Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0208

    Approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Mejju 2012 dwar l-approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali (2010/2310(INI))

    ĠU C 264E, 13.9.2013, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 264/7


    It-Tlieta 22 ta’ Mejju 2012
    Approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali

    P7_TA(2012)0208

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2012 dwar l-approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali (2010/2310(INI))

    2013/C 264 E/02

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b’mod partikolari t-Tielet Parti, Titolu V, Kapitolu 4 tiegħu, intitolat “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV tagħha dwar il-ġustizzja,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titlu “Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali” (COM(2011)0573),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar id-dispożizzjonijiet mudell, li servew ta’ gwida għad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-dritt kriminali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea (1),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali (2),

    wara li kkunsidra l-istudji tiegħu fuq ‘L-armonizzazzjoni ta’ liġi kriminali fl-UE’ (3) u fuq ‘L-iżvilupp ta’ żona għall-ġustizzja kriminali tal-UE’ (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0144/2012),

    A.

    billi skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma' miżuri xierqa f'dak li jirrigwarda lil, inter alia, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha;

    B.

    billi l-Parlament u l-Kunsill jistgħu, skont l-Artikolu 83 TFUE, jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet;

    C.

    billi fl-istess ħin l-Artikolu 83(3) TFUE jintroduċi proċedura msejħa “brejk ta’ emerġenza” fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li l-miżura leġislattiva proposta tolqot xi aspetti fundamentali tas-sistema ta’ ġustizzja kriminali tiegħu u b'hekk jirrikonoxxi l-fatt li l-dritt kriminali ħafna drabi jirrifletti l-valuri bażiċi, l-użanzi u l-għażliet ta’ soċjetà partikolari, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    D.

    billi l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, kif imsemmija fl-Artikolu 5 TUE huma għaldaqstant partikolarment relevanti fil-każ ta’ proposti leġislattivi li jirregolaw id-dritt kriminali;

    E.

    billi s-sistemi tad-dritt kriminali u tal-proċedimenti kriminali tal-Istati Membri evolvew matul is-sekli, billi kull Stat Membru għandu l-karatteristiċi tiegħu u partikolaritajiet speċjali tiegħu, u billi, bħala konsegwenza, l-oqsma fundamentali tad-dritt kriminali għandhom jitħallew għall-Istati Membri;

    F.

    billi l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku qiegħed jidħol dejjem aktar f’għadd kulma jmur akbar ta’ oqsma tal-politika, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-sentenzi u mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u billi dan hu prinċipju msejjes fuq il-fiduċja reċiproka, li titlob standards minimi ta’ protezzjoni fl-ogħla livelli possibbli;

    G.

    billi l-armonizzazzjoni tad-dritt kriminali fl-UE għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura ġuridika komuni fl-UE b’rabta mat-taqbida kontra l-kriminalità, li tammonta għat-tradizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma teħdilhom posthom u li għandha impatt pożittiv fuq il-fiduċja reċiproka fost l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri;

    H.

    billi d-dritt kriminali għandu jikkostitwixxi sistema leġiżlattiva koerenti regolata minn għadd ta’ prinċipji fundamentali u standards ta’ governanza tajba, f’osservanza sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn tal-jeddijiet tal-bniedem li l-Istati Membri huma firmatarji tagħhom;

    I.

    billi fid-dawl tal-kapaċità ta' restrizzjoni ta' ċerti drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali ta' persuni ssusspettati, akkużati jew ikkundannati li d-dritt kriminali għandu min-natura tiegħu stess, flimkien mal-effetti eventwali ta' stigma tal-indaġni kriminali, u fid-dawl tal-fatt li l-użu eċċessiv ta’ leġiżlazzjoni kriminali jwassal għal nuqqas fl-effiċjenza, id-dritt kriminali għandu jiġi applikat bħala miżura tal-aħħar mezz assolut (ultima ratio) għal atti definiti b’mod ċar u limitati, li għalihom miżuri anqas stretti ma jistgħux jiġu applikati u li joħolqu ħsara sinifikanti għas-soċjetà jew għal individwi;

    J.

    billi l-leġiżlazzjoni kriminali tal-UE għandha, bħala regola ġenerali, tipprevedi biss penalitajiet għal atti li jkunu saru b’mod intenzjonali jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, għal dawk li jinvolvu negliġenza serja, u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ħtija individwali (nulla poena sine culpa), għad li f’ċerti każijiet jista’ jkun iġġustifikat li jkun hemm dispożizzjonijiet dwar ir-responibilità soċjetarja għal ċerti tipi ta’ reat;

    K

    billi skont ir-rekwiżit tal-lex certa l-elementi ta’ reat kriminali għandhom ikunu fformulati b’mod preċiż sabiex tiġi żgurata il-previdibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira tagħhom;

    L.

    billi fil-każ tad-direttivi, l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta' diskrezzjoni fuq kif jittrasponu d-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u dan ifisser li sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-lex certa, għandha tkunu tal-ogħla kwalità, mhux biss il-leġiżlazzjoni tal-UE stess, iżda wkoll it-traspożizzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    M.

    billi l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dritt kriminali tal-UE mhijiex limitata għall-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizza iżda tista’ tikkonċerna ħafna politiki differenti;

    N.

    billi s'issa l-Unjoni Ewropea ħafna drabi ħolqot dispożizzjonijiet ta' dritt kriminali fuq bażi ad hoc, u b'hekk inħoloq il-bżonn għal aktar koerenza;

    O.

    billi hemm bżonn li l-Parlament jiżviluppa l-proċeduri tiegħu stess sabiex jiżgura, flimkien mal-koleġiżlatur, sistema ta’ dritt kriminali koerenti tal-ogħla kwalità;

    P.

    billi sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fis-settur tad-dritt kriminali bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, hemm bżonn ta’ ftehim interistituzzjonali;

    Q.

    billi l-Artikolu 67(1) TFEU jiddisponi li l-Unjoni għandha tikkostitwixxi zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi legali u tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri;

    1.

    Jenfasizza li l-proposti għal dispożizzjonijiet sostantivi fid-dritt kriminali tal-UE għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;

    2.

    Ifakkar li d-dritt kriminali għandu jirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali ta’ persuni suspettati, akkużati jew ikkundannati;

    3.

    Jenfasizza li f’dan ir-rigward mhux biżżejjed li jsir riferiment għal kunċetti astratti jew effetti simboliċi, iżda l-ħtieġa għal dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali materjali ġodda għandha tintwera b’evidenza neċessarja li tagħmilha ċara li:

    id-dispożizzjonijiet kriminali jiffukaw fuq kondotta li toħloq ħsara pekunarja jew mhux pekunarja sinifikanti għas-soċjetà, individwi jew għal grupp ta’ individwi;

    ma hemmx miżuri oħrajn, li jintervjenu anqas li jindirizzaw din il-kondotta,

    ir-reat involut huwa wieħed ta’ natura partikolarment serja b’dimensjoni transkonfinali jew għandu impatt dirett negattiv fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ politika tal-Unjoni f’qasam li kien suġġett għal miżuri ta’ armonizzazzjoni,

    hemm ħtieġa li jiġi miġġieled ir-reat ikkonċernat fuq bażi komuni, jiġifieri li jkun hemm valur prattiku miżjud fl-approċċ komuni tal-UE, filwaqt li jitqiesu, inter alia, l-estensjoni u l-frekwenza tar-reat fl-Istati Membri, u

    b’konformità mal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, is-severità tas-sanzjonijiet proposti mhijiex sproporzjonata għar-reat;

    4.

    Jirrikonoxxi l-importanza ta’ prinċipji ġenerali oħra li jirregolaw id-dritt kriminali, bħal:

    il-prinċipju tal-ħtija tal-individwu (nulla poena sine culpa), u għaldaqstant jippreskrivi penalitajiet biss għal atti li jkunu saru b’mod intenzjonat, jew f’każijiet eċċezzjonali, għal atti li jinvolvu negliġenza serja,

    il-prinċipju taċ-ċertezza legali (lex certa): id-deskrizzjoni tal-elementi ta’ reat għandha tkun ifformulata b’mod preċiż b’tali mod li l-individwu jkun jista’ jipprevedi l-azzjonijiet li jagħmluh kriminalment responsabbli;

    il-prinċipju ta' non retroattività u ta’ lex mitior: eċċezzjonijiet għall-prinċipju tar-retroattività huma permissibbli biss jekk ikunu ta’ benefiċċju għal min wettaq ir-reat,

    il-prinċipji ta’ ne bis in idem, li jfisser li persuna misjuba ħatja jew mhux ħatja b’sentenza finali fi Stat Membru wieħed ma tkun mixlija jew ikkastigata għall-istess kwestjoni fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru ieħor,

    il-preżunzjoni tal-innoċenza, li tispeċifika li kull persuna akkużata b’reat kriminali għandha tiġi meqjusa innoċenti sakemm il-ħtija tagħha ma tiġix ipprovata legalment;

    5.

    Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar il-politika tal-UE fuq id-dritt kriminali li l-ewwel fażi ta' leġiżlazzjoni fil-qasam tad-dritt kriminali għandu jikkonsisti fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu addottati miżuri sostanzjali fid-dritt kriminali jew le;

    6.

    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq miżuri li jiffaċilitaw infurzar aktar konsistenti u koerenti ta’ dispożizzjonijiet eżistenti fid-dritt kriminali sostantiv tal-UE fil-livell nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ neċessità u sussidjarjetà;

    7.

    Jenfasizza li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni għandhom ikunu proposti primarjament bl-għan li jappoġġjaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-prattika, aktar milli biex sempliċiment jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt kriminali armonizzat tal-UE;

    8.

    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tinkludi fil-valutazzjonijiet ta’ impatt tagħha l-kriterju tan-neċessità u l-proporzjonalità, li tkompli tuża l-aħjar prattiki ta’ dawk l-Istati Membri b’livell għoli ta’ garanziji ta’ jeddijiet proċedurali, li tinkludi valutazzjoni msejsa fuq il-lista ta’ verifika li hija għandha dwar il-jeddijiet tal-bniedem u li ddaħħal kriterju li jispeċifika l-mod ta’ kif il-proposti tagħha jirriflettu l-prinċipji ġenerali msemmijin li jirregolaw id-dritt kriminali;

    9.

    Jisħaq dwar il-ħtieġa li jitwaqqfu standards minimi uniformi ta’ ħarsien fl-ogħla livell possibbli għall-issuspettati u l-akkużati fi proċedimenti kriminali ħalli tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka;

    10.

    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw ukoll miżuri nonleġiżlattivi li jikkonsolidaw il-fiduċja fost l-ordinamenti ġuridiċi differenti fl-Istati Membri, itejbu l-koerenza, u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ kultura ġuridika komuni fl-UE b’rabta mat-taqbida kontra l-kriminalità;

    11.

    Jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ aktar koerenti u ta’ kwalità għolja fl-UE fil-qasam tad-dritt kriminali u jikkundanna l-approċċ frammentat li ġie segwit s'issa;

    12.

    Jilqa’ l-eżistenza ta’ grupp ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi fil-qasam tad-dritt kriminali fi ħdan il-Kummissjoni u jitlob lill-Kummisjoni tipprovdi lill-Parlament b’informazzjoni aktar speċifika fuq il-mandat u l-funzjoni tiegħu;

    13.

    Jitlob li jkun hemm awtorità koordinatriċi ċara fi ħdan il-Kummissjoni għall-proposti kollha li jkun fihom dispożizzjonijiet rigwardanti d-dritt kriminali, sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti;

    14.

    Jilqa’ l-eżistenza ta’ Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill fuq id-Dritt Kriminali Sostantiv u jitlob lill-Kunsill jipprovdi lill-Parlament b’informazzjoni speċifika fuq kif dan jirrelata ma’ gruppi ta’ ħidma oħra tal-Kunsill li huma responsabbli minn dispożizzjonijiet ta' dritt kriminali f’oqsma tal-politika oħra li mhumiex il-ġustizzja u l-affarijiet interni;

    15.

    Jitlob li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali fuq il-prinċipji u l-metodi ta’ xogħol li jirregolaw proposti għal dispożizzjonijiet sostantivi futuri tal-UE fil-qasam tad-dritt kriminali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu grupp ta’ ħidma interistituzzjonali fejn dawn l-istituzzjonijiet u l-Parlament ikunu jistgħu jabbozzaw tali ftehim u jiddiskutu kwestjonijiet ġenerali, fejn ikun xieraq billi jiġu kkonsultati esperti indipendenti, bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza fid-dritt kriminali tal-UE;

    16.

    Jemmen li dan il-grupp ta’ ħidma interistituzzjonali għandu jgħin fid-definizzjoni tal-ambitu xieraq u l-applikazzjoni xierqa tal-pieni tad-dritt kriminali f’livell ta’ UE, kif ukoll li jeżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti bl-iskop li jkunu ridotti l-frammentazzjoni u l-kunflitti ta' ġurisdizzjoni li jikkaratterizzaw l-approċċ ta' bħalissa;

    17.

    Jiddeċiedi li jeżamina kif approċċ koerenti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dritt kriminali sostantiv jista’ jkun żgurat bl-aħjar mod fil-Parlament u jissottolinja, f’dan ir-rigward, in-nuqqas attwali ta’ kumitat ta’ koordinazzjoni kif ukoll ir-rwol importanti li s-Servizz Legali tiegħu jista' potenzjalment ikollu;

    18.

    Jissottolinja l-importanza tat-twaqqif ta’ servizz ta’ tagħrif għall-Parlament li jista’ jappoġġja lill-Membri individwali fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum u b’hekk tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol tal-Parlament bħala koleġiżlatur;

    19.

    Jissottolinja li approċċ koerenti jeħtieġ li l-Parlament, qabel ma jaddotta kwalunkwe proposta leġislattiva relatata mad-dritt kriminali sostantiv, ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu analiżi legali tal-proposta li turi jekk ir-rekwiżiti kollha msemmija f’din ir-Riżoluzzjoni ġewx sodisfatti, jew liema titjib għadu neċessarju;

    20.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.


    (1)  Testi adottati, P7_ TA(2011)0459.

    (2)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 116.

    (3)  http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=30499

    (4)  http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=30168


    Top