This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IP0139
Modernising Europe's higher education systems European Parliament resolution of 20 April 2012 on modernising Europe’s higher education systems (2011/2294(INI))
Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta' April 2012 dwar l-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa (2011/2294(INI))
Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta' April 2012 dwar l-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa (2011/2294(INI))
ĠU C 258E, 7.9.2013, pp. 55–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
7.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 258/55 |
Il-Ġimgħa 20 ta’ April 2012
Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa
P7_TA(2012)0139
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar l-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa (2011/2294(INI))
2013/C 258 E/08
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 bit-titolu ‘Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa’ (COM(2011)0567) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha dwar l-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar fis-sistemi ta’ edukazzjoni għolja Ewropej (SEC(2011)1063), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu ‘Baġit għall-Ewropa 2020’ (COM(2011)0500), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu ‘Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni’ (COM(2010)0546), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2010 bit-titolu ‘Żgħażagħ mobbli – Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea’ (COM(2010)0477), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu ‘Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Mejju 2006 bit-titolu ‘Inwasslu għar-riżultati ta’ l-aġenda ta’ modernizzazzjoni għall-universitajiet: L-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni’ (COM(2006)0208), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni ta’ edukazzjoni għolja (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (‘ET 2020’) (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010, b’mod partikolari l-parti bit-titolu ‘Strateġija Ewropea ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir’ (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2011 dwar l-aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar “Żgħażagħ Attivi: qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni u taħriġ” (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 bit-titolu “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni” (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-9 ta' Marzu 2011 dwar strateġija Ewropea dwar l-inklużjoni tar-Roma (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar il-Proċess ta’ Bologna u l-mobbiltà tal-istudenti (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni u l-progress tal-proċess ta' Bolonja (15), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0057/2012), |
|
A. |
billi l-kriżi ekonomika – u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' impożizzjoni ta' miżuri ta’ awsterità u tat-tnaqqis baġitarju –, l-iżviluppi demografiċi, il-bidla b’pass mgħaġġel fil-qasam tat-teknoloġija u d-domanda għal ħiliet ġodda li tirriżulta qed joħolqu sfidi serji għas-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni għolja u jeħtieġu riformi estensivi f’dan il-qasam li jeħtieġ li ma jkunux ta’ ħsara għall-kwalità tal-edukazzjoni; |
|
B. |
billi, f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-fulkru tal-futur; |
|
C. |
billi jeħtieġ li l-individwi jingħataw sostenn biex jifformulaw il-karrieri tagħhom mill-ġdid u jeħtiġilhom iwessgħu, kif ukoll jaġġornaw, il-ħiliet u l-għarfien tagħhom b’rata dejjem aktar mgħaġġla ħalli jilqgħu l-isfidi tas-suq tax-xogħol, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li hemm differenza bejn il-programmi ta’ studju vokazzjonali, fejn l-armonizzazzjoni Ewropea hi fattibli u mixtieqa, u dawk umanistiċi, fejn għandu jkun hemm liberta' u awtonomija sostanzjali tal-mogħdijiet ta’ studju u riċerka li għandha x’taqsam kemm mad-differenzi storikokulturali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mad-diversità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f’dak li jirrigwarda t-tagħlim u l-missjoni speċifika tagħhom; |
|
D. |
billi l-Istrateġija Ewropa 2020 tiddikjara li, sal-2020, 40 % tal-persuni ta’ età bejn it-30 u l-34 sena fl-Ewropa għandhom jispiċċaw l-edukazzjoni għolja tagħhom jew studji ta’ livell ekwivalenti, minħabba li huwa stmat li 35 % tal-impjiegi kollha fl-UE se jeħtieġu kwalifiki bħal dawn; jinnota, madankollu, li fl-2010 fl-UE 26 % tal-persuni fil-forza tax-xogħol biss kellhom kwalifiki ta’ dan il-livell; |
|
E. |
billi aktar minn 21 % taż-żgħażagħ fl-UE jinsabu qiegħda; |
|
F. |
billi fl-UE fl-2010, 16,5 % taż-żgħażagħ la kienu fl-edukazzjoni u lanqas fis-suq tax-xogħol; |
|
G. |
billi fl-2010, fl-UE l-livell tal-qgħad ta’ persuni b’lawrja ta’ edukazzjoni terzjarja kien ta’ 5,4 % meta mqabbel ma’ aktar minn 15 % fost persuni li għandhom biss edukazzjoni sekondarja aktar baxxa; billi, min-naħa l-oħra, il-parti l-kbira tal-lawrjati dejjem qed idumu aktar u aktar ma jsibu impjieg sikur; |
|
H. |
billi aktar minn 60 % tal-gradwati tal-università huma nisa, iżda l-maġġoranza tal-postijiet ta' livell għoli fl-universitajiet (eż. pożizzjonijiet postdottorali u professorati) għadhom okkupati mill-irġiel; |
|
I. |
billi biss 13 % mill-istituzzjonijiet fis-settur tal-edukazzjoni għolja huma mmexxija minn nisa u 9 % biss tal-universitajiet għandhom mara bħala kap tal-persunal, u billi n-nisa għalhekk għandhom ħafna anqas influwenza rigward it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-riċerka; |
|
J. |
billi 75 mill-aħjar 200 università madwar id-dinja jinsabu fl-Istati Membri tal-UE; |
|
K. |
billi biss 200 mill-4 000 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja Ewropej ġew ikklassifikati fost l-aqwa 500 fid-dinja; |
|
L. |
billi l-universitajiet ilhom kważi elf sena riżorsa Ewropea importanti, filwaqt li l-importanza tagħhom għall-progress tas-soċjetà m’għandhix tiġi ridotta għall-kontribuzzjoni li jagħtu lill-ekonomija, u billi l-iżvilupp tagħhom m'għandux jiddependi biss mill-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-bżonnijiet ekonomiċi tal-mudell ekonomiku attwali; |
|
M. |
billi għandu jiġi mħeġġeġ aċċess indaqs għall-edukazzjoni għolja u taħriġ għaż-żgħażagħ kollha; |
|
N. |
billi l-universitajiet jinkoraġġixxu l-awtonomija u l-kreattività tal-individwi u għandhom rwol importanti ħafna fil-promozzjoni tal-għarfien, u billi l-Istati Membri għaldaqstant għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li l-edukazzjoni għolja tkun aċċessibbli b'mod mifrux bla diskriminazzjoni, partikolarment dik għal raġunijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali, razzjali jew politiċi; |
|
O. |
billi l-edukazzjoni, b’mod speċjali l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni terzjarja, hija responsabbli biex issawwar l-attitudnijiet u l-valuri li huma l-bażi tas-soċjetà ċivili, |
|
P. |
billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri rispettivi tikkunsidra l-edukazzjoni għolja bħala għodda fundamentali għad-determinazzjoni tal-ġejjieni taċ-ċittadini tal-UE; |
|
Q. |
billi l-edukazzjoni hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u billi huwa importanti li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jirċievu appoġġ finanzjarju, l-ewwel u qabel kollox permezz tad-disponibilità ta' finanzjament pubbliku adegwat; |
|
R. |
billi l-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) huwa żvilupp importanti li jista’ jikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea filwaqt li jirrispetta d-diversità tal-edukazzjoni fl-Istati Membri differenti tal-UE u l-miri għall-edukazzjoni għolja f’relazzjoni mas-soċjetà; |
|
S. |
billi l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti x’taqdi għat-tisħiħ ta’ din iż-żona bl-għajnuna tal-isforzi u l-kooperazzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward; |
Ir-rwol li qiegħed jinbidel tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja
|
1. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jintegraw it-tagħlim tul il-ħajja fil-kurrikuli tagħhom, bl-għanuna ta’ assistenza ekonomika u programmi ta’ studju differenti, u jadattaw għal bażi ta’ studenti li tinkludi adulti, anzjani, studenti mhux tradizzjonali u studenti full-time li jkollhom jaħdmu waqt li jistudjaw, kif ukoll persuni b’diżabilità, u għaldaqstant jistieden lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jimplimentaw programmi mmirati ħalli jneħħu l-ostakli u l-barrieri eżistenti; |
|
2. |
Jistieden lil istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta’ persuni li jaħdmu li, bħala nies li jieħdu t-tagħlim tul il-ħajja, jeħtiġilhom jaġġornaw u jwessgħu ħiliethom f’intervalli regolari, inkluż permezz tal-organizzazzjoni u r-raffinament ta’ korsijiet ta’ aġġornament li jkunu aċċessibbli għall-gruppi soċjali kollha, kooperazzjoni mill-qrib ma’ min iħaddem u l-iżvilupp ta’ korsijiet li jaqdu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li jistgħu jiffaċilitaw ir-ritorn tal-ħaddiema qiegħda lejn l-edukazzjoni; |
|
3. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jmantnu l-ispirtu ta’ awtonomija fit-tagħlim u fir-riċerka filwaqt li jipprovdu programmi ta' studju speċifiċi bil-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ persuni li jaħdmu u li jkunu jixtiequ jaġġornaw ħiliethom; |
|
4. |
Itenni li l-edukazzjoni għolja għandha l-potenzjali li tippromwovi l-inklużjoni soċjali, il-progress soċjali u l-mobilità soċjali 'l fuq; jitlob, fir-rigward tal-prinċipju tas-solidarjetà, lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jsaħħu – fost l-oħrajn billi jiżviluppaw skemi ta’ sostenn finanzjarju adegwat – l-isforzi tagħhom biex iwessgħu l-aċċess ekwu għall-istudji għal kulħadd, mill-ewwel tfulija sal-edukazzjoni għolja, irrispettivament mis-sess, etniċità, lingwa, reliġjon, diżabilità jew sfond soċjali, u jiġġieldu kontra kull sura ta’ diskriminazzjoni, filwaqt li jirrikonoxxu l-multikulturaliżmu u l-multilingwiżmu, inklużi l-lingwi tas-sinjali, bħala valuri fundamentali tal-UE li jeħtieġ jitrawmu; |
|
5. |
Jistieden lill-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni u jsostnu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jaqdu minoranzi nazzjonali, etniċi jew lingwistiċi tradizzjonali, filwaqt li jiffukaw speċjalment fuq kulturi u lingwi pperikolati; |
|
6. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-isports; |
|
7. |
Jissottlinja r-rwol komplementari tal-forom statali, privati u reliġjużi tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa; |
|
8. |
Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jinkiseb għarfien sod dwar l-integrazzjoni Ewropea u li jkun żurat li r-reġimi totalitarji tal-Ewropa ta’ dari jiġu mifhuma bħala parti mill-istorja komuni tagħha; |
|
9. |
Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-edukazzjoni tradizzjonali tissokta għaddejja bi spirtu akkademiku u li ma nħallux li s-sistema edukattiva tkun għalkollox subordinata għas-suq tax-xogħol, fid-dawl tal-ħtieġa li jissawru l-valuri etiċi u morali tal-istudenti, fl-istess waqt li nieħdu ħsieb il-progress akkademiku tagħhom; |
|
10. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jistabbilixxu qafas ġenerali – li jkun ikopri r-regoli, ir-responsabilitajiet, l-objettivi politiċi u edukattivi, kif ukoll il-kwalità tat-taħriġ u r-riċerka u l-prijorità li tingħatalhom – biex fih jiġu promossi l-aħjar prattiki u ikun hemm rispons għall-isfidi tas-soċjetà ta' komunikazzjoni; |
|
11. |
Jenfasizza li hemm bżonn li l-persunal akkademiku u l-istudenti, kif ukoll l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, ikunu involuti fil-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja; jisħaq fuq il-fatt li kemm l-eċċellenza fir-riċerka, fis-sens wiesa' tal-kelma, kif ukoll l-eċċellenza fit-tagħlim u r-riżultati xjentifiċi, hemm bżonn jiġu ppremjati, mingħajr ma jiġu ppenalizzati b'hekk dawk l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja – pereżempju l-fakultajiet tal-istudji umanistiċi – li ma jissodisfawx il-kriterji ta' valutazzjoni u rendiment marbutin biss mal-ħiliet mitluba mill-ekonomija tas-suq; |
L-informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja
|
12. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja huma kundizzjoni ċentrali biex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kapital intellettwali tal-Ewropa; |
|
13. |
Jipproponi l-introduzzjoni ta' kriterji ċari u uniformi għall-ħolqien ta' klassifika pan-Ewropea tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, biex b'hekk l-istudenti prospettivi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata ta' università u tingħata informazzjoni komprensiva dwar l-universitajiet rispettivi; |
|
14. |
Iħeġġeġ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi, b'koperazzjoni mal-istituzzjonijiet, l-istudenti u l-persuni interessati l-oħra involuti kollha, strument multidimensjonali għall-klassifikazzjoni u l-iggradar tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja skont karatteristiċi bħal tradizzjoni twila ta' għoti ta' edukazzjoni għolja, il-kwalità tat-tagħlim, l-appoġġ għall-istudenti (i.e. boroż ta' studju, konsulenza, akkomodazzjoni, aċċessibilità fiżika u tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni, involviment reġjonali, u trasferiment tal-għerf; jopponi, min-naħa l-oħra, it-twaqqif ta' klassifikazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja abbażi ta' indikaturi ta' rendiment mhux omoġenji li ma jqisux id-diversità tal-mogħdijiet u l-programmi edukattivi, u d-diversità lingwistika fl-universitajiet Ewropej; |
|
15. |
Jenfasizza wkoll li din l-għodda m'għandhiex tinvolvi biss il-kompilazzjoni ta' tabelli ta' klassifikazzjoni konvenzjonali u li l-karatteristiċi speċifiċi tal-istituzzjonijiet relevanti għandhom jingħataw l-attenzjoni dovuta fir-riżultati; |
|
16. |
Jissuġġerixxi li għandha tingħata konsiderazzjoni għat-twaqqif ta' mekkaniżmu unifikat għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità mal-istandards akkademiċi mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, kemm pubbliċi u kemm privati; |
Il-finanzjament tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja
|
17. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-edukazzjoni għolja hija beni pubbliku li jrawwem il-kultura, id-diversità, il-valuri demokratiċi u l-iżvilupp personali, u li jipprepara lill-istudenti biex isiru ċittadini attivi li jappoġġaw il-koeżjoni Ewropea; |
|
18. |
Jinsisti għal darb'oħra li l-Istati Membri għandhom jilħqu l-objettivi ta' investiment ta' 2 % tal-PDG fl-edukazzjoni; |
|
19. |
Jirrimarka li prinċipalment il-fondi pubbliċi u anke dawk privati huma ta' importanza ewlenija għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja; jenfasizza li l-investimenti fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa hu kruċjali biex tintgħeleb il-kriżi ekonomika attwali; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jespandu l-programmi ta' boroż ta' studju u ta' finanzjamenti biex jinkludu lil dawk l-istituzzjonijiet u jiżviluppaw metodi innovattivi ta' mekkaniżmi ta' finanzjament, li jistgħu jikkontribwixxu għal funzjonament aktar effiċjenti tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, jikkumplimentaw il-fondi pubbliċi mingħajr ma jżidu l-pressjoni fuq il-familji u jagħmlu l-edukazzjoni għolja aċċessibbli għal kulħadd; jesprimi s-sogħba tiegħu għat-tnaqqis sinifikattiv għall-baġits għall-edukazzjoni f'diversi Stati Membri, kif ukoll iż-żieda dejjiema fil-miżati għall-edukazzjoni, li qed iwassal għal żieda sinifikattiva fl-għadd ta' studenti vulnerabbli; |
|
20. |
Jitlob li l-baġit tal-UE għall-2014-2020 taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew jinkludi nfiq fuq l-edukazzjoni għolja relatat mal-investimenti fl-infrastruttura universitarja u l-persunal akkademiku; |
It-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol
|
21. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jadattaw għall-isfidi ġodda billi joħolqu oqsma ġodda ta’ studju li jirriflettu l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, b'kunsiderazzjoni tal-iżvilupp tax-xjenza u tat-teknoloġija billi jinżamm bilanċ xieraq bejn l-għarfien teoretiku u l-ħiliet prattiċi; |
|
22. |
Jitlob il-promozzjoni tal-aħjar prattiki li jistgħu jgħinu lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jsaħħu t-tagħlim u r-riċerka fl-oqsma tematiċi kollha permezz tal-inklużjoni ta' studenti u jipprovdu kwalifiki fundamentali addizzjonali għas-suq tax-xogħol sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol; |
|
23. |
Jitlob li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jinfetħu kemm biex joffru taħriġ vokazzjonali kontinwu, kif ukoll biex joħolqu l-forsijiet xierqa għall-ħaddiema li ma jkunux kisbu kwalifika ta' edukazzjoni sekondarja għolja, sabiex jisfruttaw il-potenzal addizzjonali biex jiksbu l-kwota ta' gradwati; |
|
24. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għal qafas ta' kwalità għall-apprendistati u jenfasizza s-suċċess tal-programm Erasmus li jagħti l-opportunità lill-istudenti biex jiksbu esperjenza ta' xogħol barra minn pajjiżhom, u jinsisti li din l-azzjoni titkompla taħt il-programm il-ġdid u tissaħħaħ permezz ta' finanzjamenti xierqa; |
|
25. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u lill-istituzzjonijiet responsabbli għas-settur edukattiv fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew jimmonitoraw it-tendenzi fir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol sabiex jirriflettu b'mod aktar preċiż il-ħtiġijiet tal-ġejjieni f'termini ta' opportunitajiet ta' tagħlim; |
|
26. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu segwiti l-kisbiet tal-gradwati fil-qasam tal-impjieg biex jitkejjel kemm is-settur tal-edukazzjoni għolja qed jirreaġixxi tajjeb għad-domandi tas-suq tax-xogħol; jilqa' għalhekk l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb id-disponibilità ta' data ta' dan it-tip, bl-għan prinċipali li tipprovdi lill-istudenti bl-informazzjoni meħtieġa biex tiggwida l-għażliet tagħhom fil-qasam tal-istudju, waqt li fl-istess ħin tagħti lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u ta' riċerka l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw u, sussegwentement, jiżviluppaw programmi ta' studju li jkopru kemm l-għarfien ġenerali, kif ukoll il-ħiliet professjonali speċifiċi permezz ta' tagħlim tul il-ħajja, fi djalogu kontinwu ma' dawk involuti fil-produzzjoni tal-għarfien, iżda anke mas-soċjetà kollha kemm hi u mal-istat; |
|
27. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiġbdu u jippubblikaw data statistika rigward il-korrelazzjoni bejn il-lawrji ta' edukazzjoni għolja differenti u l-opportunitajiet ta' impjieg; |
|
28. |
Jitlob li jiġi żviuppat bank tad-data internazzjonali, simili għal AlmaLaurea, li jgħin lill-gradwati jidentifika l-opportunitajiet xierqa ta' xogħol, taħriġ, studju u riċerka, waqt li l-ostakli ekonomiċi jitneħħew permezz ta' boroż ta' studju u self għall-istudenti sabiex tiġi żgurata ugwaljanza ta' vera fost l-istudenti u b'hekk jitħeġġu l-mobilità u t-tqabbil tal-ħiliet max-xogħlijiet; itenni l-importanza ta' komunikazzjoni adatta fl-iżgurar li din l-informazzjoni tkun disponibbli faċilment għall-istudenti, il-gradwati reċenti, il-qiegħda, min qed ifittex xogħol u min jimpjega; |
|
29. |
Jikkunsidra li l-iskemi tal-garanziji taż-żgħażagħ huma għodda siewja għall-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għolja għall-impjiegi u jitlob lill-Istati Membri jinkorpoaw l-iskemi ta' dan it-tip fl-istrateġiji ta' tranżizzjoni nazzjonali tagħhom; |
|
30. |
Ifakkar ir-rwol importanti li l-fondi strutturali jistgħu jiżvolġu f’dan ir-rigward; jilqa' l-impenn li sar fi ħdan il-komunikazzjoni "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)0933) għall-iskjerament sħiħ tar-riżorsi disponibbli u jitlob lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet lokali jużaw din l-opportunità sabiex iżidu l-provvista ta' appoġġ u gwida għall-istudenti li jkun se jidħlu fis-suq tax-xogħol; |
Il-bilanċ bejn is-sessi fl-edukazzjoni għolja
|
31. |
Jinnota li għad fadal differenzi bejn is-sessi fis-sistemi edukattivi Ewropej allavolja kważi l-pajjiżi kollha issa implimentaw politiki biex jiġġilduhom, u li tali differenzi jinfluwenzaw kemm ir-rendiment fl-iskola u kemm l-għażliet ta' studju u karriera, u għandhom effett negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u fuq l-istat assistenzjali; |
|
32. |
Jenfasizza l-fatt li ħafna studenti nisa li jattendu skejjel vokazzjonali jew sekondarji għadhom jagħżlu karrieri li jirriflettu r-rwol tradizzjonali tas-sess tagħhom; jinnota għalhekk li hemm bżonn ta’ gwida vokazzjonali aħjar għall-ġlieda kontra l-istereotipi persistenti; |
|
33. |
Jirrimarka li, bħala konsegwenza tal-fatt li l-kwalifiki ta' edukazzjoni għolja tagħhom mhumiex kummerċjabbli biżżejjed, in-nisa ta’ spiss ikunu kkwalifikati żżejjed u mħallsa inqas milli suppost għall-impjiegi tagħhom u ħafna drabi jispiċċaw qiegħda jew f'impjiegi prekarji, sitwazzjoni ta' żvantaġġ addizzjonali għalihom fis-swieq tax-xogħol fil-bidu tal-karriera tagħhom, li tkompli ssostni ċ-ċiklu tal-inugwaljanza fil-pagi; |
|
34. |
Ifakkar li, fl-Istati Membri kollha, għadhom ftit l-inizjattivi stabbiliti bl-għan li jipprovdu informazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni; jissuġġerixxi li l-għalliema jingħataw taħriġ speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; |
|
35. |
Jirrimarka li l-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet domestiċi u tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel hija sine qua non għall-avvanz u l-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jistieden lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jirrikonoxxu li l-istudenti nisa jista’ jkollhom responsabilitajiet addizzjonali speċifiċi barra mit-tagħlim, bħall-kura ta’ tfal żgħar jew ta’ qraba anzjani; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-universitajiet jipprovdu lill-ġenituri – speċjalment lin-nisa – bi kwantità suffiċjenti ta' kura tat-tfal ta' kwalità għolja, ekonomika u aċċessibbli, inklużi ċentri tal-komunità, sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ndaqs tagħhom fl-istudji u r-riċerka; iħeġġeġ ukoll l-introduzzjoni ta’ varjetà ikbar ta’ metodi ta’ studju, pereżempju t-tagħlim part-time u mill-bogħod, u, f'dan ir-rigward, ifakkar lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-livell ta' sostenn finanzjarju għat-tagħlim tul il-ħajja sabiex jippermettu lin-nisa jkomplu l-istudji tagħhom, jidħlu mill-ġdid fil-forza tax-xogħol u jarmonizzaw ir-responsabilitajiet professjonali u personali tagħhom; |
L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja involuti
|
36. |
Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jinvolvu ruħhom b’mod aktar intensiv mar-reġjuni tagħhom u jistabbilixxu azzjonijiet kollaborattivi dinamiċi mal-gvernijiet reġjonali, il-kunsilli lokali, il-korpi pubbliċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp reġjonali; jirrimarka li dan għandu jsaħħaħ ukoll l-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u min iħaddem; |
|
37. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ċentrali u reġjonali tagħhom jinkludu u jappoġġaw lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja f’kooperazzjoni transkonfinali; |
|
38. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-interazzjoni bejn it-tliet naħat tat-triangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni) bħala element fundamentali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; |
|
39. |
Jirrimarka li l-iżvilupp tal-kurrikuli tal-edukazzjoni għolja u l-programmi ta' riċerka għandu jibqa' kompitu għall-universitajiet, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-impjegabilità; |
|
40. |
Jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għal ‘Alleanzi tal-Għarfien’ u ‘Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali’ li fihom l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jiskambjaw informazzjoni man-negozji filwaqt li jiżviluppaw kurrikuli biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet; jistieden lill-intrapriżi u lill-intraprendituri, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, jiżviluppaw sħubijiet mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja b’mod attiv, billi jipprovdu taħriġ intern ta’ kwalità għolja għal studenti u lekċerers u japprofittaw mill-ħiliet trasferibbli ġenerali tal-lekċerers; itenni però illi l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja għandhom jipproduċu kontenut kulturali li jista' jiġi tradott mhux biss f'ħiliet vokazzjonali iżda anke f'għarfien ġenerali, f’termini ta’ esperjenza intellettwali tar-realtà u l-valuri komuni li jgħix bihom iċ-ċittadin; |
|
41. |
Jitlob li jkun hemm impenn għal approċċi ta' tagħlim aktar flessibbli u innovattivi u għal metodi ta' forniment li jkunu dejjem iċċentrati fuq il-bżonnijiet tal-istudenti; |
|
42. |
Jinnota l-ħtieġa biex l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-intrapriżi transkonfinali jikkoperaw fi programmi prattiċi u fit-tiswir tal-karrieri futuri tal-istudenti billi jidentifikaw il-mogħdijiet ta' żvilupp, l-istennijiet u l-isfidi speċifiċi li se jistennewhom fis-suq tax-xogħol; |
|
43. |
Jenfasizza l-utilità li jiġu żviluppati mekkaniżmi u strateġiji ta’ ġestjoni li jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ ideat innovattivi u ta’ riżultati ta’ riċerka fis-soċjetà u fin-negozju, u li jippermettu lis-soċjetà u lin-negozji jipprovdu kontribut għall-edukazzjoni għolja rigward il-bżonnijiet attwali u mistennija għal ħiliet u innovazzjonijiet, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aħjar prattiki minn madwar id-dinja; jirrimarka li tali kollegament aktarx jiffavorixxi finanzjarjament biss lil dawk l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u ta' edukazzjoni għolja li jispeċjalizzaw fl-innovazzjoni u t-teknologija għad-detriment tal-edukazzjoni iktar marbuta mal-istudji umanistiċi; |
|
44. |
Jafferma mill-ġdid il-valur ta’ governanza demokratika bħala mod fundamentali biex jiġi żgurat il-ħelsien akkademiku u tkun promossa l-parteċipazzjoni attiva tal-parteċipanti kollha fil-ħajja ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja; |
|
45. |
Jenfasizza li t-trasparenza, d-distribuzzjoni ugwali tad-drittijiet u l-obbligi bejn is-sħab kooperattivi u l-iskejjel ta’ edukazzjoni għolja relevanti, kif ukoll prinċipju bbilanċjat ta’ rappreżentanza iridu jiġu osservati fil-kuntest tal-koperazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jkunu jistgħu jorganizzaw u jiżviluppaw ruħhom b'mod awtonomu bħala beni pubbliċi skont il-prinċipji akkademiċi; |
|
46. |
Jenfasizza wkoll li l-prinċipju tad-demokrazija u tal-awtogovernanza fost l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-persunal u l-istudenti tagħhom għandu jiġi rispettat u miżmum fil-proġetti kollaborattivi kollha; |
|
47. |
Jitlob, għalhekk, li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u d-diversi entitajiet tagħhom jiġu rikjesti jiżvelaw il-ftehimiet kooperattivi ma’ partijiet terzi; |
|
48. |
Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-settur tal-volontarjat Ewropew, sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u l-involviment tal-istudenti f’parteċipazzjoni attiva permezz ta’ ħidma fis-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi; |
|
49. |
Jissottolinja l-importanza tal-isport fil-proċess edukattiv; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw u jħeġġu l-isport fost l-istudenti u jżidu l-appoġġ għall-programmi sportivi bażiċi; |
|
50. |
Jirrimarka li l-firxa u l-intensità tal-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u sħabhom fin-negozju u s-soċjetà jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u d-dixxiplini akkademiċi; |
|
51. |
Jenfasizza li hemm bżonn ta' investiment kontinwu fir-rabta bejn l-edukazzjoni, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li jibqa’ jingħata appoġġ lil l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u li jibqa’ jiġi żviluppat bil-komunitajiet ta’ għarfien u innovazzjoni tiegħu; |
|
52. |
Jenfasizza l-importanza tal-kultura fl-edukazzjoni għolja u jitlob l-inklużjoni ta’ kriterji speċjali għall-istudji umanistiċi kemm fl-innovazzjoni, kif ukoll fir-riċerka; |
|
53. |
Jenfasizza l-bżonn li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jiġu involuti u jipprovdu appoġġ għall-inizjattivi tal-istudenti kif ukoll jassistu fil-koordinament ta’ attivitajiet ta' dan it-tip fost istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, intrapriżi u awtoritajiet lokali oħrajn minn diversi Stati Membri; |
Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki
|
54. |
Jirrikonoxxi l-ġid inerenti fil-varjetà wiesgħa ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri u lil dawn l-istituzzjonijiet jiżviluppaw mogħdijiet ċari u integrati, li jippermettu li l-istudenti javvanzaw minn tipi oħra ta’ edukazzjoni għall-edukazzjoni għolja u li dawn ikunu jistgħu jibdlu bejn mogħdijiet u tipi ta’ istituzzjonijiet differenti; |
|
55. |
Jenfasizza madanakollu l-ħtieġa li tinżamm id-diversità tal-mogħdijiet u l-programmi edukattivi, tal-metodi ta' tagħlim u tas-sistemi universitarji fl-UE; hu tal-fehma li konsegwentement hemm bżonn jiġi żviluppat qafas nazzjonali tal-kwalifiki, waqt li fl-istess ħin jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-lawriji u tal-kwalifiki fost l-Istati Membri kollha; |
|
56. |
Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-UE jimplimentaw l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbuta mal-Qafas tal-Kwalifiki tal-EHEA u jiżviluppaw u jappoġġaw finanzjarjament ir-rikonoxximent reċiproku; |
|
57. |
Jirrimarka li l-mobilità tal-istudenti, u fuq kollox l-istudju fl-universitajiet l-oħra taħt il-Programm Erasmus, jikkontribwixxu għall-iskambju tal-aħjar prattiki u b'hekk għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja; jinnota, għaldaqstant, il-ħtieġa biex l-università ta' provenjenza tirrikonoxxi l-kwalifiki miksuba waqt studju f'universitajiet oħra; |
|
58. |
Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jittejjeb ir-rikonoxximent tal-istudju mwettaq barra billi tikkonsolida s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS); jitlob li jsiru sforzi ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw rikonoxximent iktar effikaċi u aktar armonizzazzjoni fir-rigward tal-kwalifiki akademiċi wkoll; |
It-titjib tal-mobilità fl-EHEA u lil hinn minnha
|
59. |
Itenni li l-edukazzjoni għolja hija beni pubbliku Ewropew komuni u li l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali, l-awtoritajiet lokali u l-UE jaqsmu responsabilità komuni fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-EHEA, taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u tal-Proċess ta’ Bologna; |
|
60. |
Jisħaq fuq il-fatt li koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni għolja – anke permezz ta’ appoġġ finanzjarju u politiku b’saħħtu għal ftehimiet dwar kurrikuli bażiċi komuni u riżultati ta’ tagħlim iddefiniti sew – hija prekundizzjoni għall-ilħuq tal-għanijiet tal-impjegabilità u t-tkabbir fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn il-ministeri rilevanti tagħhom sabiex jaġġornaw il-kurrikuli eżistenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; |
|
61. |
Jirrimarka l-ħtieġa għal kollaborazzjoni bejn l-EHEA u ż-ŻER bħala mezz ta' appoġġ għall-programmi ta' riċerka universitarji kemm fix-xjenza, kif ukoll fl-istudji umanistiċi; |
|
62. |
Jitlob li tiġi promossa l-attraenza tal-EHEA u taż-ŻER għall-istudenti u r-riċerkaturi mid-dinja kollha u li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE f'oqsma edukattivi u fi kwistjonijiet relatati mal-mobilità fil-livell tal-istaff u tal-istudenti, b'mod partikulari mal-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropew tal-Viċinat (PEV) jew li għandhom fruntiera diretta mal-UE, sabiex l-EHEA ssir kalamita għal taħriġ u għarfien li jkun kemm makroreġjonai u kemm globali, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-programmi ta' skambju u ta' taħriġ professjonali; |
|
63. |
Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ programmi Erasmus u Leonardo da Vinci Ewromediterranji, bil-għan li jippromwovu il-mobilità transnazzjonali fost l-istudenti miż-żewġ naħat tal-Mediterran; |
|
64. |
Jitlob li jinfetħu programmi ta’ mobilità, skambju, riċerka u esperjenza ta' ħidma għal studenti minn pajjizi affiljati mas-Sħubija tal-Lvant; |
|
65. |
Ifakkar l-importanza tal-mobilità kemm fost l-istudenti, kif ukoll fost l-għalliema u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni twettaq progress fuq il-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi; |
|
66. |
Ifakkar fil-mira li, sas-sena 2020, 20 % tal-gradwati tal-Ewropa għandhom ikunu mobbli u jenfasizza l-importanza ta’ ħiliet lingwistiċi bħala prekundizzjoni għal aktar mobilità fi ħdan l-EHEA u għall-impjegabilità; |
|
67. |
Jappoġġa t-tisħiħ tat-tagħlim tal-ilsna u tal-lingwaġġ tas-sinjali – u tat-tagħlim u l-iżvilupp tal-ilsna lokali u reġjonali – fi ħdan l-EHEA bħala prekundizzjoni għall-iżvilupp ta' ċittadinanza Ewropea ta' vera bbażata fuq il-multikulturaliżmu u l-pluraliżmu lingwistiku; |
|
68. |
Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistema ta' edukazzjoni għolja f'kull Stat Membru tipprovdi tagħlim ta' kwalità għolja sabiex in-numru akbar ta' opportunitajiet ta' mobilità għall-istudenti ma jimxix id f'id ma' aggravament tal-"ħarba tal-imħuħ" li issa hija problema soċjali ġenwina f'xi Stati Membri; |
|
69. |
Jirrimarka li l-inugwaljanzi persistenti li jeżistu bejn is-sistemi ta’ edukazzjoni għolja tal-Ewropa tal-Punent u dawk tal-Ewropa Ċentrali/tal-Lvant għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri ta’ integrazzjoni ta' vera, bl-għan li titħeġġeġ u tiġi appoġġata kollaborazzjoni transkonfinali bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija u tfassal pjan ta' azzjoni finanzjarja professjonali għat-tnaqqis ta' dawn l-inugwaljanzi reġjonali sinifikattivi; |
|
70. |
Jistieden lill-Istati Membri, l-UE u s-sistemi ta’ edukazzjoni għolja Ewropej jivvalutaw il-possibilità li jippromwovu, fi ħdan iċ-ċiklu ta’ studju, perjodu ta’ tagħlim obbligatorju f’università ta’ Stat Membru apparti dik li jkun affiljat magħha l-istudent; |
|
71. |
Itenni l-prinċipju li l-iskemi ta’ self ma jistgħux jissostitwixxu s-sistemi ta' għotjiet stabbiliti bħala appoġġ għal aċċess għall-edukazzjoni għall-istudenti kollha jkun xi jkun l-isfond soċjali tagħhom; |
|
72. |
Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara ulterjurment il-proposta biex jinħoloq strument finanzjarju li jgħin lill-istudenti jiksbu finanzjament żgur għal lawrja tal-Masters barra mill-Istat Membru ta' provenjenza tagħhom, ikunu xi jkunu l-isfond soċjali u l-possibilitajiet finanzjarji tagħhom; jitlob li jkun hemm aċċess ġust u trasparenti għall-iskema fl-Istati Membri kollha; |
|
73. |
Japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex jiżdied il-baġit disponibbli tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, biex b'hekk tiġi kkomplementata l-azzjoni li ħadu l-Istati Membri, minħabba l-fatt li l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka huwa fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi Ewropa 2020 u biex jinkiseb tkabbir għaqli, sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa; |
*
* *
|
74. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/mt/educ/126375.pdf.
(4) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.
(5) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.
(6) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(7) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/MT/ec/115356.pdf.
(8) Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0230.
(10) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 21.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0092.
(13) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 95.
(14) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.
(15) Testi adottati, P7_TA(2012)0072.