaċilitaw ir-raggruppamenti u n-netwerks virtwali;

28.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw b’mod attiv ir-rwol tal-Kummissjoni fl-għoti ta’ spinta lill-aċċess tal-SMEs għal swieq ta’ pajjiżi terzi f’forums u konferenzi internazzjonali;

Passi futuri

29.

Jirrakomanda li l-Kummissjoni tqis id-dimensjonijiet kollha relatati mal-internazzjonalizzazzjoni, jiġifieri l-esportazzjoni u l-importazzjoni inklużi diversi forom ta’ sħubijiet u kooperazzjoni ekonomika; jinnota li m’hemmx enfasi suffiċjenti fuq din it-tieni dimensjoni fil-Komunikazzjoni;

30.

Jitlob integrazzjoni akbar tal-politiki komunitarji b’appoġġ għall-SMEs b’referenza partikolari għall-innovazzjoni, it-tkabbir, l-internazzjonalizzazzjoni, il-produttività, it-trażżin tal-ispejjeż u t-tnaqqis tal-burokrazjija, il-kwalità tal-kapital uman u r-responsabilità soċjali;

31.

Jilqa' l-programm il-ġdid għall-kompetittività tal-SMEs (COSME); jinnota l-azzjonijiet ta' suċċess tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); jemmen li dawn l-azzjonijiet – bħall-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għat-Tnaqqis tal-Piż Amministrattiv u n-Netwerk Ewropew għall-Impriżi - għandhom jitkomplew u jiġu estiżi aktar taħt il-programm il-ġdid; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u jissaħħaħ ir-rwol li jista' jwettaq is-settur privat; jitlob is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tad-diversi strumenti Komunitarji ddedikati għall-aċċess għal kreditu, garanziji jew ta’ kapital ta’ riskju, b’mod partikolari għal SMEs bi pjanijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni; jitlob rieżami tal-ispejjeż u d-disponibilità ta' servizzi bankarji bażiċi għall-SMEs involuti fil-kummerċ transkonfinali – speċjalment munita differenti – inkluż barra mill-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jesploraw il-possibilità li jużaw partijiet mid-dħul fiskali korporattiv nazzjonali tagħhom biex jiffaċilitaw l-aċċess għal garanziji ta' self għall-SMEs; jenfasizza li l-istrumenti kollha, b’mod partikolari l-istrumenti li mhumiex finanzjarji, għandhom jiġu adottati abbażi ta’ evalwazzjoni kritika tas-CIP u b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet tal-SMEs;

32.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi allokat baġit suffiċjenti għall-COSME fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF), filwaqt illi jikkunsidra b’mod partikolari n-nuqqasijiet sinifikanti fis-suq fir-rigward tal-finanzjament tal-SMEs u l-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ tal-UE għal trasferimenti tan-negozju; jemmen f’dan ir-rigward li d-delineazzjoni bejn il-COSME u l-Orizzont 2020, f’termini ta’ attivitajiet u baġit, jixirqilha aktar konsiderazzjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-orjentazzjoni għall-SMEs;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibilità ta' faċilitajiet suffiċjenti ta' garanzija għat-trasport ikunu disponibbli għall-SMEs;

34.

Jinnota l-importanza ta’ intraprendituri tas-sengħa u mħarrġa fl-iffaċċjar tal-isfidi tal-kummerċ internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-programm ‘Erasmus għal Intraprendituri żgħażagħ’ u biex tesplora l-possibbiltà ta’ ‘Erasmus Mundus għal Intraprendituri’ biex l-intraprendituri b’talent ikollhom l-opportunità li jiksbu l-esperjenza, u jistabbilixxu netwerk ma’ ċentri ta’ eċċellenza barra mill-UE, anke permezz ta’ taħriġ kulturali għoli ta’ impriża li tippermetti li jkun hemm viżjoni intraprenditorjali fuq livell internazzjonali biex jakkwistaw l-istrumenti meħtieġa u fundamentali biex jikkompetu f’suq globali. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw, fil-programm “Erasmus għal kulħadd”, lill-intraprendituri żgħażagħ u l-politiki industrijali permezz ta' politiki tal-UE relatati mal-programm;

35.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-istandardizzazzjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema iktar koerenti ta’ standards internazzjonali sabiex tiġi permessa l-interoperabbiltà u jitnaqqsu l-ostakoli għall-SMEs li jieħdu direzzjoni internazzjonali;

36.

Jappoġġja sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni li tinkludi lill-SMEs b’mod aktar sistematiku fil-proċessi tat-tfassil tad-deċiżjonijiet, filwaqt illi tirrispetta l-prinċipju ppruvat ta’ delega nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex l-istandards żviluppati mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni jkunu aktar aċċessibbli, u bi prezz orħos għall-SMEs, sabiex titħalla l-interoperabilità u jitnaqqsu ftit mill-ostakoli ffaċċjati mill-SMEs li jieħdu direzzjoni internazzjonali; jenfasizza li l-adattament ta’ politika ta’ standardizzazzjoni tal-ICT tal-UE għall-iżviluppi tas-suq u tal-politika huwa strument ewlieni għall-involviment tal-SMEs fin-negozju elettroniku, fil-kummerċ elettroniku, fit-trasport elettroniku tal-merkanzija u fis-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS), eċċ.;

37.

Jenfasizza li sistema ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) u tad-dritt tal-awtur sempliċi u effiċjenti hija kruċjali għall-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; jikkunsidra li l-SMEs jeħtieġu protezzjoni effettiva tal-IPR biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda bħala l-bażi għall-attivitajiet internazzjonali tagħhom;

38.

Jenfasizza n-nuqqas ta' riżorsi għad-dispożizzjoni tal-SMEs sabiex jiġġieldu l-ksur tal-IPR li jikkonċernahom fis-swieq terzi; jappella biex jittieħdu inizjattivi konkreti min-naħa tal-UE biex tittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-SMEs f’dawn il-pajjiżi terzi, kif inkiseb bil-helpdesk tal-IPR tal-SMEs fiċ-Ċina; josserva li dan il-mudell ta' helpdesk bħalissa qed jiġi estiż, f'inizjattiva pilota, għal xi pajjiżi tal-ASEAN u tal-Amerika t'Isfel; jenfasizza l-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-helpdesks eżistenti, bil-ħsieb li l-funzjonament tal-mudell jiġi ottimizzat qabel ma dan jiġi estiż aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, ladarba jittieħdu l-lezzjonijiet minn din l-evalwazzjoni, tadotta helpdesks simili fis-swieq prijoritarji fejn l-IPR hija kwistjoni importanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni doganali fl-UE u mal-pajjiżi terzi, dwar is-sekwestru ta' prodotti ffalsifikati, u jissemplifikaw il-proċeduri doganali;

39.

Jinnota l-importanza tal-ħolqien ta' qafas regolatorju simplifikat u trasparenti tal-UE għall-akkwist pubbliku, sabiex l-SMEs jiksbu aċċess aħjar għal kuntratti pubbliċi, kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss" u l-użu tas-sistemi ta' trażmissjoni elettronika, kif ukoll bl-applikazzjoni tal-"Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għall-Iffaċilitar tal-Aċċess mill-SMEs għall-Kuntratti tal-Akkwist Pubbliku"; iqis li l-akkwist pubbliku huwa strument effettiv ta’ politika pubblika bħala appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni teknika tal-SMEs nazzjonali u li jipprovdi għat-tkabbir tagħhom sad-daqs meħtieġ biex jibdew il-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni; jitlob għal definizzjoni aħjar tal-offerti kif ukoll għall ftuħ tas-servizzi għall-offerti pubbliċi;

40.

Jistenna li l-Kummissjoni tieħu inizjattiva biex tiżgura li l-SMEs tal-UE jgawdu minn aċċess għall-akkwist pubbliku fis-swieq terzi fuq livell ekwu ma' kumpaniji oħrajn; jittama li l-proposta għal regolament ippubblikata riċentement dwar is-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE se trawwem reċiproċità fil-ftuħ, li tkun ta' benefiċċju għall-SMEs tal-UE; jitlob sabiex l-UE tiżviluppa politika industrijali komuni u ambizzjuża bbażata fuq il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, li tkun tibbenefika minn finanzjamenti innovattivi bħal bonds tal-proġetti, u tkun tappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs, b’mod partikolari permezz tal-aċċess għall-akkwist pubbliku, sabiex iżommu l-kompetittività tagħhom vis-à-vis atturi ewlenin ġodda fil-qasam tal-industrija u tar-riċerka; jistieden lill-UE tivvalorizza l-produzzjoni Ewropea billi tipprovdi informazzjoni ta’ kwalità aħjar lill-konsumaturi, speċjalment permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal-“Immarkar tal-Oriġini” dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti impurtati fl-UE;

41.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jiffinalizzaw, malajr kemm jista' jkun, u sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2012, ftehim dwar is-sistema komuni tal-privattivi, minħabba li huwa vitali li l-UE toffri lin-negozji aċċess faċli u affordabbli għall-protezzjoni tal-privattivi fis-suq uniku, simili għal dak tal-kompetituri tagħhom fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u fil-Ġappun;

42.

Jirrakkomanda li ċ-Ċentri eżistenti tal-UE għall-SMEs għandhom jiżdiedu biss jekk jitqiesu l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività taċ-Ċentri eżistenti u l-prinċipji ġenerali ta' gwida; jinnota li dawn iċ-Ċentri jiffunzjonaw aħjar jekk ikunu kkombinati ma' helpdesks konġunti maħsuba għall-ħtiġijiet tal-SMEs tal-UE u bħala one-stop-shops b'punti ta' kuntatt uniċi għalihom fil-pajjiżi terzi; iqis li l-inizjattivi tal-UE għandhom ikunu ffukati fuq oqsma fejn l-SMEs jistgħu fil-fatt joperaw;

43.

Jitlob definizzjoni aktar ċara ta’ swieq ta’ prijorità għall-SMEs fuq il-bażi tal-aġenda għan-negozjati tal-kummerċ fl-UE; ifakkar li s-swieq ta’ prijorità għandhom bla dubju ta’ xejn jinkludu swieq b’rata għolja ta’ tkabbir, bħall-BRICs iżda jikkunsidra wkoll il-perċezzjoni tal-SMEs dwar opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni fil-pajjiżi żviluppati u fir-reġjuni ġirien; għaldaqstant jara t-tkabbir ta’ swieq ospitanti u l-vojt fl-istrutturi ta’ appoġġ eżistenti bħala l-kriterji ewlenin biex titfassal il-lista ta' swieq ta’ prijorità; jirrakkomanda li għadd ta' pajjiżi ġirien tal-UE, speċjalment dawk fil-Balkani tal-Punent u fl-inħawi tal-Mediterran jew dawk li għandhom fruntieri mal-UE, għandhom jiżdiedu mal-lista, peress li l-biċċa l-kbira tal-SMEs għall-ewwel jesportaw lil sħab kummerċjali fil-pajjiżi ġirien, u billi l-kummerċ tal-UE ma' dawk il-pajjiżi għandu rwol kbir fit-tkabbir u l-istabilità ta' dawn il-pajjiżi;

44.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħtiġijiet u l-interessi speċifiċi tal-SMEs ikunu riflessi fin-negozjati tal-kummerċ kollha; josserva li din għandha timplika l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ negozjati fejn il-problemi jaffettwaw aktar SMEs milli kategoriji oħra ta’ negozji u li jingħataw attenzjoni fil-proċess ta’ negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi; jappoġġja riforma tal-qafas multilaterali għall-involviment tal-SMEs fid-WTO u għall-iżgurar ta’ sistema ta' arbitraġġ u soluzzjoni tat-tilwim b'mod aktar mgħaġġel għall-SMEs;

45.

Jenfasizza li l-investiment barra l-pajjiż huwa l-iżjed forma impenjattiva ta’ internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs; jirrakkomanda li, meta fil-futur l-UE tiġi biex tinnegozja trattati ta’ investiment bilaterali, għandha titqiesil-ħtieġa tal-SMEs għal sikurezza akbar fl-investimenti diretti barranin tagħhom;

46.

Iqis li aċċess tal-SMEs li jkun aħjar, aktar rapidu u jiswa' anqas, għall-proċeduri tal-antidumping, bħala fundamentali biex jitħarsu minn prattiki kummerċjali inġusti min-naħa ta' sħab kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq dan it-tħassib meta tkun qed tirriforma t-TDIs tal-UE;

47.

Japprezza l-inizjattivi biex jitrawmu l-kuntatti bejn in-negozji previsti fil-ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles; ifakkar li l-isfidi tas-sejbien u l-kuntatt ta’ klijenti potenzjali barra l-pajjiż, u tal-istabbiliment ta’ katini ta' provvista affidabbli, huma ta' problema kbira għall-SMEs li jixtiequ jidħlu fis-swieq tal-esportazzjoni u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi mikro jserrħu fuq intermedjarji biex ibiegħu l-prodotti barra l-pajjiż.

2.    Il-piżijiet amministrattivi

Approċċ regolatorju

48.

Jilqa’ l-kisba tal-mira tal-2012 dwar l-imminimizzar ta’ piżijiet amministrattivi iżda jemmen li hemm ħafna aktar x’jista’ jinkiseb; iħeġġeġ il-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u toħroġ b'mira ta' tnaqqis ġdida u ambizzjuża skont l-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" u l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir"; iqis li din il-mira l-ġdida għandha tkun mira netta, li tikkunsidra l-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata wara li tkun stabbilita l-mira; jirrakkomanda li l-mira l-ġdida għandha tkun tista' titkejjel u verifikabbli, u għandha tikseb titjib kwalitattiv, pereżempju billi tnaqqas l-ammont ta’ dokumentazzjoni meħtieġa mill-SMEs u sabiex tiżgura li l-SMEs ma jiġux iffaċċjati b’dati ta’ skadenza mhux realistiċi għat-tressieq tad-dokumentazzjoni; jemmen li l-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti għandu jkollu rwol ewlieni u kontinwu fis-superviżjoni tal-progress dwar din it-tip ta' mira ta' tnaqqis.

49.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw ftehimiet li jippermettu li l-SMEs joperaw fl-Ewropa kollha u jikkumerċjalizzaw l-ideat tagħhom billi jagħtuhom aċċess aħjar għas-swieq u jnaqqsu l-burokrazija;

50.

Jenfasizza d-diżappunt tiegħu dwar l-applikazzjoni fqira u inkonsistenti tat-test tal-SME mill-Kummissjoni; jinsisti li t-test tal-SME għandu jiġi kkaratterizzat b’mod sistematiku bħala kapitolu fiss tal-valutazzjoni tal-impatt; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara għaliex ma twettaq l-ebda test tal-SME kif suppost għall-pakkett tal-protezzjoni tad-data u sabiex tieħu azzjoni mgħaġġla u konkreta biex dan in-nuqqas jiġi rettifikat;

51.

Jappoġġja bis-sħiħ l-attenzjoni fuq il-mikrointrapriżi f’test tal-SMEs imsaħħaħ, u jinnota li l-kunċett tal-esklużjoni tal-intrapriżi mikro b'kontumaċja minn kull leġiżlazzjoni proposta; jemmen, madankollu, li eżenzjoni tista' tiġi applikata biss, meta l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi mikro ma jistgħux jiġu indirizzati b’soluzzjonijiet adattati u reġimi eħfef, kif muri bit-test tal-SME; jinsisti, għaldaqstant, dwar il-istabbiliment ta' mikrodimensjoni bħala parti inerenti tat-test tal-SME sabiex l-opzjonijiet kollha disponibbli jiġu vvalutati b’mod sistematiku; ifakkar li kwalunkwe eżenzjoni jew soluzzjoni adattata ma għandhiex ixxekkel ir-rekwiżiti fundamentali tal-UE għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-drittijiet fundamentali tal-UE għall-ħaddiema jew il-prinċipji fundamentali tal-leġiżlazzjoni ambjentali; jenfasizza li meta l-intrapriżi mikro jiġu inklużi bis-sħiħ fl-ambitu ta' dispożizzjoni, ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom għandu għalhekk jintwera biċ-ċar fir-riżultati tat-test tal-SME;

52.

Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni iktar armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni sabiex jitnaqqas l-ambitu għall-gold-plating u għal użu iktar sistematiku tat-test tal-SME; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt l-applikazzjoni tal-"lista’ ta’ kontroll għall-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni tal-UE" (7) tista’ tiġi introdotta bħala rekwiżit għall-Istati Membri għall-benefiċċju tas-suq uniku;

53.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali japplikaw approċċ ta’ ‘kkonforma jew spjega’ simili għad-dispożizzjonijiet ta’ governanza korporattiva; jenfasizza li, skont dan l-approċċ, il-gvernijiet se jkunu meħtieġa li jiġġustifikaw kif mistħoqq l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali għal dawk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

54.

Jiddispjaċih li ftit Stat Membri biss japplikaw b’mod sistematiku test tal-SME fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet nazzjonali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tissottometti, u lill-Kunsill biex jappoġġja, proposta għal rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni ta’ testijiet tal-SME fil-livell nazzjonali, abbażi tat-test tal-SME applikat mill-Kummissjoni kif ukoll abbażi tal-aħjar prattiki nazzjonali;

55.

Jitlob "verifika tas-saħħa" tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE sabiex jitwarrbu l-inkonsistenzi u r-regoli li skadew jew li mhumiex effettivi;

56.

Jitlob, fil-kuntest ta' verifiki tas-saħħa, l-identifikazzjoni ta' żoni karatterizzati minn piżijiet eċċessivi, inkonsistenzi jew leġiżlazzjoni ineffettiva li għandhom impatt negattiv fuq l-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ilħuq tal-objettivi tas-saħħa, is-sikurezza u l-ugwaljanza kif ukoll tad-dispożizzjonijiet soċjali;

57.

Jappoġġja b’mod qawwi l-idea ta’ "wieħed ġewwa, wieħed barra" bħala prinċipju gwida għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq uniku, sabiex jiġi żgurat li ma tkun tista’ tiddaħħal l-ebda leġiżlazzjoni ġdida li timponi spejjeż fuq SMEs mingħajr l-identifikazzjoni tar-regolamenti eżistenti fi ħdan qasam imsemmi u ta’ valur ekwivalenti li jista’ jitneħħa;

58.

Jitlob it-tisħiħ tar-rwol tan-netwerk tal-SME Envoy minħabba li jagħti valur miżjud reali lill-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew, mill-formulazzjoni tal-politika sal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-amministrazzjoni nazzjonali jiżguraw li Envoys tal-SME jkunu jistgħu jaġixxu b’mod indipendenti u jsegwu approċċ trasversali biex jiżguraw li l-interessi tal-SMEs fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-liġi u l-politika jkunu qed jiġu kkunsidrati; jinsisti li l-Envoys tal-SME jiġu involuti b’mod qawwi fil-proċeduri tat-test tal-SME; barra minn hekk, iħeġġeġ it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi biex jġibu flimkien l-SMEs tal-UE, u jitlob li jitqiesu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi amministrattivi u leġiżlattivi;

59.

Jenfasizza l-importanza ta' diskussjonijiet mas-sħab soċjali matul l-ippjanar ta' miżuri nazzjonali mmirati biex isaħħu u jippromwovu l-intraprenditorija żgħira u medja;

Id-definizzjoni tal-SME

60.

Jinnota l-evalwazzjoni attwali tad-definizzjoni tal-SME, li diġà tkopri iktar minn 99 % tan-negozji kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-impatt ta': a) iż-żieda tal-flessibbiltà u t-tnaqqis tad-diżinċentivi għat-tkabbir (eż. billi l-perjodi tat-tranżizzjoni jiġu estiżi sa 3 snin), b) l-adattament tal-fatturat u limiti massimi tal-karta tal-bilanċ għal żviluppi ekonomiċi, u c) il-konsiderazzjoni iktar differenzjata ta’ kull waħda mis-sottokategoriji;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien mal-attivitajiet ta’ esportazzjoni jew importazzjoni, joħolqu reġim tal-Visa għalihom stess fil-qafas tal-Ftehim ta’ Schengen;

Miżuri oħrajn

62.

Jenfasizza li s-suq uniku huwa fattur ewlieni fil-ħolqien tal-aħjar ambjent possibbli għall-SMEs; jiddeplora li għadu mhuwiex realtà f’ħafna żoni, b’mod partikolari d-dimensjoni diġitali tiegħu; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex jiġi implimentat is-suq uniku diġitali sal-2015, biex l-Istati Membri jiġu sfurzati jimplimentaw leġiżlazzjoni eżistenti u biex jagħmlu proposti ġodda fejn għadha ma teżistix il-leġiżlazzjoni tas-suq intern, b'mod partikolari bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija sabiex isir negozju;

63.

Jitlob lill-Kummissjoni taċċellera l-links broadband ta’ veloċità għolja fir-reġjuni tal-UE sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni massima tal-SMEs f’suq intern li qed jiġi diġitalizzat;

64.

Jirrikonoxxi li l-cloud computing jista’ jagħti spinta sinifikanti lill-effiċjenza u lill-produttività tal-SMEs; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas għall-Ewropa kollha rigward il-cloud computing li jkun miftuħ għal clouds globali oħra;

65.

Jiddispjaċih li l-UE qiegħda lura meta mqabbla ma’ atturi globali oħra bħall-Ġappun u l-Korea t’Isfel, bi 2 % biss tal-konnessjonijiet tal-Internet li qed joperaw bil-fiber; għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jaċċelleraw il-firxa u l-adozzjoni tal-broadband b’veloċità għolja ħafna;

66.

Jirrikonoxxi li l-kummerċ elettroniku huwa strument ewlieni għal SMEs li jridu jidħlu fi swieq ġodda u jespandu l-bażi ta’ klijenti tagħhom; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kummerċ elettroniku transkonfinali pereżempju billi toħloq sistema ta’ ħlas onlajn affidabbli, sigur u effiċjenti;

67.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-UE tipprovdi lill-SMEs u lill-intraprendituri bil-fiduċja u l-mezzi biex iwettqu kummerċ onlajn sabiex jiżdied il-kummerċ transkonfinali; għalhekk jitlob li jiġu ssimplifikati s-sistemi tal-liċenzji u li jinħoloq qafas effiċjenti għad-dritt tal-awtur;

68.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-moviment liberu tas-servizzi billi testendi u timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar is-Servizzi sabiex tagħti possibbiltà reali lill-SMEs u lill-intraprendituri biex jiżviluppaw u jbiegħu servizzi u prodotti lil 500 miljun konsumatur tal-UE;

69.

Jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw il-benefiċċji offruti mill-amministrazzjoni elettronika u biex jiġu introdotti soluzzjonijiet ta' governanza elettronika;

70.

Jinkoraġġixxi lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju u partijiet interessati oħra, biex jistabbilixxi premju annwali fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji biex jiġi onorat il-Membru u/jew l-Istat Membru fil-qafas tas-Semestru Ewropew, li applika l-prinċipju ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ bl-iktar mod effettiv u li jirnexxi;

71.

Jitlob is-semplifikazzjoni tal-istrumenti tal-UE għall-SMEs u sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli; jinnota li ħafna drabi, il-programmi tal-UE jistgħu jkunu burokratiċi wisq biex jiġu sfruttati mill-SMEs;

72.

Jenfasizza li huwa meħtieġ li jiġu implimentati u applikati miżuri estensivi ta' simplifikazzjoni, inklużi metodi ta' rimborż simplifikati, sabiex l-SMEs jingħataw għajnuna biex jieħdu sehem fi programmi ffinanzjati mill-UE;

3.    Ir-rinfurzar tal-kompetittività industrijali u tal-SMEs

73.

Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu ‘Industrial policy: Reinforcing competitiveness’ (COM(2011)0642), kif ukoll id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar ‘il-protezzjoni tal-kompettitività’ (SEC(2012)0091;

74.

Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni bdiet timplimenta l-prova ta’ kompetittività u evalwazzjoni ex-post ta’ leġiżlazzjoni; jinsisti li l-Kummissjoni tapplika dan il-kunċett b’mod konsistenti u bir-reqqa, anke fil-każijiet fejn il-bidliet fid-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea jkollhom impatt fuq il-kompetittività industrijali (pereżempju bl-emendi tar-regoli dwar il-bejgħ bl-irkant fl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet); jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress li jinkiseb f’dan il-qasam;

75.

Jemmen li għandhom jiġu organizzati kampanji ta’ promozzjoni reġjonali bl-għan li titħeġġeġ l-intraprenditorija, bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet lokali tal-intraprendituri, fejn jiġu ppreżentati l-prattiki tajba fil-qasam u jiġu organizzati diskussjonijiet madwar il-mejda ma' persuni intraprenditorjali li kisbu suċċess, sabiex issir magħrufa l-kultura intraprenditorjali fir-reġjun;

76.

Jenfasizza li l-kummerċ ħieles u l-aċċess għas-swieq globali huma katalisti importanti għall-impjiegi u t-tkabbir, u huma fattur deċiżiv li jippermetti li l-SMEs tal-UE jsiru mexxejja fis-swieq dinjija; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-progress fin-negozjati dwar il-kummerċ li jkomplu jnaqqsu l-ostakoli regolatorji għall-kummerċ, li jaffettwaw lill-SMEs b’mod sproporzjonat.

77.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza tas-settur tal-manifattura għal tkabbir u impjieg sostenibbli fl-UE fid-diversi strateġiji u komunikazzjonijiet tagħha; itenni l-ħtieġa ta’ politika industrijali integrata abbażi tal-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali u l-appoġġ tat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u reżiljenti;

78.

Jindika l-importanza li jiġi mħeġġeġ fil-livell lokali u reġjonali l-involviment tal-SMEs fil-pjanijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u ambjentali minħabba li l-applikazzjonijiet f’dawn is-setturi se jżidu l-opportunitajiet tan-negozju b’mod sinifikanti;

79.

Jirrikonoxxi li jekk l-Istati Membri għandhom jiksbu l-miri ta' Ewropa innovattiva, intelliġenti u inklussiva msemmija fl-istrateġija UE 2020, hemm bżonn li jittieħed kont, u jiġi ffaċilitat il-ħolqien, ta' SMEs u intrapriżi mikro, peress li dawn għandhom potenzjal kbir biex joħolqu l-impjiegi, b'mod partikolari impjiegi għaż-żgħażagħ, u b'hekk biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li, li tkun impjegat indipendenti u twaqqaf negozji mikro tista' tkun għażla flessibbli, partikolarment għan-nisa;

80.

Jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom rwol importanti biex jilħqu l-istabbiltà, il-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali, partikolarment f'żoni li jaffrontaw impatti negattivi fl-iżvilupp demografiku tagħhom; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-SMEs biex joħolqu klima tax-xogħol li tħeġġeġ lill-ħaddiema jkunu konformi mal-istandards tad-drittijiet tax-xogħol, u l-ħarsien tal-ħaddiema u tas-saħħa, biex b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-prosperità soċjali;

81.

Jenfasizza li aċċess aktar faċli għall-mikrokreditu permezz tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament, u l-iżvilupp ulterjuri ta' dan l-istrument fil-kuntest tal-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali għall-perjodu 2014-20 u l-futur tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), għandhom jitħeġġu, sabiex b'mod partikolari, il-fundaturi tal-intrapriżi mikro minn sezzjonijiet soċjalment żvantaġġati tal-popolazzjoni jistgħu jiksbu aċċess għal strumenti finanzjarji xierqa; f' dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi referenzi speċjali għall-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji amministrati mill-Fond Ewropew tal-Investiment;

82.

Jinnota li fejn jidħlu servizzi transkonfinali, il-one-stop shop jista' wkoll, flimkien mas-sħab soċjali, jipprovdi informazzjoni komprensiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż ta' destinazzjoni li fih ikunu se jiġu fornuti s-servizzi;

83.

Iqis li l-intraprenditorija u l-kondizzjonijiet qafas adegwati għall-kompetittività u t-tkabbir tal-SMEs, inkluż permezz ta' investimenti fl-infrastruttura bħall-infrastruttura ekoloġika, jistgħu jiffaċilitaw bil-kbir il-ħruġ mill-kriżi ekonomika; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-potenzjal intraprenditorjali fejn il-livell tal-bidu tat-tħaddim ta’ SME jkun inqas mill-medja fis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà kif ukoll fejn hi meħtieġa intraprenditorija fi gruppi speċifiċi fil-mira, b’mod partikolari żgħażagħ u nisa;

84.

Jemmen li kwalunkwe reviżjoni tar-regolament dwar is-swieq finanzjarji għandha tippermetti li l-SMEs iżidu dejjem aktar il-finanzjament permezz ta’ swieq kapitali, sabiex ikunu inqas dipendenti fuq self mill-banek;

85.

Jemmen, li fir-riforma kontinwa tal-fondi strutturali, l-SMEs għandhom jiitqiesu b'mod serju, fejn xieraq u fejn dan jikkontribbwixxi għal kondizzjonijiet ta’ qafas reġjonali għat-tkabbir u sabiex jinħolqu sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi oħra tal-UE; jemmen li jeħtieġ li titnaqqas il-burokrazija, pereżempju billi jiġu aċċettati standards ta’ verifika u ta’ rappurtar proporzjonati u billi jiġu introdotti regoli komuni għall-fondi u l-programmi kollha fir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju;

86.

Jitlob lill-Istati Membri jittrasponu kemm jista’ jkun malajr id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard fil-liġi nazzjonali, sabiex tingħata likwidità addizzjonali lill-SMEs fil-kriżi ekonomika attwali;

87.

Jitlob strumenti tal-UE aktar effettivi, sempliċi u koordinati aħjar iddedikati għall-aċċess għal kreditu jew kapital ta’ riskju b’mod partikolari għal SMEs li għandhom pjanijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni;

88.

Jitlob salvagwardji effiċjenti għall-portafolli tal-SMEs, fid-dawl ta’ rekwiżiti kapitali miżjuda għal banek, bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ Basel III u l-proċess ta’ diżingranaġġ li qed jiġi implimentat bħalissa minn għadd ta’ banek, filwaqt illi jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

89.

Jenfasizza li l-attività tal-SMEs tal-UE mhijiex qed tissostitwixxi iżda qed tikkomplimenta l-azzjonijiet tar-reġjuni u tal-Istati Membri, u għaldaqstant, biex din tissaħħaħ, abbażi tal-prinċpju ta’ "iktar għal iktar u inqas għal inqas", l-Istati Membri li jagħtu iktar appoġġ lill-SMEs għandhom jirċievu iktar appoġġ mill-UE; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw programmi ambizzjużi bbażati fuq inċentivi sabiex ikompli jiġi promoss l-intraprenditorjat; jitlob li dawn il-programmi jinkludu miżuri li jtejbu l-aċċess għall-finanzi u s-swieq, jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti amministrattivi u tiġi inkluża aħjar edukazzjoni intraprenditorjali fil-kurrikuli tal-iskejjel fil-livelli kollha; iqis li dawn il-miżuri għandhom jappoġġjaw l-inizjattivi tas-settur privat li jippermettu li jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-kisba ta’ finanzjamenti żgħar, bħal sħubiji bejn il-banek u l-professjonisti tal-kontabilità; jissuġġerixxi li jiġu organizzati kompetizzjonijiet ġenerali bbażati fuq il-prattika u fil-livell reġjonali għall-istudenti sabiex jiġu vvalutati l-għarfien lessikali tagħhom u l-intraprenditorija tagħhom;

90.

Jappoġġja l-inizjattivi tas-settur privat imfassla bl-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, bħal sħubijiet bejn il-banek u l-professjonisti tal-kontabilità li għandhom il-mira li ż-żmien meħtieġ għall-kisba ta’ finanzjament żgħir (ta' anqas minn EUR 25 000) jitnaqqas għal 15-il ġurnata, jemmen li dawn is-sħubijiet huma effikaċi għall-intrapriżi mikro, minħabba li, minn naħa, il-professjonisti tal-kontabilità iħejju u jittrażmettu onlajn id-dokumenti finanzjarji kollha meħtieġa għall-bankiera u jagħtu assigurazzjoni moderata fir-rigward tal-previżjonijiet provduti mill-intrapriżi mikro, u t-tieni, il-banek ipoġġu onlajn mistoqsijiet standard dwar il-finanzjament u jagħtu raġuni għar-rifjut li jingħata għat-talbiet ta' finanzjament;

91.

Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga inizjattivi ġodda għall-ġbir ta’ fondi għal intraprendituri u n-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, bħall-crowd funding, biex tevalwa kif dawn jistgħu jibbenefikaw lill-SMEs u jekk għandhomx jiġu promossi; barra minn hekk jinnota l-bżonn li jiġi evalwat jekk hemmx bżonn ta' qafas leġiżlattiv għal dawn il-prattiki fl-UE;

92.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu, fil-qafas finanzjarju pluriannwali li jmiss, aċċess aktar faċli għall-SMEs għall-finanzjamenti Ewropej, li għandu jsaħħaħ l-aċċess tagħhom għas-suq intern;

93.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw l-opportunitajiet ta’ investiment għall-ftuħ ta’ negozji innovattivi bit-tneħħija tal-ostakoli li jimpedixxu l-emerġenza ta’ suq tal-kapital ta’ riskju mifrux mal-UE;

94.

Jindika li huwa meħtieġ li jiġu identifikati u jitneħħew l-ostakli li jxekklu t-tkabbir tal-intrapriżi mikro milli jsiru SMEs, u l-SMEs biex ikomplu jikbru aktar;

95.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-għarfien tal-SME u l-lakuni fil-ħiliet fir-rigward ta’ teknoloġiji, prattiki u mudelli ta’ negozju ekoloġiċi; jinnota li tenħtieġ azzjoni sabiex jiġu identifikati ħtiġijiet ta’ ħiliet u sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fis-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni u permezz ta’ strateġiji ta’ taħriġ professjonali u l-iżvilupp ta’ programmi għall-iżvilupp ta’ taħriġ u ta’ ħiliet immirati lejn l-SMEs;

96.

Jemmen li l-COSME futura, l-Orizzont 2020 kif ukoll Programmi ta’ Fondi Strutturali tal-ġejjieni taħt l-MFF li jmiss għandhom jallokaw ammonti suffiċjenti sabiex jappoġġjaw l-isforzi tal-SMEs biex iwettqu innovazzjoni u jiġġeneraw l-impjiegi b’mod li huwa effiċjenti u sostenibbli fil-kuntest tal-użu tar-riżorsi;

97.

Jitlob li l-istrumenti finanzjarji ġodda żviluppati fil-programmi ta’ appoġġ tal-SMEs, bħall-COSME, jikkunsidraw mhux biss il-pożizzjoni finanzjarja tal-SMEs, iżda anke l-hekk imsejħa “valuri intanġibbli”, b’tali mod li l-aċċess għall-kreditu jipprevedi forom ta’ rikonoxximent tal-kapital intellettwali tal-SMEs;

98.

Jitlob li jiġi allokat baġit ambizzjuż lill-istrument tal-SME stabbilit bħala parti minn Orizzont 2020, li se jipprovdi appoġġ immirat lil SMEs innovattivi u li għandhom potenzjal għoli ta’ tkabbir; jemmen li l-istrument għandu jitwassal permezz ta’ struttura ddedikata mfassla skont il-ħtiġijiet tal-SMEs;

99.

Jenfasizza li l-potenzjal tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja għandu jkompli jkun żviluppat aktar biex jippermetti l-iżvilupp ta’ proġetti strateġiċi kwalitattivi u l-parteċipazzjoni ta’ atturi privati - speċjalment SMEs - u ta’ kapital privat fi proġetti Ewropej; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas attwali fl-użu tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja minħabba l-kumplessità eċċessiva tagħhom iwassal sabiex id-dibattitu dwar il-governanza tagħhom isir urġenti ħafna;

100.

Jenfasizza li l-Fondi Strutturali - permezz tal-Istrumenti Finanzjarji - għandhom ikomplu jipprovdu finanzjament lill-SMEs permezz ta’ ekwità, garanziji u self sussudjat, u jenfasizza li proċeduri amministrattivi kumplessi, speċjalment fuq livell nazzjonali, għandhom ikunu simplifikati, u għandhom ikunu evitati differenzi sinifikanti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi u korpi intermedji, rispettivament;

101.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjan direzzjonali dwar tassazzjoni kompetittiva tal-SME, li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadattaw l-iskemi ta’ tassazzjoni tagħhom bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi mhux tax-xogħol għal kumpaniji żgħar u dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jżommu proporzjon ikbar tal-qligħ tagħhom għal investiment mill-ġdid fil-kumpanija; jissuġġerixxi li l-pjan direzzjonali jiġi bbażat fuq l-aħjar prattiċi u jinkludi proġetti pilota;

102.

Jitlob li jsiru iżjed sforzi fl-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku sabiex jiġu faċilitati l-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs; jitlob li tiġi stabbilita vetrina unika (one-stop-shop) għall-VAT sabiex ikun possibbli għall-intraprendituri li jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tan-negozju;

103.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu kundizzjonijiet ugwali għall-forom kollha tal-finanzi; jinnota li jenħtieġu miżuri urġenti sabiex in-negozji ma jkunux daqshekk dipendenti fuq id-dejn; jappoġġja t-twaqqif tan-newtralità tat-taxxa bejn l-ekwità u d-dejn;

104.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-kontinwità tal-SMEs, permezz ta’ ambjent regolatorju li jiffaċilita t-trasferimenti tan-negozju; jirrakkomanda li jitneħħew ostakoli fiskali (it-taxxa fuq il-wirt, it-taxxa fuq id-donazzjonijiet, eċċ…) li jistgħu jqiegħdu l-kontinwità ta’ negozji tal-familja f’periklu;

105.

Jenfasizza l-ħtieġa għal taxxi fuq ix-xogħol u l-investimenti aktar baxxi;

106.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri konkreti biex jippromwovu l-intraprenditorjat soċjali fl-Ewropa, b’mod partikolar permezz tat-titjib fl-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati, it-tnaqqis tad-diskriminazzjoni fil-pagi bejn is-sessi, il-promozzjoni ta' miżuri li jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol u tal-familja u t-titjib fil-mobilità u r-rikonoxximent ta’ ħaddiema tas-sengħa u billi tittejjeb il-kwalità u d-disponibbiltà tal-pariri dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) għall-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri speċifiċi biex jippromwovu l-intraprenditorjat soċjali fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz tat-titjib fl-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati u t-titjib fil-mobilità u r-rikonoxximent ta’ ħaddiema u apprendisti tas-sengħa; madankollu, jinnota li dan m’għandux iwassal għal kategorizzazzjoni tal-intraprendituri f’intraprendituri "tajbin" u "ħżiena";

107.

Jenfasizza l-importanza ta’ funzjonament tajjeb fil-provvista ta’ materja prima, għall-intrapriżi ta' daqs medju fis-settur industrijali ukoll; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri konkreti għas-sigurtà sostenibbli tal-provvista ta’ materja prima u ż-żieda fl-effiċjenza tal-materja prima, partikolarment billi jiġi ggarantit aċċess liberu u ġust għall-materja prima kkumerċjalizzata internazzjonalment, kif ukoll iż-żieda fl-effiċjenza tal-materja prima u r-riċiklaġġ effikaċi tar-riżorsi b’kunsiderazzjoni għar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju;

108.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew sabiex jippreserva l-baġit tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, peress li l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni huma fost l-istrumenti l-iktar effettivi tal-UE għall-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi, biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jingħata appoġġ lill-SMEs;

109.

Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-kompetittività tat-tipi differenti ta’ SMEs u jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom permezz ta’ miżuri speċifiċi adattati għalihom; jenfasizza l-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni għall-iżvilupp u t-titjib fit-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali u tal-broadband u għalhekk għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-kummerċ li jinkoraġġixxi l-investimenti u jsaħħaħ il-kompetittività; jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-intraprenditorija u ż-żieda fl-appoġġ mogħti lill-SMEs, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tagħhom fit-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika;

110.

Jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinament aħjar u sinerġija bejn politiki differenti Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u strumenti li jindirizzaw direttament lill-SMEs; jindika li l-inizjattivi eżistenti u l-istrumenti finanzjarji għas-sostenn tal-SMEs għandhom ikunu indirizzati b'mod iktar koerenti, u għandhom jikkomplementaw lil xulxin; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-frammentazzjoni, u jissaħħu u jiġu promossi skemi ta’ appoġġ finanzjarju għall-SMEs, sabiex ikun żgurat ġbir flimkien u koordinazzjoni ta’ riżorsi akbar f'livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li l-kompetittività tista' wkoll tiżdied jekk l-investimenti u l-għajnuna għall-SMEs ikunu adattati għad-diversità reġjonali;

111.

Huwa tal-fehma li l-objettiv ta' finanzjament tal-SMEs permezz tal-FEŻR hu li jagħti spinta lill-kompetittività fir-reġjuni kollha tal-Unjoni sabiex jintlaħaq żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali f’konformità mal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni;

112.

Jenfasizza li l-Fondi Strutturali, u partikolarment il-FEŻR, huma strument importanti li jappoġġa SMEs innovattivi billi jsaħħaħ il-kompetittività tagħhom u speċjalment l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, u jenfasizza li l-eliġibbiltà għal dan l-appoġġ għandha, għalhekk, tiġi interpretata bl-aktar mod wiesa' possibbli; jistieden lir-reġjuni jagħmlu użu mill-opportunitajiet li r-regolamenti qed joffrulhom bħala appoġġ għall-programmi operattivi tagħhom;

113.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-inċentivi finanzjarji jkunu applikati biex jistimulaw il-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-SMEs;

114.

Jinnota li l-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea jappoġġjaw in-networking, l-attivitajiet ta’ skambju ta’ għarfien u ta’ know-how bejn l-organizzazzjonijiet f’reġjuni differenti Ewropej u jistgħu jkunu strument utli għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ;

115.

Iqis li l-Fondi Strutturali, u partikolarment l-FSE, għandhom rwol importanti għall-akkwist tal-għarfien u tal-ħiliet, in-networking u l-iskambju ta’ prattiki tajba; jemmen li l-investimenti fil-kapital uman u l-proġetti ta’ kooperazzjoni jagħtu kontribut qawwi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs Ewropej;

*

* *

116.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(2)  ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 7.

(3)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0235.

(5)  ‘L-Ewropa baqgħalha x’taqdef’ - Rapport dwar l-aħjar prattika fl-Istati Membri biex il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata bil-mod l-inqas ta’ xkiel; mill-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi, 15 ta’ Novembru 2011

(6)  Il-Eurostat jikkalkula li n-numri totali ta’ persuni impjegati kibru minn 2,4 miljun fl-2000 u 3,0 miljun fl-2008 u huwa previst li jilħqu 3,4 miljun fl-2012 - (April 2012)

(7)  Kif issuġġerit mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Piż Amministrattiv.


Top