Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012BP0379

    Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2011/021 NL/Zalco Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2011/021 NL/Zalco imressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi) (COM(2012)0450 – C7-0220/2012 – 2012/2164(BUD))
    ANNESS

    ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 100–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 68/100


    It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
    Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2011/021 NL/Zalco

    P7_TA(2012)0379

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2011/021 NL/Zalco imressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi) (COM(2012)0450 – C7-0220/2012 – 2012/2164(BUD))

    2014/C 68 E/21

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0450 – C7-0220/2012),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda (1) (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEG),

    wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0324/2012),

    A.

    billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

    B.

    billi l-ambitu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni twessa’għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009’l quddiem biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

    C.

    billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista' jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

    D.

    billi r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab għajnuna matul il-perjodu ta' referenza qasir mill-1 sas-27 ta' Diċembru 2011 għal 616-il sensja, li kollha huma fil-mira tal-għajnuna, 478 minnhom minn Zalco Aluminium Zeeland Company NV, 18 mill-fornitur tagħha ECL Services Netherlands bv u 120 minn Start;

    E.

    billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

    1.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Pajjiżi l-Baxxi huma intitolati għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

    2.

    Jilqa' dit-talba għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-Gvern Olandiż allavolja dan l-Istat Membru oppona l-estensjoni tad-deroga għall-kriżi fir-rigward tal-FEG attwali u qed jipperikola l-ġejjieni tal-FEG wara l-2013;

    3.

    Jinnota li l-awtoritajiet Olandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-28 ta' Diċembru 2011, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-9 ta' Awwissu 2012; jiddispjaċih li l-proċedura ta' valutazzjoni damet daqshekk;

    4.

    Jinnota li t-territorju milqut mis-sensji huwa fir-reġjun NUTS II ta' Zeeland, provinċja fix-Xlokk tal-Pajjiżi l-Baxxi; Zeeland tista' titqies bħala suq żgħir tax-xogħol: il-lok periferiku tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-sitwazzjoni tagħha bħala reġjun fil-fruntiera b'żoni kbar taħt l-ilma, u l-kobor relattiv ta’ Zeeland bl-istruttura tagħha ta’ gżira, jirriżulta f’aċċess u mobilità pjuttost limitati; il-ħaddiema li ngħataw is-sensja joqogħdu fi bliet relattivament żgħar (b'mhux iktar minn madwar 50 000 abitant), għalhekk is-sensji se jkollhom impatt lokali notevoli;

    5.

    Jinnota li l-Qorti f’Middelburg iddikjarat lil Zalco Aluminium Zeeland Company NV falluta fit-13 ta' Diċembru 2011; is-sħab soċjali jistennew li ħaddiema oħra f'kumpaniji upstream jew downstream jistgħu jingħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-falliment ta' Zalco Aluminium Zeeland Company NV;

    6.

    Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jkunu pprovduti b’assistenza rapida, l-awtoritajiet Olandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri fit-2 ta' Jannar 2012, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

    7.

    Jinnota li s-sensji se jkollhom impatt notevoli fuq il-komunitajiet lokali u l-għadd ta' pożizzjonijiet miftuħa meta mqabbla mal-għadd ta' persuni qiegħda; jiddispjaċih li l-applikazzjoni ma tipprovdi ebda data statistika dwar is-suq tax-xogħol ikkonċernat;

    8.

    Ifakkar fl-importanza tat-titjib fl-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent attwali tan-negozju;

    9.

    Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali u l-muniċipalitajiet lokali rilevanti ġew ikkonsultati dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-FEG;

    10.

    Jilqa' l-involviment tas-sħab soċjali fid-disinn tal-pakkett ikkoordinat permezz taċ-Ċentru ta' Mobilità Zalco, inizjattiva kollettiva tal-partijiet involuti fis-suq tax-xogħol taż-Zeeland;

    11.

    Jilqa' l-fatt li l-kontribuzzjoni tal-FEG hija ppjanata biex tappoġġa biss il-miżuri attivi tax-xogħol (it-taħriġ u l-konsulenza) u li mhix se tintuża għall-benefiċċji;

    12.

    Jenfasizza l-fatt li għandhom jinsiltu tagħlimiet mit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni u oħrajn li jindirizzaw sensji tal-massa;

    13.

    Jiddispjaċih li l-informazzjoni dwar il-miżuri ta' taħriġ ma tiddeskrivix f'liema setturi l-ħaddiema x'aktarx isibu impjieg u jekk il-pakkett ġiex adattat għall-prospetti ekonomiċi għall-ġejjieni fir-reġjun;

    14.

    Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba li ddaħħlu fis-seħħ mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond; jittama li jiġi integrat aktar titjib proċedurali fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) il-ġdid u li jinkisbu effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà akbar tal-FEG;

    15.

    Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

    16.

    Jenfasizza li, skont it-termini tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol fuq tul ta' żmien twil ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra dan jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri għas-suq tax-xogħol attivi li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi miżuri għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi; jiddeplora l-fatt li l-FEG jista' jipprovdi inċentiv għall-kumpaniji sabiex jissostitwixxu l-forza tax-xogħol kuntrattwali tagħhom b'waħda aktar prekarja u għal terminu ta' żmien qasir;

    17.

    Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

    18.

    Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, il-baġit tal-2012 juri approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 50 000 000 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u, għalhekk, jistħoqqlu allokazzjoni speċifika, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-FEG;

    19.

    Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-Kunsill li jibblokka l-estensjoni tad-"deroga marbuta mal-kriżi" li tippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali flimkien ma’ dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, u li tippermetti żieda tar-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni għal 65 % tal-ispejjeż tal-programm, għall-applikazzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2011, u jitlob lill-Kunsill jerġa' jintroduċi din il-miżura mingħajr dewmien;

    20.

    Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

    21.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    22.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1,

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2011/021 NL/Zalco mill-Pajjiżi l-Baxxi)

    (It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2012/684/UE.)


    Top