EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012BP0382

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland/Ġermanja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland mill-Ġermanja) (COM(2012)0493 – C7-0294/2012 – 2012/2230(BUD))
ANNESS

ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 109–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 68/109


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland/Ġermanja

P7_TA(2012)0382

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland mill-Ġermanja) (COM(2012)0493 – C7-0294/2012 – 2012/2230(BUD))

2014/C 68 E/24

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0493 – C7-0294/2012),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (1) (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEG),

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0346/2012),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

D.

billi l-Ġermanja talbet għajnuna għal 2 284 sensja, li minnhom 2 103 huma fil-mira tal-għajnuna, fl-intrapriża maroland AG, produttur ta' makkinarju tal-istampar, u żewġ sussidarji tagħha kif ukoll fornitur fil-Ġermanja;

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Ġermanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja FEG fl-4 ta' Mejju 2012 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni fit-13 ta' Settembru 2012; jilqa’ l-fatt li l-proċess ta’ evalwazzjoni kien rapidu;

3.

Jinnota li dawn is-sensji jikkonċernaw tliet reġjuni differenti tal-Ġermanja - Augsburg (Bavaria), Offenbach (Hessen) u Plauen (Saxony), u hemm bliet ġirien kbar oħrajn huma affettwati wkoll mill-għeluq u s-sensji, inklużi Aschaffenburg, Wiesbaden, Darmstadt u Frankfurt/Main; josserva li l-idgħef mir-reġjuni huwa Plauen li jinsab fil-parti tal-lvant tal-Ġermanja, b'popolazzjoni żgħira imma b'dipendenza għolja fuq il-ħlasijiet tal-għajnuna soċjali. josserva li l-insolvenza ta' manroland tneħħi t-tielet l-ikbar impjegatur fiż-żona (700 ħaddiem qabel l-għeluq) u wieħed minn tlieta biss li kienu ta' daqs biżżejjed biex ikollhom ftehimiet kollettivi dwar il-pagi mal-ħaddiema tagħhom.

4.

Jilqa’ l-fatt li s-sħab soċjali adottaw pjan soċjali għas-sensji f’Manroland u li żewġ kumpaniji ta’ trasferiment se jfasslu u jimmaniġġjaw il-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati;

5.

Josserva li manroland qabel l-insolvenza tagħha kienet timpjega 6,500 ħaddiema u li hija kienet manifattur modern tal-makkinarju b'għarfien modern u rati ta' pagi attraenti; iqis li l-qsim ta' din l-intrapriża (b'telf ta' terz mill-ħaddiema tagħha) se joħloq telf ta' ħiliet, li jista' jaffettwa impjegaturi oħrajn u r-reġjuni kkonċernati. iqis li ħaddiema li jsibu impjieg ġdid se jkollhom jaċċettaw livell ta' pagi iktar baxx, li min-naħa tagħhom se jnaqqsilhom il-kapaċità tal-akkwist tagħhom u l-flussi tal-flus fi ħdan l-ekonomija lokali. iqis li t-tliet reġjuni, barra minn hekk, se jitilfu wieħed mill-impjegaturi l-iżjed influwenti, bl-ebda prospett immedjat li jitfaċċa suċċessur ekwivalenti fil-futur qrib.

6.

Jinnota li aktar minn nofs l-appoġġ tal-FEG se jintefaq fuq allowances - 2001 ħaddiem għandhom jirċievu allowance fuq perjodu qasir matul il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-miżuri (nefqa stmata ta’ EUR 2 727,67 għal kull ħaddiem matul 6-8 xhur) bħala żieda mal-benefiċċju ta' sussistenza mħallsa mis-servizzi tal-impjiegi pubbliċi fuq il-bażi tas-salarju nett li kienu jaqalgħu qabel; barra minn hekk jinnota li l-applikazzjoni tinkludi somma f’daqqa ta’ bejn EUR 4 000 u EUR 1 000 bħala primjum ta’ attivazzjoni għal 430 ħaddiem li aċċettaw kuntratt ta’ xogħol b’salarju aktar baxx minn dak tax-xogħol preċedenti tagħhom;

7.

Jilqa’ l-fatt li l-implimentazzjoni tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati beda fl-1 ta’ Awwissu 2012 – sew qabel id-deċiżjoni li jingħata appoġġ tal-FEG mill-awtorità baġitarja; jieħu nota li ħaddiema sensjati ibbenefikaw ukoll mill-appoġġ tal-FSE qabel ipparteċipaw fil-miżuri tal-FEG; jieħu nota li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li ttieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex ikun evitat l-iffinanzjar doppju mill-fondi tal-Unjoni;

8.

Ifakkar li l-appoġġ tal-FEG għandu jkun allokat primarjament għat-tfittxija ta’ impjieg u għal programmi ta’ taħriġ flok kontribuzzjoni diretta għal allowances finanzjarji; jemmen li, jekk inkluż fil-pakkett, l-appoġġ tal-FEG għandu jkun ta' natura komplimentari u qatt ma jieħu post l-allowances li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri jew tal-kumpaniji permezz tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi;

9.

Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema sensjati imma wkoll għall-ambjent tan-negozju kif inhu bħalissa;

10.

Jilqa’ l-fatt li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati kienu involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni FEG sa mill-bidu nett;

11.

Jilqa’ l-fatt li l-pakkett kooordinat ta’ miżuri personalizzati jfittex li jsaħħaħ il-mobilità transkonfinali billi jappoġġja t-tfittix tax-xogħol internazzjonali;

12.

Jenfasizza l-fatt li għandhom jinsiltu tagħlimiet mit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni u oħrajn li jindirizzaw sensji tal-massa;

13.

Jieħu nota li skont l-awtoritajiet Ġermaniżi l-pakkett kooordinat ta’ servizzi personalizzati tal-FEG jikkostitwixxi valur miżjud sinifikanti għall-miżuri disponibbli mill-fondi nazzjonali u l-FSE;

14.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex jaċċeleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-Fond; jittama li fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) il-ġdid jiġi integrat aktar titjib proċedurali, u li jintlaħqu effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà akbar tal-FEG;

15.

Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

16.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra dan jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri għas-suq tax-xogħol attivi li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi miżuri għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi; jiddeplora l-fatt li l-FEG jista’ jipprovdi inċentiv għall-kumpaniji sabiex jissostitwixxu l-forza tax-xogħol kuntrattwali tagħhom b’ħaddiema oħra aktar flessibbli u għal perjodu ta' żmien qasir;

17.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

18.

Jilqa' l-fatt li wara talbiet mill-Parlament, il-baġit tal-2012 juri approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 50 000 000 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG nħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u, għalhekk, jistħoqqlu allokazzjoni speċifika, li se tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-FEG;

19.

Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-Kunsill li jibblokka l-estensjoni tad-"deroga marbuta mal-kriżi" li tippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali flimkien ma’ dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, u li tippermetti żieda fir-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni għal 65 % tal-ispejjeż tal-programm, għall-applikazzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2011, u jistieden lill-Kunsill jerġa’ jintroduċi din il-miżura mingħajr dewmien;

20.

Japprova d-Deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland mill-Ġermanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2012/732/UE.)


Top