EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE1374

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Analiżi aġġornata tal-prezz tan-non-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 351, 15.11.2012, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Analiżi aġġornata tal-prezz tan-non-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/08

Relatur: is-Sur DASSIS

Korelatur: is-Sur JAHIER

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Analiżi aġġornata tal-prezz tan-non-Ewropa

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-sottokumitat dwar “Il-prezz tan-non-Ewropa”, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-Opinjoni tiegħu nhar id-19 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’154 vot favur, 5 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1

Kważi kwart ta’ seklu wara l-pubblikazzjoni tar-rapport Cecchini fl-1988, il-kwistjoni tal-“prezz tan-non-Ewropa” tidher bħala mezz rilevanti u interessanti biex id-dibattitu dwar it-tkomplija tal-kostruzzjoni Ewropea jimxi ’l quddiem. Imma filwaqt li r-rapport Cecchini indirizza s-suġġett mill-angolu esklużiv tas-suq uniku, illum huwa indispensabbli li mmorru ferm lil hinn u li niddiskutu l-prezz tal-fatt li l-unjoni ekonomika u politika fl-Ewropa baqgħet mhux kompluta. Il-prezz diġà hu għoli immens u jaf ikompli jikber jekk ma jsir xejn.

1.2

Il-problema hija pjuttost akuta f’kuntest fejn – taħt il-pressjoni min-naħa tas-swieq finanzjarji iżda wkoll min-naħa ta’ regoli istituzzjonali vinkolanti ġodda – l-Istati Membri ser ikollhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jaqtgħu d-dejn. X’għandu jsir mingħajr ma jiġi sagrifikat it-tkabbir li s-swieq finanzjarji jeħtieġu? L-approċċ it-tajjeb biex nevitaw li nidħlu fin-nassa ta’ spirali depressiva bla tmiem u li ma nġibux parti sinifikattiva tal-popolazzjoni fl-Ewropa fi stat ta’ faqar u miżerja jkun li ngħaqqdu ċertu ammont ta’ nfiq fil-livell Ewropew kif ukoll li napplikaw politiki Ewropej aktar ambizzjużi. Dan jippermetti lill-Unjoni sabiex tibda ċiklu virtwuż ta’ tkabbir, tibni identità ekonomika, industrijali u teknoloġika b’saħħitha f’kuntest ta’ globalizzazzjoni u tiddefendi l-mudell soċjali tagħna li wassal bil-bosta biex l-Ewropa tkun dik li hi llum.

1.3

Il-fatt li l-prezz tan-non-Ewropa jiġi indirizzat bil-mod li qed jiġi propost f’din l-opinjoni bla dubju għandu xi żvantaġġi metodoloġiċi u tekniċi, imma l-vantaġġ ewlieni tiegħu huwa li jippreżenta argumenti li huma diffiċli ħafna biex jiġu kkontestati mil-lat razzjonali sabiex noħorġu mill-kriżi attwali u titwettaq unjoni ekonomika u politika ġenwina fl-Ewropa. Bażikament, jeħtieġ li wieħed jagħti spjega inkonfutabbli biex jikkonvinċi l-opinjoni pubblika ssib soluzzjonijiet għall-problemi billi tisposta l-indikatur tas-sussidjarjetà lejn aktar Ewropa u ta’ kwalità aħjar fi żmien meta ċerti forzi politiċi qed jippruvaw iwaħħlu fiha bla ħtija.

1.4

F’dan ir-rigward, l-Istrateġija Ewropa 2020 fiha elementi interessanti immens. Ta’ min jilqa’b’sodisfazzjon l-ambizzjoni tagħha li tippromovi konverġenza ġenwina speċjalment permezz ta’ politiki u objettivi komuni kif ukoll koordinazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri fil-livelli kollha u fl-oqsma fejn l-approċċ Ewropew għadu ineżistenti jew fil-bidu nett tiegħu. Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk din l-istrateġija tindirizzax tajjeb l-isfida li tinkiseb unjoni ekonomika u politika ġenwina li tkun kapaċi ssaħħaħ il-pożizzjonijiet tal-Ewropa fil-globalizzazzjoni u jekk – fil-forma attwali tagħha – hux ser ikollha eżitu aktar feliċi minn dak tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

1.5

Jidhrilna li huwa neċessarju li mmorru lil hinn minn hekk billi nintervjenu fid-dibattiti skedati kull sitt xhur li jsiru mill-mexxejja tas-17-il pajjiż taż-żona tal-euro kif ukoll tal-UE-27 u billi nissensibilizzaw lill-mexxejja u liċ-ċittadini tagħna dwar il-bżonn li nwettqu rivoluzzjoni Kopernikana fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-Ewropa u d-dinja. Il-“prezz tan-non-Ewropa” li qed inħallsu llum u li qed nissograw li nħallsu fil-futur huwa mod tajjeb ħafna biex nimxu ’l quddiem f’din id-direzzjoni. Billi nagħtu prova tal-benefiċċji ekonomiċi, politiċi u strateġiċi, jeħtieġ li mmorru kontra l-Ewroxettiċi u nitolbu lill-opinjoni pubblika tixhed il-fatt li l-Ewropa mhijiex il-problema, iżda għandha tkun is-soluzzjoni.

1.6

Tali approċċ għandu l-vantaġġ li jnaqqas l-ispejjeż, jottimizza l-infiq u jwassal għall-aqwa opportunitajiet possibbli, sabiex tingħata tweġiba xierqa biex jiġu affrontati l-isfidi attwali u sabiex insibu mod biex noħorġu mill-isqaq b’mod pożittiv u vantaġġuż għal kulħadd.

1.7

Meta jitqiesu dawn l-elementi kollha, il-prezz tan-non-Ewropa għandu jiġi analizzata minn naħa ħafna iktar wiesgħa minn dik proposta fil-qafas tal-istudju mitlub mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-prezz tan-non-Ewropa: il-potenzjal mhux sfruttat tas-suq uniku Ewropew”. M’għandniex bżonn ta’ studju ieħor (avolja x’aktarx ikun ta’ kwalità tajba ħafna) li jibqa’ midfun fil-libreriji tagħna u li kull tant żmien jiġi kkonsultat minn xi speċjalisti fil-qasam.

1.8

Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħejji, inizjalment, stima preċiża tal-ispejjeż kollha li jkollna nġarrbuminħabba n-non-Ewropa kif imsemmi f’din l-Opinjoni u tal-impatt tagħhom fuq l-impjieg u t-tkabbir. Nipproponu li wara, fl-Istrateġija Ewropa 2020 jiġu inklużi għanijiet kwantifikati għat-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż, bi pjan ta’ azzjoni ċar u valutazzjoni sistematika tal-progress tiegħu.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE qajjem il-kwistjoni tal-prezz tan-non-Ewropa minn diversi angoli f’diversi opinjonijiet li ħareġ f’dawn l-aħħar snin (1). Fi tmiem l-2010, id-dibattitu dwar in-non-Ewropa tnieda mill-ġdid mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, din tal-aħħar ikkummissjonat studju ambizzjuż biex taġġorna l-ħidma tar-rapport Cecchini (2)  (3).

2.2

Jidher li l-għażla tal-Kummissjoni u tal-Parlament fir-rigward tal-metodu u s-suġġett magħżula kienet fil-biċċa l-kbira motivata mit-tħejjija tal-Att dwar is-Suq Uniku II (Single Market Act II), għad li l-komunikazzjonijiet tagħhom saħqu wkoll fuq il-bżonn li s-suġġett jiġi identifikat bir-reqqa u li l-istudju jkun imsejjes fuq il-provi xjentifiċi (4) li jipprovdi approċċ bħal dan. Ta’ min ifakkar li l-mudelli relattivament kumplessi użati fir-rapport Cecchini dak iż-żmien wasslu għal żieda ta’ bejn 4,5 % u 7 % tal-PDG Komunitarju (għat-12-il Stat Membru), bil-ħolqien ipproġettat ta’ 2 sa 5 miljun impjieg addizzjonali fiż-żona unifikata. Madankollu, dawn l-istimi kienu msejsa fuq approċċ metodoloġiku u ipoteżijiet bażiċi li ma kinux ħielsa minn kritika u kontestazzjoni eventwali. Barra minn hekk, minkejja s-suċċess tagħhom fil-livell tal-komunikazzjoni, sa fejn nafu aħna dawn il-previżjonijiet qatt ma ġew riveduti b’mod sostanzjali u b’hekk l-eżattezza tagħhom ex post qatt ma setgħet tiġi vvalutata (5).

2.3

Il-KESE jinsab kuntent li s-suġġett reġa’ qed jingħata prominenza, għad li hija ftit sorprendenti li dan qed isir kwart ta’ seklu wara li ġie ppubblikat ir-rapport Cecchini. Madankollu, l-approċċ adottat, jiġifieri l-użu mill-ġdid tal-istess metodoloġija u kwantifikazzjoni ġdida tal-impatt ekonomiku potenzjali tat-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ fi ħdan is-suq uniku, huwa wieħed li fl-aħjar każ huwa restrittiv u fl-agħar każ sempliċement mhuwiex adegwat għal tal-anqas żewġ raġunijiet komplementari.

2.4

L-ewwel raġuni hija r-riskju li neħlu f’dibattitu purament tekniku (biex ma ngħidux teknokratiku) dwar il-prezz tan-non-Ewropa, filwaqt li – minkejja għodod mill-aktar kumplessi li jistgħu jintużaw – l-aspett tekniku ħafna drabi huwa biss illużjoni fix-xjenzi soċjali.

2.5

It-tieni raġuni – li hija aktar fundamentali – hi li dawn huma żminijiet totalment differenti. Fl-1988, id-dibattitu essenzjalment kien jikkonċerna l-istat tas-suq komuni, li ngħata l-isem ta’ “suq uniku”. F’dan ir-rigward, ir-rapport Cecchini kien utli ħafna, għax identifika u kkwantifika tajjeb l-ostakli u d-dewmien involuti f’dan il-qasam. B’hekk, għamilha possibbli li jkun iġġustifikat programm ta’ rilanċ u li tissaħħaħ dinamika pożittiva li wasslet b’mod partikolari għall-programm ta’ Delors u l-objettiv tiegħu tal-1992.

2.6

Fl-2012, l-istat tas-suq uniku m’għadux jinsab fil-qalba tal-problema. Mhux biss il-kostruzzjoni tas-suq uniku għamlet progress kbir matul dawn l-aħħar 25 sena, iżda, aktar u aktar, il-kuntest inbidel ħafna u bħalissa jinsab ikkaratterizzat minn tal-anqas ħames elementi ewlenin ġodda meta mqabbel ma’ tmiem is-snin 80: 1) globalizzazzjoni ferm aktar avvanzata, bil-wasla fis-suq internazzjonali ta’ pajjiżi emerġenti bħall-Brażil, l-Indja u speċjalment iċ-Ċina; 2) Ewropa magħmula minn 27 nazzjon li l-livell ta’ żvilupp, l-istrutturi ekonomiċi u s-sistemi soċjali tagħhom huma aktar eteroġenji milli kienu fis-snin 80; 3) in-natura ferm aktar avvanzata tal-kostruzzjoni Ewropea u l-ħolqien ta’ ċerti istituzzjonijiet ewlenin, bħall-euro u l-BĊE; 4) kriżi ekonomika mingħajr preċedent mis-snin 30 ’l hawn, li għadha għaddejja fil-forma ta’ “kriżi tad-dejn sovran”; 5) fl-aħħar nett, il-ħtieġa assoluta li l-Istati Membri jeħilsu mid-dejn tagħhom fis-snin li ġejjin.

2.7

Dawn l-elementi jwassluna biex nipproponu approċċ ferm differenti lejn id-dibattitu dwar il-prezz tan-non-Ewropa. L-iżvantaġġ li qed tbati minnu l-Ewropa f’dan l-istadju mhuwiex daqstant id-dewmien tal-kostruzzjoni tas-suq uniku tagħha (li sadattant qed jibbenefikaw minnu kemm il-kompetituri tagħna kif ukoll l-Ewropej stess). Huwa l-iktar it-tiswir ta’ identità ekonomika, industrijali u teknoloġka qawwija fil-globalizzazzjoni, li saret multipolari, li jimplika kompetizzjoni dejjem aktar ħarxa, l-iktar min-naħa tal-poteri msejħa “emerġenti”, fi żmien ta’ kriżi sistemika mingħajr preċedent.

2.8

Għalhekk, ir-riflessjoni trid tindirizza l-ispejjeż kollha tan-non-Ewropa kkawżati mill-fatt li l-kostruzzjoni Ewropea mhijiex kompluta. Dawn l-ispejjeż huma ferm akbar minn dawk li jistgħu jiġu kkaġunati mill-ostakli eventwali għall-kummerċ intra-Komunitarju li għadhom jeżistu llum. Il-KESE jinsab konxju li huwa diffiċli li s-suġġett jiġi indirizzat b’mod daqshekk wiesa’ u fundamentalment politiku, imma dan hu l-uniku mod li jagħmel sens fis-sitwazzjoni attwali (6).

3.   L-Ewropa u l-kisbiet tagħha

3.1

Sittin sena ilu, it-tama li l-Ewropej jgħixu fil-paċi saret konkreta bil-ħolqien tal-ewwel Komunità Ewropea, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Il-mixja lejn l-integrazzjoni saret bil-mod iżda b’mod kostanti sal-1992. Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, it-tkabbir tal-Unjoni għal 27 Stat Membru kien, bla ebda dubju, progress kbir, iżda l-uniku progress ġenwinament sħiħ. L-approfondiment tal-Unjoni mħabbar sa mis-snin 80 intesa. Il-munita unika, is-suq intern, il-politiki ta’ koeżjoni u l-PAK huma bla dubju kisbiet importanti imma mhux kompluti u, fuq kollox, mhumiex biżżejjed biex tinħoloq Unjoni ta’ vera.

3.2

Lil hinn mit-termini li fihom jiġi indirizzat dan id-dibattitu, naturalment hemm dibattitu dwar it-termini użati. Xi jfisser “il-prezz”? Xi tfisser “in-non-Ewropa”? Saħansitra xi tfisser il-kelma “non”? Potenzjalment, kollox jista’ jitqies bħala l-Ewropa jew in-non-Ewropa. Huwa oġġettivament diffiċli li jintgħażlu l-istrumenti/il-politiki/il-beni pubbliċi kkonċernati, li jiġi iżolat l-impatt tagħhom, li jiġi ddeterminat f’liema livell l-użu tagħhom ikun l-aktar effikaċi (Ewropew/nazzjonali/lokali), li jiġi deċiż f’liema termini għandhom jiġu espressi l-ispejjeż/il-benefiċċji jew inkella fuq liema perjodu ta’ żmien ikun opportun li jiġu analizzati (u l-lista tad-diffikultajiet ma tiqafx hawn). Meta wieħed iqis dawn il-fatturi kollha, mhuwiex faċli li jintlaħaq qbil fuq approċċ metodoloġiku rigoruż u li wieħed imur lil hinn minn dawn il-ġeneralitajiet kunsenswali. Il-memo tal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti metodoloġiċi jipprovdi kjarifiki prezzjużi f’dan ir-rigward u juri perfettament il-kumplessità straordinarja ta’ dan is-suġġett.

3.3

Madankollu, ikun xi jkun l-approċċ, id-definizzjonijiet tal-kunċett – anke l-usa’ fosthom – ma jippermettux li jiddaħħlu fid-dibattitu parti mill-beni pubbliċi fundamentali (bħall-paċi jew il-moviment liberu taċ-ċittadini) li ġġenerat il-kostruzzjoni Ewropea f’kemm kemm aktar minn nofs seklu.

3.4

Mingħajr ma nippruvaw nikkwantifikaw il-kontribut tagħhom għall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej jew nintilfu f’verżjonijiet storiċi alternattivi (x’kien jiġri kieku l-kostruzzjoni Ewropea ma saritx bil-mod li nafuha llum?), ta’ min ifakkar – fi żmien meta r-raġunament dwar “il-prezz tal-Ewropa” qed isir dejjem aktar popolari – li l-istorja tal-kontinent tagħna mhux dejjem kienet dik li għexna mill-1945 sal-lum. Il-paċi, il-prosperità, id-drittijiet fundamentali (kif espressi fil-Karta tal-UE (7)), il-moviment liberu tal-individwi u tal-merkanzija, il-possibbiltà li wieħed juża l-istess munita huwa u jaqsam il-fruntieri, l-istabbiltà tal-prezzijiet u vantaġġi oħra li jiffurmaw parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, ħafna minna (speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa) bħalissa jħarsu lejhom bħala assolutament normali, bħala xi ħaġa naturali: il-kontrolli fil-fruntieri bejn Franza u l-Ġermanja jidhru bħala xi ħaġa stramba filwaqt li t-theddida ta’ gwerra bejn l-Istati Ewropej tista’ titqies bħala ċajta goffa. Evidentement, huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li nkunu nafu fiċ-ċert x’kienet tkun is-sitwazzjoni llum il-ġurnata li kieku bqajna ngħixu f’oqfsa purament nazzjonali imma ma tidhirx ħaġa mhux raġonevoli li nsostnu li l-kostruzzjoni Ewropea tal-anqas iffaċilitat il-ħolqien ta’ dawn il-beni pubbliċi u għamlithom tant ovvji u naturali għal kulħadd.

3.5

Imma dan ifisser li dawn il-kisbiet ser jibqgħu magħna għal dejjem? Xejn affattu. L-ipoteżi ta’ gwerra fratriċida kienet tidher ukoll assurda u ftit li xejn probabbli għal ċittadin tal-Jugoslavja fis-snin 80, iżda dan ma kienx biżżejjed biex jiġu evitati gwerer ferm ħorox wara x-xoljiment tal-pajjiż. Il-kisbiet l-oħra, li damu għexieren ta’ snin biex isiru realtà, jistgħu jisfaxxaw: l-introduzzjoni ta’ kontrolli fil-fruntiera jew it-tqegħid f’dubju taż-żona tal-euro huma perspettivi li issa sirna nisimgħu dwarhom ’l hawn u ’l hemm mingħajr mistħija, kemm min-naħa ta’ kummentaturi jew partiti politiċi Ewroxettiċi u/jew Popolari, kif ukoll – dejjem aktar ta’ spiss – minn movimenti politiċi tradizzjonali.

3.6

Fl-aħħar nett, mingħajr ma nqisu l-aktar xenarji estremi, mhux ser jirnexxilna naħarbu l-kwistjoni tal-prezz tan-“non-Ewropa” fil-każ li jiġu żmantellati totalment jew parzjalment ċerti istituzzjonijiet ewlenin, bħall-munita unika. Studju reċenti tal-Bank UBS (8), għad li jista’ jiġi kkritikat għal diversi raġunijiet fil-livell metodoloġiku, jivvaluta l-ispejjeż tal-ħruġ mill-euro għal 40-50 % tal-PDG għal pajjiż “dgħajjef” biss biss matul l-ewwel sena. Anke fil-każ ta’ ħruġ mill-euro ta’ pajjiż “b’saħħtu” (bħall-Ġermanja), dan il-prezz jilħaq l-20-25 % tal-PDG matul l-ewwel sena biss, jiġifieri EUR 6 000 sa 8 000 għal kull abitant. Dan kollu mingħajr ma jitqiesu l-effetti destabilizzanti fil-livell politiku, il-gwerer possibbli bejn il-muniti b’żvalutazzjonijiet kompetittivi fil-katina, il-qawmien mill-ġdid ta’ politiki protezzjonisti fil-livell nazzjonali u l-impatt potenzjalment katastrofiku fuq l-antiċipazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi. Dawn il-fenomeni jistgħu jixħtu lill-Ewropa f’depressjoni fit-tul għal bosta snin. Ħadd mhu kapaċi jipprevedi l-konsegwenzi ta’ avvenimenti bħal dawn, imma nistgħu nistennew movimenti importanti ta’ rikompożizzjoni ġeopolitika li tiġġenera alleanzi ġodda potenzjalment destabilizzanti għall-Ewropa bħala blokk politiku u ekonomiku magħqud.

4.   Ma jistax ikun hemm Unjoni Ewropea mingħajr unjoni ekonomika ġenwina

4.1

Għall-kuntrarju tal-ideat demagoġiċi mwassla minn ċerti kurrenti politiċi f’bosta pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari minn mindu faqqgħet il-kriżi tal-2008-2009 u l-manifestazzjonijiet multipli tagħha minn dak iż-żmien ’l hawn, id-diffikultajiet ekonomiċi attwali mhumiex marbutin mal-eċċessi tal-Ewrokrati ta’ Brussell iżda proprju mal-fatt li l-kostruzzjoni Ewropea hija fundamentalment mhux kompluta. L-għan imħabbar tal-kostruzzjoni ta’ unjoni monetarja fil-verità qatt ma ntlaħaq. In-nuqqas vergonjuż ta’ interess min-naħa tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej li l-ħin kollu jipposponu l-ħidmiet meħtieġa biex tinkiseb integrazzjoni ekonomika ġenwina, iżda wkoll il-proċessi indispensabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet leġittimi u demokratiċi fl-Istati Membri (li wħud minnhom ġew pubbliċizzati ħafna) spiċcaw – f’kuntest ta’ xokk estern asimmetriku ta’ vjolenza liema bħalha – biex iġibu magħhom spirali ta’ sfiduċja min-naħa tas-swieq. Din is-sitwazzjoni qed twassal biex il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea iħallsu prezz dejjem ogħla f’termini ta’ kompetittività, tkabbir, impjieg, koeżjoni soċjali u saħansitra ta’ leġittimità demokratika fil-livell kontinentali.

4.2

Il-ħolqien ta’ unjoni monetarja mingħajr unjoni ekonomika ġenwina wera l-limiti kollha tiegħu billi minflok iġġenera l-konverġenza spiċċa biex iġġenera d-diverġenza. Illum il-ġurnata, l-Ewropa ma baqagħlhiex iż-żmien tistenna li l-affarijiet jinbidlu waħidhom b’mod naturali f’ġejjieni mbiegħed. L-għażla hi jew li jsir progress malajr biex titwettaq unjoni ekonomika Ewropea ġenwina, b’mekkaniżmu effettiv li jirreżisti l-ħasdiet asimmetriċi, jew li jiġġarrbu l-ispejjeż potenzjalment esplożivi tan-non-unjoni futura.

4.3

Id-diffikultajiet attwali tal-euro, munita li hija fundamentalment mhux kompluta, jirriflettu din is-sitwazzjoni. Il-livelli relattivi tad-dejn pubbliku tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, u wkoll dawk tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej meqjusin bħala “mhedda”, huma aktar baxxi minn dawk ta’ pajjiżi oħra msejħa “avvanzati”, bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit jew il-Ġappun. Imma filwaqt li d-dollaru, il-lira sterlina jew il-jenn Ġappuniż huma meqjusa bħala l-muniti ta’ poteri ġenwinament “imwettqin”, l-euro jbati minn immaġni ta’ munita li s-sovranità tagħha mhix ċar ħafna (9), minn mandat restrittiv fdat lill-Bank Ċentrali Ewropew u min-nuqqas ta’ governanza ekonomika ġenwina fil-livell Ewropew. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, huwa kruċjali li tintlaħaq Unjoni Ekonomika Ewropea bil-fatti, b’regoli, b’mod partikolari dawk li jistgħu jiġu infurzati, u responsabbilitajiet ċari f’kull livell, li mhumiex fattibbli mingħajr riformi politiċi radikali li jagħtu lil tali unjoni l-leġittimità meħtieġa.

4.4

Huwa diffiċli li wieħed ikejjel l-ispejjeż kollha ta’ din l-isfiduċja min-naħa tas-swieq, li barra minn hekk hija responsabbli bil-kbir għall-kuntest ta’ reċessjoni attwali. Madankollu, “il-prezz tan-non-Ewropa” għall-baġits pubbliċi, imqar minħabba l-primjus ta’ riskju imposti fuq ċerti Stati fil-perjodu attwali, jista’ jiġi stmat bejn 0,4 % u 1,5 % tal-PDG fl-2012 (jiġifieri bejn EUR 9 biljun u EUR 36 biljun) u bejn 1,8 % u 2,4 % tal-PDG fl-2013 u l-2014 (jiġifieri EUR 42 biljun u EUR 56 biljun) rispettivament għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, naturalment b’differenzi kbar ħafna bejn il-pajjiżi (10).

4.5

Kostruzzjoni ekonomika kompluta li tipprevedi b’mod partikolari integrazzjoni baġitarja u fiskali aktar mill-qrib sottoposta għal kundizzjonijiet u kontrolli stretti setgħet telimina dawn il-primjums ta’ riskju billi tintroduċi mekkaniżmi għall-ġbir tar-riżorsi fil-livell Ewropew (bħall-eurobonds, fost l-oħrajn) minflok il-mekkaniżmi ta’ emerġenza ad hoc, frott l-improvviżazzjoni, liema lakuni jiġu emendati kull darba li s-sitwazzjoni tkun inkontrollabli. L-Istati Membri u l-Ewropa għandu jkollhom il-kuraġġ li ma jaġixxux b’mod reattiv imma li jadottaw pjan ta’ azzjoni u riformi istituzzjonali koerenti sabiex isibu tweġiba globali għall-kriżi attwali li tkun tista’ tfassal perspettiva tassew kredibbli.

4.6

Dan l-aħħar ittieħdu ċerti passi f’din id-direzzjoni. B’xorti ħażina, ma jidhrux sodisfaċenti biex jindirizzaw l-isfidi inkwistjoni.

5.   Il-benefiċċji mistennijin mill-Unjoni Ewropea

5.1

L-aħħar impenji meħuda waqt is-summit ta’ Brussell tad-9 ta’ Diċembru 2011, li jagħtu ħajja ġdida lid-dixxiplina tal-Patt ta’ Stabbiltà ta’ Maastricht, jimplikaw tnaqqis drastiku tad-defiċits pubbliċi tal-Istati Membri permezz tal-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet awtomatiċi fil-każ ta’ ksur tar-“regola tad-deheb”. B’hekk, l-Istati Membri, li ser ikunu taħt il-pressjoni mhux biss tas-swieq finanzjarji iżda wkoll ta’ regoli vinkolanti, ser ikollhom l-obbligu li jżidu l-isforzi tagħhom biex jaqtgħu d-dejn.

5.2

Il-mistoqsija fundamentali li saret lill-mexxejja politiċi ta’ bosta Stati Membri Ewropej li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ dejn pubbliku hija tentattiv biex tissolva problema mingħajr soluzzjoni: kif għandha tiġi indirizzata l-isfiduċja tas-swieq li qed jitolbu affarijiet inkompatibbli, jiġifieri it-tnaqqis drastiku tad-defiċits pubbliċi u – kważi fl-istess ħin – ir-rilanċ tat-tkabbir? Wieħed mill-mezzi biex tinstab soluzzjoni għal din il-kobba mħabbla jkun li jiġu eliminati d-dupplikazzjonijiet inutli bejn l-Istati Membri billi flimkien jiksbu ekonomiji ta’ skala u fl-istess ħin jifirxu l-pedament għal rilanċ baġitarju futur fil-livell Ewropew. B’dan il-mod, b’mod partikolari jistgħu jiġu evitati – jew tal-anqas jitrażżnu – l-effetti depressivi tal-politiki ta’ awsterità li kulħadd qed jimplimenta għal rasu mingħajr ma jiddeterjora s-servizz pubbliku pprovdut liċ-ċittadini, filwaqt li fl-istess ħin tiġi indirizzata l-problema tal-ħela kkawżata minn 27 politika differenti – ħafna drabi mhux ikkoordinati – fl-istess oqsma. Evidentement, din l-idea hija impossibbli biex tiġi implimentata b’baġit Komunitarju limitat għal 1 % tal-PDG u tmur għalkollox kontra s-suġġeriment li l-infiq baġitarju jitnaqqas kullimkien, inkluż fil-livell Ewropew.

5.3

B’hekk, il-baġits akkumulati allokati għad-difiża tal-Istati Membri laħqu kważi EUR 200 biljun fl-2010 imma – skont il-fehma ta’ bosta esperti – il-politiki nazzjonali f’dan il-qasam għadhom frammentati u b’mod ġenerali ftit li xejn effikaċi (11). Minkejja diversi inizjattivi fil-livell Ewropew u nazzjonali, l-approprjazzjonijiet għat-tagħmir u l-programmi ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tad-difiża (madwar 20 % tal-baġit globali) huma prattikament l-uniku qasam fejn hemm l-ispejjeż jinġabru flimkien ġenwinament u anke hawn, skont l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dan l-ammont laħaq it-22 % fl-2010 (12). L-istudji dwar is-suġġett jistmaw iffrankar potenzjali ta’ 32 %, jiġifieri EUR 13-il biljun, biss biss fuq dawn il-partiti baġitarji fil-każ li l-ispejjeż jinġabru flimkien (13).

5.4

L-istess raġunament jista’ jiġi applikat għal prerogattivi sovrani oħra tal-Istati Membri, bħas-servizz diplomatiku, id-dwana, il-kontroll fil-fruntieri, il-protezzjoni ċivili, il-ġlieda kontra l-frodi, eċċ. It-tnaqqis tal-ispejjeż f’dawn l-oqsma kollha, minkejja n-nuqqas ta’ qbil possibbli dwar il-kwantifikazzjoni preċiża tagħhom, hija purament kwistjoni ta’ rieda politika.

5.5

Il-prezz fiskali tan-non-Ewropa huwa kwistjoni annessa li tiggrava l-prezz baġitarju. Il-kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri ma ngħatatx qafas ibbażat fuq l-interessi Ewropej komuni. B’konsegwenza ta’ dan, il-bażijiet trasferibbli soġġetti għad-delokalizzazzjoni mhumiex intaxxati biżżejjed, filwaqt li l-oħrajn huma intaxxati żżejjed, u dan iġib miegħu telf ta’ introjtu fiskali (u b’hekk spiża) għall-Ewropa u l-Istati Membri. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġġib magħha żbilanċi, inġustizzji u fuq kollox spejjeż soċjali kbar li xejn mhuma meqjusin tajjeb mill-opinjoni pubblika.

5.6

Rigward il-qasam soċjali, id-dibattitu fuq “il-prezz tan-non-Ewropa” mhuwiex ġdid. Il-kostruzzjoni Ewropea ma tistax tkun imsejsa biss fuq il-prinċipju tal-kummerċ ħieles, bil-politiki tal-kompetizzjoni u l-benesseri tal-konsumatur ikunu predominanti fuq kull kunsiderazzjoni oħra u joħolqu gradar soċjali ’l isfel. Ta’ min ifakkar li minkejja l-akkużi li ta’ spiss jinstemgħu dwar l-allegati “diktati Ewropej”, il-kawża – hawn ukoll – hi li m’hemmx biżżejjed Ewropa u mhux li hemm iżżejjed Ewropa. Lil hinn mis-sentimenti ta’ inġustizzja u mill-ispejjeż soċjali li tant huma kbar, b’mod partikolari fil-kuntest attwali, il-konklużjonijiet ta’ diversi studji juru li n-non-Ewropa f’dan il-qasam tiġġenera wkoll spejjeż ekonomiċi kbar (14). B’hekk, id-data empirika tindika li politika soċjali tajba u effikaċi tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika, speċjalment billi tnaqqas l-impatt tal-fenomeni ċikliċi filwaqt li tiffavorixxi allokazzjoni aħjar tar-riżorsi, iżda wkoll u b’mod iktar ġenerali il-benesseri taċ-ċittadini (15). Barra minn hekk, il-politiki soċjali ta’ kwalità għandhom tendenza jnaqqsu l-fenomeni ta’ “selezzjoni avversa”, jinternalizzaw ċerti fatturi esterni u jsaħħu l-kwalità tal-forza tax-xogħol u tal-“kapital soċjali” fis-sens wiesa’ tat-terminu. Il-Karta Soċjali Ewropea kellha l-għan li tintroduċi xi regoli fundamentali f’dan il-qasam għall-Istati Membri kollha. Bħalissa, jidher li hemm bżonn nimxu ’l quddiem u li nikkunsidraw qafas strutturat ta’ konverġenza tal-politiki soċjali sabiex jitnaqqsu d-distakki li huma kbar wisq u sabiex jiġi evitat li l-aggravament tal-iżbilanċi soċjali kif ukoll iż-żieda ġenerali tal-faqar iwasslu biex jinħolqu ostakli serji għal tkabbir ekonomiku sinifikanti, bilanċjat u li jdum.

5.7

Il-kompetizzjoni fiskali u soċjali, li ftit li xejn hija rregolata f’żona ekonomika li ma tantx fiha ostakli għall-movimenti tal-merkanzija, is-servizzi u l-kapital tiġġenera wkoll tendenzi oħrajn partikolarment ta’ ħsara f’kuntest ekonomiku globalizzat. L-iżmantellar gradwali tal-industrija f’diversi pajjiżi Ewropej hija realtà indubitabbli li tqajjem mhux biss oppożizzjoni qawwija min-naħa taċ-ċittadini iżda twassal ukoll għal problemi strateġiċi għall-pajjiżi tagħna, peress li dawn l-iżviluppi huma partikolarment estensivi, huma diffiċli biex jitreġġgħu lura fuq perjodu qasir/medju u b’hekk għandhom konsegwenzi kbar (16). L-inkonsistenzi dejjem jikbru kkawżati mill-predominanza tal-linji gwida nazzjonali fil-qasam tal-politika industrijali qed iwasslu għal soluzzjonijiet unilaterali, li għandhom lok għal titjib u kultant huma saħansitra kontroproduttivi (17), fi żmien meta l-pajjiżi emerġenti qed japplikaw politiki industrijali “ħfief” abbażi ta’ munita dgħajfa u appoġġ pubbliku attiv (18). Minflok li jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom flimkien jew tal-anqas jikkoordinaw l-użu li jagħmlu minnhom biex jindirizzaw dawn l-isfidi, għadd ta’ pajjiżi Ewropej kbar qed jiġu dejjem iktar imġiegħla, minħabba n-nuqqas ta’ “Komunità Ewropea tal-Enerġija” (19), jilħqu ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi f’oqsma importanti bħall-enerġija jew ir-riċerka u l-iżvilupp (20). Huwa evidenti li politika Ewropea tkun bla dubju soluzzjoni ferm aktar effikaċi.

5.8

Il-baġit tal-Unjoni għar-riċerka u l-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 jilħaq 0,08 % tal-PDG tagħha, li hu 20 sa 30 darba inqas mill-baġits nazzjonali. Studju kkonkluda li kull euro pubbliku addizzjonali investit f’riċerka u żvilupp b’dimensjoni Ewropea jispiċċa biex jiġġenera EUR 0,93 mis-settur privat (21). Is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka Komunitarja (FP7, 2007-2013), li huwa attrezzat b’pakkett ta’ EUR 50,5 biljun, juri li din mhijiex ħolma fiergħa u li politika komuni f’dan il-qasam hija possibbli. L-impatt ta’ dan il-programm huwa kbir: huwa stmat li kull euro tal-programm kwadru jispiċċa biex jiġġenera żieda ta’ bejn EUR 7 u 14 fil-valur miżjud industrijali. Fuq perjodu twil, l-analiżijiet makroekonomiċi mwettqa mid-DĠ Riċerka jipprevedu li s-Seba’ Programm Kwadru ser ikun ippermetta l-ħolqien ta’ 900 000 impjieg sal-2030, fosthom 300 000 impjieg ta’ riċerkaturi. Bis-saħħa taż-żieda fil-kompetittività, ser ikun ippermetta wkoll, fuq l-istess perjodu, żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE ta’ kważi 1,6 % u tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ madwar 0,9 %.

5.9

Barra minn hekk, il-politika industrijali komuni għandha bilfors tikkunsidra l-isfidi ambjentali u tkun ikkoordinata mill-qrib mal-politika enerġetika tal-Unjoni. Il-ġestjoni tal-kwistjonijiet enerġetiċi f’qafas nazzjonali tista’ tagħti l-illużjoni li l-affarijiet ikunu aktar faċli fuq perjodu qasir jew medju ta’ zmien imma tista’ wkoll tirriżulta għalja ħafna fuq perjodu twil billi tiġġenera dipendenza qawwija mill-pajjiżi li jipproduċu l-idrokarburi u billi ġġiegħel lill-infiq fuq l-enerġija jogħla bil-kbir. It-tweġiba tista’ tikkonsisti f’investiment fl-iżvilupp tal-infrastrutturi fil-qasam tal-enerġija kif ukoll it-tixrid ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija bis-saħħa tar-riċerka u l-iżvilupp b’dimensjoni Ewropea (22). Skont studju ta’ Accenture għad-DĠ Enerġija, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mir-riħ fir-Renju Unit jew l-enerġija mix-xemx fi Spanja, flimkien mal-interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali, jista’ jippermetti li l-kontijiet tal-konsumaturi Ewropej jitnaqqsu b’madwar EUR 110 biljun sal-2020.

5.10

Fil-kriżi attwali, qed jiżdied ir-riskju ta’ qgħad fit-tul li jista’ jkun permanenti. Dan jista’ jimpedixxi lill-persuni milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom fil-post tax-xogħol u, għalhekk, iċaħħad ukoll l-ekonomija Ewropea minn dan il-potenzjal. Tali sitwazzjoni tmur kontra l-għan tat-tkabbir inklużiv u titlob tiftix intensiv għal soluzzjonijiet fit-tul li, fost affarijiet oħra, għandhom jinvolvu appoġġ għall-impjiegi inklużivi mill-fondi pubbliċi, bil-għan li jinżammu d-drawwiet tax-xogħol, u appoġġ għall-attivitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid, bil-għan li l-persuni jiġu adattati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni.

Epilogu

“Ma baqax żmien għal kliem fieragħ iżda jeħtieġ att qalbieni u kostruttiv”

Dan il-kliem, li qalu Robert Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950, huwa aktar rilevanti llum minn qatt qabel. Sinjuri, intom li tieħdu d-deċiżjonijiet, jekk jogħġobkom ħudu azzjoni. Iċ-ċittadini jaspiraw għall-paċi u d-dinjità. Sfruttaw il-potenzjal enormi ta’ 500 miljun Ewropew. M’għandkomx il-jedd li tiddiżappuntawhom.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara pereżempju l-Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju (linji gwida)” tal-21 ta’ Ottubru 2010 jew l-Opinjoni dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali: Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” tas-16 ta’ Ġunju 2011.

(2)  Ta’ min ifakkar li l-għan ta’ dan ir-rapport kien li jikkwantifika l-impatt ekonomiku potenzjali tat-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ intra-Komunitarju bejn l-Istati Membri ta’ dak iż-żmien. L-istudju l-ġdid għandu jadotta l-istess metodoloġija filwaqt li jadattaha għas-sitwazzjoni u l-isfidi tal-kuntest attwali.

(3)  Fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-Parlament Ewropew (PE) iddeċieda li jikkummissjona rapport eżawrjenti dwar il-prezz tan-“non-Ewropa”. Wara din is-sejħa għall-offerti, il-Kummissjoni Ewropea allokat l-istudju lil konsorzju mmexxi mil-London School of Economics. Dan l-istudju għandu jappoġġja d-diskussjonijiet fil-qafas tat-tħejjija tal-Att dwar is-Suq Uniku II (Single Market Act II).

(4)  Bħalma jenfasizza l-memo metodoloġiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna tal-Unjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Frar 2011: Fil-prinċipju, il-motivazzjoni li tista’ tiġġustifika l-istima ta’ dawn l-ispejjeż/il-benefiċċji tirrifletti r-rieda li d-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta’ provi xjentifiċi dwar il-kunċetti jew prinċipji differenti (ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, effiċjenza, effettività jew sostenibbiltà) sabiex jiġu ggarantiti t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-azzjoni politika vis-à-vis iċ-ċittadini (korsiv użat fit-test oriġinali bil-Franċiż).

(5)  Ħlief għal nota ta’ analiżi xejn ċara minn awturi mhux magħrufa, li nkitbet għoxrin sena wara u li tinstab hawnhekk: www.oboulo.com. Din in-nota tindika li l-istennijiet ma ġewx issodisfati iżda li l-kwalità tal-previżjonijiet kienet globalment sodisfaċenti (ara “The Cecchini Report – 20 years later”, 16/01/2009).

(6)  Il-Kummissjoni u l-Parlament huma konxji mill-importanza ta’ dawn is-suġġetti. Filwaqt li tagħraf il-piż potenzjali tal-ispejjeż marbutin mal-aspetti esterni tal-politiki komuni tagħha, il-memo tal-Parlament Ewropew jikkonkludi li studju ta’ din ix-xorta jaf ikun kumpless ħafna u r-riżultati miksuba jafu jkunu inċerti wisq minħabba d-dipendenza mid-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet internazzjonali u minħabba n-nuqqasijiet li jeżistu fil-governanza multilaterali. (p. 15, op. cit.) Rigward l-isfidi interni, il-memo jipproponi li l-problema tiġi indirizzata permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jiġu elenkati tnax-il qasam fejn il-politiki fil-livell Komunitarju jistgħu jkunu ta’ benefiċċju (p. 15-17, op. cit.)

(7)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi d-drittijiet fundamentali riżervati għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u d-drittijiet ekonomiċi u soċjali kif imħabbra fil-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u fil-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema.

(8)  UBS Investment Research, “Euro Break-up – the consequences”, www.ubs.com/economics, Settembru 2011.

(9)  Sfortunatament, il-frażi rinomata li Henry Kissinger qal fis-sebgħinijiet: “Lil min għandi nċempel jekk irrid nitħaddet mal-Ewropa?” illum il-ġurnata hija attwalità.

(10)  Vause N., von Peter G. (2011), “Euro Area Sovereign Crisis Drives Global Markets” (Il-kriżi tad-dejn pubbliku taż-żona tal-eura tiddetermina l-iżviluppi fis-swieq globali), BIS Quartely Review, Diċembru 2011, http://www.bis.org/publ/qtrpdf/r_qt1112a.pdf#page=4

(11)  Heuninckx B. (2008), “A Primer to Collaborative Defence Procurement in Europe: Troubles, Achievements and Prospects”, (Introduzzjoni għall-akkwist kollaborattiv fis-settur tad-difiża: problemi, kisbiet u prospetti) “Public Procurement Law Review”, Volum 17, Ħarġa 3.

(12)  Barra minn hekk, din iċ-ċifra hija aktar baxxa minn dik tal-2009. Data tad-Difiża: L-Istati Membri parteċipanti fl-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fl-2010, 18 ta’ Jannar 2012.

(13)  Ara pereżempju: Dufour N. et al. (2005), “Intra-Community Transfers of Defence Products”, Unisys.

(14)  Fouarge, D., “The Cost of non-Social Policy: Towards an Economic Framework of Quality Social Policies - and the Cost of not Having Them” (Il-prezz tan-nuqqas ta’ politika soċjali: lejn qafas ekonomiku ta’ politiki soċjali ta’ kwalità – u l-prezz li ma jkunx hemm dawn il-politiki), Rapport għad-DĠ għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali, 2003, Brussell.

(15)  Rigward ir-rabta bejn l-inugwaljanzi u l-benesseri, ara xogħol Wilkinson u Pickett (2009) “The Spirit Level. Why Equal Societies Almost Always Do Better”, Allen Lane, Londra.

(16)  Nistgħu nsemmu l-eżempju tal-KEFA li l-iżmantellar tagħha ħaffef il-proċess tad-deterjorament tal-industrija Ewropea tal-azzar jew inkella d-dewmien konsiderevoli li ġarrab il-proġett Galileo li kellu jiffaċċja diffikultajiet ta’ governanza u ta’ finanzjament minħabba n-nuqqas ta’ tmexxija tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livell Ewropew.

(17)  Pereżempju, f’dawk li għandhom x’jaqsmu r-regolamenti u l-programmi ta’ finanzjament tal-politiki tal-enerġija fil-livell nazzjonali.

(18)  Filwaqt li l-Istrateġija ta’ Lisbona kienet tipprevedi nfiq għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ anqas minn 3 % tal-PDG, l-infiq tal-UE bħalissa aktarx huwa ta’ 1,84 % kontra 3 % fl-Istati Uniti u 8 % fiċ-Ċina.

(19)  Dikjarazzjoni Komuni ta’“Notre Europe” u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-għan ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija – 21 ta’ Frar 2012.

(20)  Wieħed mill-eżempji reċenti s’issa huwa sensiela ta’ ftehimiet konklużi bejn il-Ġermanja u ċ-Ċina fis-27 ta’ Lulju 2011 dwar ir-riċerka u l-investimenti fit-teknoloġiji ekoloġiċi, b’mod partikolari l-vetturi elettriċi u s-sistema ta’ qbid u ħżin tal-karbonju (Peel Q., Anderlini J., “China and Germany launch green initiative”, The Financial Times, 28 ta’ Lulju 2011).

(21)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Il-bini tal-ERA tal-għarfien għat-tkabbir ekonomiku”, COM(2005) 118 final, 6 ta’ April 2005.

(22)  Syndex, “Politika industrijali b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju bħala mezz ta’ ħruġ mill-kriżi”, rapport imwettaq għall-KESE, Marzu 2012, Brussell.


Top