Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 52012AE1411
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the Council, to the European Parliament, to the Committee of the Regions, and to the European Economic and Social Committee — An action plan to improve access to finance for SMEs’ COM(2011) 870 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” COM(2011) 870 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” COM(2011) 870 final
ĠU C 351, 15.11.2012, pagg. 45–51
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 351/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”
COM(2011) 870 final
2012/C 351/10
Relatur: is-Sinjura DARMANIN
Korelatur: is-Sur LANNOO
Nhar is-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs
COM(2011) 870 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.
Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fi żmien meta ħafna pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw prospetti ekonomiċi inċerti. Il-KESE huwa tal-fehma li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa jista’ jinkiseb biss jekk il-politika dwar l-SMEs tkun fost l-iktar punti importanti tal-aġenda tal-persuni li jiddeċiedu dwar il-politika fl-Ewropa. Għalhekk, huwa jappoġġja b’mod ċar l-isforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, sabiex tkun strument li jista’ jintuża mill-ekonomija reali.
1.2 Il-KESE jinnota li l-azzjonijiet dedikati ma jistgħux ikunu ta’ suċċess mingħajr l-involviment ċar mill-Istati Membri. Għalhekk, il-KESE jistedinhom jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni u jiftħu kull mekkaniżmu possibbli ta’ appoġġ għall-finanzi tal-SMEs billi jiffokaw fuq il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw fondi ta’ garanzija u jagħmlu użu aħjar mill-fondi strutturali għall-istrumenti finanzjarji.
1.3 Il-KESE jirrikonoxxi li l-finanzjament bis-self għadu u jibqa’ wieħed mill-istrumenti li jintużaw l-iktar għall-iżvilupp tal-SMEs. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri regolatorji u finanzjarji li għandhom l-għan li jsaħħu l-finanzjament tad-dejn u jiżguraw l-istrumenti għat-tkabbir tal-SMEs.
1.4 Il-Kumitat jisħaq li l-proposti ta’ Basel III għandhom jiġu implimentati b’mod korrett fl-Ewropa bid-Direttiva CRD IV mistennija, sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi għall-finanzjament tal-ekonomija reali.
1.5 Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-kapital ta’ riskju fl-Ewropa. Hija ħaġa essenzjali li s-suq Ewropew tal-kapital ta’ riskju jingħata impetu ġdid deċiżiv bil-għan li jingħelbu n-nuqqasijiet tas-suq u l-ostakli regolatorji, biex b’hekk il-qasam tal-kapital ta’ riskju jsir iżjed attraenti għall-investituri privati.
1.6 L-SMEs Ewropej huma varjati u eteroġenji. L-inizjattivi biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għandhom jikkonsistu f’portafoll sħiħ ta’ miżuri diversi u innovattivi biex dan il-grupp ta’ atturi diversi jintlaħaq b’mod effettiv filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. L-intrapriżi soċjali u l-professjonijiet liberi, pereżempju, għandhom forom legali u mudelli ta’ tħaddim differenti mill-intrapriżi “tradizzjonali”, ħaġa li tikkomplika iżjed l-aċċess tagħhom għall-finanzi billi dawn il-forom jew mudelli mhux dejjem ikunu rikonoxxuti jew jinfiehmu mill-atturi finanzjarji.
1.7 Il-kapital ibridu, li jirrappreżenta alternattiva għas-self bankarju, għandu jissaħħaħ ukoll. L-introduzzjoni ta’ atturi finanzjarji ġodda għandha tiġi appoġġjata, bħalma għandha tiġi appoġġjata wkoll l-introduzzjoni ta’ intermedjarji ġodda li jipprovdu kemm soluzzjonijiet finanzjarji innovattivi kif ukoll parir kummerċjali. Il-crowd funding huwa eżempju tajjeb biex insemmuh hawnhekk u s-servizzi bankarji parteċipattivi jistgħu jservu bħala għażla oħra li tista’ tiġi kkunsidrata.
1.8 Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-grupp tal-BEI, f’kooperazzjoni stretta mal-Kummissjoni Ewropea, jaqdi rwol ewlieni fl-investiment fl-SMEs, permezz ta’ firxa sħiħa ta’ strumenti ġenerali u mmirati. Fir-rigward tas-self mill-BEI għall-SMEs, l-intermedjarji tal-BEI huma mitluba jżidu l-isforzi tagħhom tal-komunikazzjoni biex jippromovu din l-iskema finanzjarja lill-komunità tal-SMEs f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.
1.9 Il-KESE jieħu nota tal-proposta għas-semplifikazzjoni u għal aktar trasparenza tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji (Strument Finanzjarju ta’ Dejn tal-UE u Strument Finanzjarju ta’ Ekwità tal-UE) fil-qafas tal-Programm Qafas Multiannwali (PQM). Il-KESE jappoġġja l-proposti għax dawn iż-żewġ skemi għandhom effett ta’ lieva kbir.
1.10 Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li trawwem id-djalogu bejn id-diversi partijiet interessati sabiex jiġu monitorjati l-iżviluppi fis-suq u jsiru rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Il-KESE jittama li jiġi mistieden b’mod regolari għall-Forum dwar il-Finanzjament tal-SMEs biex jiddiskuti u jippreżenta proposti konkreti dwar kif jistgħu jittaffew il-problemi finanzjarji tal-SMEs.
1.11 Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-taħriġ speċifiku għall-intraprendituri, bħall-programmi tal-prontezza tal-investituri, għandu jiġi stimulat.
1.12 Il-KESE jenfasizza li l-programmi Ewropej li jappoġġjaw il-finanzi tal-SMEs li jiġu implimentati permezz ta’ intermedjarji Ewropej, nazzjonali jew reġjonali għandhom ikunu jistgħu jiġu aċċessati iżjed faċilment mill-SMEs. Proċeduri trasparenti, li jinfiehmu u li jkunu konsistenti fil-livelli kollha lkoll jirrappreżentaw it-triq li twassal għas-suċċess.
2. Il-proposta tal-Kummissjoni
2.1 Il-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi l-ostakli ewlenin biex jiġu stimulati l-finanzi għall-SMEs. Fosthom:
— |
l-aċċess għas-self; |
— |
l-aċċess għall-kapital ta’ riskju; |
— |
l-aċċess għas-swieq tal-kapital. |
2.2 Barra minn hekk, id-dokumenti jiddeskrivu l-miżuri li ttieħdu bejn l-2007 u l-2012 biex jiġi żgurat li l-fondi jilħqu l-SMEs. Dawn kienu:
— |
il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); |
— |
l-allokazzjoni tal-BEI għas-self lill-SMEs; |
— |
il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni; |
— |
l-istrument ta’ Kondiviżjoni tar-Riskji fis-Seba’ Programm Kwadru. |
2.3 Il-Kummissjoni tidentifika għadd ta’ miżuri biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament għall-SMEs. Dawn jinkludu:
— |
miżuri regolatorji; |
— |
miżuri finanzjarji biex jittejbu s-self u l-kapital ta’ riskju fl-UE kollha kemm hi; |
— |
miżuri biex jittejjeb l-ambjent għall-SMEs. |
3. Osservazzjonijiet u kummenti ġenerali
3.1 Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), f’kooperazzjoni stretta mal-Kummissjoni Ewropea, jippubblika fuq bażi regolari r-riżultati tal-“Istħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fiż-żona tal-euro” (1). Skont ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ, bejn Ottubru 2011 u Marzu 2012, il-bżonn ta’ finanzjament estern min-naħa tal-SMEs fiż-żona tal-euro żdied. Fl-istess ħin, ir-riżultati tal-istħarriġ juru li l-aċċess għas-self mill-banek baqa’ sejjer għall-agħar, iżda kien hemm differenzi bejn l-Istati Membri (2). B’kollox, il-kumpaniji rrapportaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar rigward id-disponibbiltà tas-self mill-banek. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-istħarriġ jindikaw rati ta’ ċaħda kemxejn ogħla fost l-applikazzjonijiet għas-self. Sadattant, il-persentaġġ ta’ persuni li wieġbu li l-aċċess għall-finanzi kienet il-problema ewlenija tagħhom baqa’ ftit jew wisq l-istess. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-modi alternattivi għall-aċċess għall-finanzjament ikunu jistgħu jiġu sfruttati kompletament.
3.2 Il-KESE jenfasizza li kull studju għandu jiġi segwit bir-reqqa sabiex ikun hemm rispons malajr billi jiġu proposti miżuri ta’ politika speċifiċi. L-informazzjoni disponibbli fil-Forum tal-Finanzjament tal-SMEs, fl-Istati Membri u fl-organizzazzjonijiet tal-SMEs tista’ tikkomplementa dan is-segwitu. Dan l-eżerċizzju għandu jitwettaq mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-KESE u tas-soċjetà ċivili.
3.3 Il-KESE jappoġġja l-istudju li l-Kummissjoni qed twettaq biex tiġi valutata d-definizzjoni tal-SMEs u jitlob b’mod speċjali li tingħata attenzjoni speċifika lill-mikrokumpaniji u l-kumpaniji ż-żgħar. Fid-dawl tad-diversità u d-daqs tal-SMEs (3) (l-intrapriżi tal-familji, il-professjonijiet liberi u l-intrapriżi soċjali, biex insemmu xi wħud), il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li t-tfassil ta’ miżuri ta’ appoġġ finanzjarju adattat speċifikament għalihom għandu jkun prijorità. Għalhekk, il-Kummissjoni hija mitluba tqis il-karatteristiċi differenti tagħhom, b’attenzjoni speċjali għall-mikrointrapriżi, hija u tfassal il-programmi finanzjarji biex tappoġġja l-iżvilupp tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tevita kwalunkwe diskriminazzjoni għax m’hemm l-ebda risposta ta’ daqs wieħed għal kulħadd għall-bżonnijiet tagħhom.
4. Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri regolatorji
4.1 Ir-regolazzjoni tal-kapital ta’ riskju
4.1.1 |
Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ reġim armonizzat għat-transazzjonijiet transkonfinali mill-fondi tal-kapital ta’ riskju. Din il-proposta hija waħda rakkomandabbli peress li hemm ċans tajjeb li ttaffi n-nuqqasijiet tas-suq bis-saħħa ta’ “Passaport Ewropew” li jippermetti lill-fondi tal-kapital ta’ riskju fl-UE jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq u joħolqu kapital fuq bażi pan-Ewropea. Il-KESE għamel għadd ta’ kummenti fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-kapital ta’ riskju (4) u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidrahom. |
4.1.2 |
Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-istudju li l-Kummissjoni ser twettaq fl-2012 dwar ir-relazzjoni bejn ir-regolazzjoni prudenzjali u l-investimenti fil-kapital ta’ riskju mill-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. L-istudju għandu janalizza jekk dawn l-istrumenti humiex qed joħolqu oligopolija ta’ banek internazzjonali kbar jew jekk għandhomx jinbidlu fil-perjodu l-medju jew qasir. |
4.1.3 |
Billi l-maġġoranza tal-SMEs huma intrapriżi żgħar (inqas minn 10 impjegati), il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-mikrofondi ta’ kapital ta’ riskju. Dawn il-fondi jinvestu f’intrapriżi li l-proġetti tagħhom ma jkunux attraenti biżżejjed biex jiġbdu l-attenzjoni tal-kapitalisti ta’ riskju tradizzjonali imma jkunu kbar wisq jew riskjużi wisq biex jattiraw il-kapital mis-sorsi tradizzjonali tas-self. Dawn it-tip ta’ fondi jsaħħu l-bażi kapitali ta’ kumpanija u jiżviluppaw il-ħiliet kummerċjali tal-intraprendituri billi jużaw metodi ta’ kowċing matul il-perjodu tal-investiment (5). L-Istati Membri huma mistiedna jipproponu strumenti bħal miżuri speċifiċi ta’ tassazzjoni li jistgħu jistimolaw l-iżvilupp ta’ dawn il-fondi biex jingħalaq id-distakk finanzjarju. |
4.2 Ir-riformi fiskali
4.2.1 |
Nilqgħu l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riformi fiskali għall-investimenti transkonfinali tal-kapital ta’ riskju. Fl-istess ħin, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri ċari għall-prevenzjoni tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. |
4.2.2 |
Filwaqt li tindirizza l-ostakli fiskali għat-transazzjonijiet transkonfinali, il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-Istati Membri jħeġġu r-riforma fiskali f’pajjiżhom stess għall-iskemi ta’ finanzjament tal-SMEs. |
4.2.3 |
Il-prattiki tajbin li jeżistu f’xi Stati Membri għandhom jiġu esplorati u estrapolati għal-livell pan-Ewropew u jinxterdu fost l-SMEs (6). F’għadd ta’ pajjiżi diġà ġew stabbiliti pakketti ta’ stimolu fiskali. Fost l-eżempji nsibu l-Belġju/Fjandri fejn ftit tas-snin ilu ġie introdott win-win-loan: individwi jistgħu jsellfu flus lill-SMEs u meta jagħmlu dan jibbenefikaw minn tnaqqis fiskali. Is-sistema fil-Pajjiżi l-Baxxi, magħrufa bħala t-Tante Agaath regeling (7), hija eżempju ieħor. |
4.2.4 |
L-eżenzjonijiet fiskali bħal-liġi Franċiża ISF PME (8) jistgħu jkunu ta’ benefiċċju ġenwin għall-SMEs b’rata għolja ta’ tkabbir. Il-KESE huwa favur skemi bħal dawn sakemm l-ammont eżentat mit-taxxa jkun raġonevoli u ma jolqotx il-kontribuzzjonijiet għal setturi li jkunu daqstant importanti. |
4.3 Ir-regoli tal-Għajnuna mill-Istat
4.3.1 |
Il-KESE jappoġġja l-proposta prevista dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat biex jiġu semplifikati r-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs. Huwa jinnota li l-Kummissjoni ser tivvaluta r-Regolament tal-Eżenzjoni tal-kategorija u għadd ta’ linji gwida tal-għajnuna mill-Istat, inklużi dawk relatati mal-kapital ta’ riskju, sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jħeġġeġ li dawn ir-regoli jiġu mtejba, semplifikati u ċċarati. Il-Kumitat tagħna jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna mill-Istat tintuża biss biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq. |
4.4 Is-swieq tal-SMEs u SMEs elenkati fil-Borża iktar viżibbli
4.4.1 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-direttiva MIFID tipproponi l-iżvilupp ta’ swieq ta’ tkabbir omoġenji tal-SMEs u li jsiru iktar attraenti għall-investituri bis-saħħa ta’ tikketta ta’ suq ta’ tkabbir tal-SMEs. Madankollu, il-KESE jissuġġerixxi (9) li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet u miżuri speċifiċi li jippermettu li tiġi implimentata b’mod effiċjenti u effettiv. |
4.5 Il-piż tar-rappurtar għall-SMEs elenkati fil-Borża
4.5.1 |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna jnaqqsu r-regoli tal-kontabilità u l-piż tar-rappurtar għall-SMEs elenkati fil-Borża fl-Ewropa. Il-Kumitat jagħraf il-fatt li l-Kummissjoni ressqet proposta għal direttiva li tissemplifika u temenda d-Direttivi dwar il-Kontabilità u fl-istess ħin, proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni tadotta ż-żewġ Opinjonijiet tiegħu li ħareġ fil-bidu tal-2012 (10) u huwa tal-fehma li l-SMEs għandhom jirrilaxxaw ir-riżorsi biex jinvestu fl-intrapriżi tagħhom b’tali mod li jżidu t-tkabbir. |
4.6 L-implimentazzjoni futura ta’ Basel III u l-konsegwenzi għall-finanzjament tal-SMEs
4.6.1 |
L-UE għandha tkompli tkun fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji finanzjarji miftiehma fil-livell internazzjonali. Madankollu, il-KESE jinnota li d-diversi rekwiżiti ta’ kapital għall-implimentazzjoni ta’ Basel III fl-UE li deħlin fis-seħħ u li qed jiġu diskussi bħalissa (CRD IV/CRR) jistgħu jikkawżaw diversi problemi għall-SMEs (11). |
4.6.2 |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, sabiex jiġu evitati kriżijiet futuri. Madankollu, dan ifisser ukoll li ma jistgħux jiddaħħlu iżjed regolamenti għas-swieq finanzarji għad-detriment tal-finanzjament tal-SMEs. Il-KESE jappoġġja għal kollox ir-Rapport Karas, adottat mill-Parlament Ewropew f’Mejju 2012, li jirrappreżenta pass ieħor fit-triq it-tajba lejn implimentazzjoni għaqlija u fattibbli fl-UE tar-regoli dwar ir-rekwiżiti kapitali ta’ Basel III. |
4.6.3 |
Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ser tikkonsulta lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fi żmien 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida (CRD IV) u li l-ABE ser tirrapporta dwar is-self lill-SMEs u lill-persuni fiżiċi. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun involuta bis-sħiħ fil-valutazzjoni mill-ġdid tal-piż tar-riskju billi tesprimi l-fehma tagħha dwar ir-rapport li għandu jintbagħat lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. |
4.7 Id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard
4.7.1 |
Il-Kummissjoni tipprevedi li din id-Direttiva tiġi implimentata sas-16 ta’ Marzu 2013. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw iżjed malajr mis-sistema. Huwa ferm importanti wkoll li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib ħafna l-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 4(5), li jagħtihom il-possibbiltà li jtawlu l-proċedura ta’ verifika sa iktar minn 30 jum, sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-Istati Membri sabiex iżżommhom milli jużaw dan l-Artikolu biex idewmu l-ħlas b’mod artifiċjali, speċjalment billi d-dewmien fil-ħlasijiet mill-awtoritajiet pubbliċi għandu impatt konsiderevoli fuq il-fluss tal-flus u l-ġestjoni tal-likwidità tal-SMEs. |
4.7.2 |
Sabiex jagħtu l-eżempju, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej iħallsu lill-kuntratturi tagħhom fil-ħin u jevitaw li jimponulhom piżijiet amministrattivi u finanzjarji bla bżonn. |
4.8 Il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej
4.8.1 |
Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej u jfakkar lill-Kummissjoni li t-titjib tal-aċċess għal kapital adatt għall-intrapriża soċjali għandu jkun fost l-iktar punti importanti tal-aġenda. Il-KESE esprima l-fehma (12) tiegħu dwar din il-kwistjoni fil-bidu tal-2012. Waħda mill-isfidi hija l-bżonn li jitkejlu u jiġu rapportati l-effetti soċjali u l-impatt fuq is-soċjetà tal-impriżi tal-portafolji. Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju konġunt fil-livell tal-UE sabiex jiġu żviluppati kriterji u indikaturi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal dawn. Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li fondi ta’ dan it-tip jistgħu jkunu biss għodda waħda fost bosta strumenti finanzjarji ferm meħtieġa li għad iridu jiġu żviluppati. |
4.8.2. |
Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri biex itejbu r-rikonoxximent ta’ diversi forom ta’ intrapriżi soċjali. B’rikonoxximent ikbar, dawn l-intrapriżi jaraw tnaqqis fil-piż tar-riskju għas-self li jingħatalhom u ma jibqgħux żvantaġġati f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-intrapriżi tradizzjonali. |
5. Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri finanzjarji tal-UE għall-SMEs
5.1 Il-Kumitat huwa konxju sew li għadd kbir ta’ SMEs, b’mod partikolari iż-żgħar, ser ikomplu jiddependu l-iktar fuq il-kreditu fir-rigward tal-finanzjament estern.
5.2 Il-KESE jilqa’ l-attività sostnuta tas-self mill-BEI għall-SMEs bħala waħda mill-istrumenti ewlenin ta’ self lill-SMEs fil-livell tal-UE, u jagħraf il-vantaġġi finanzjarji li jgħaddu lill-SMEs biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-self permezz ta’ dan is-self intermedju. Il-KESE jistieden lill-BEI jkompli bl-implimentazzjoni effettiva tagħhom u biex jirrapporta regolarment dwar ir-riżultati li jinkisbu. Sabiex jintlaħqu r-riżultati mistennija, il-banek intermedjarji huma mitluba jżidu l-isforzi tagħhom tal-komunikazzjoni biex jippromovu dan is-self b’mod aħjar lill-komunità tal-SMEs f’kooperazzjoni stretta mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.
5.3 Huwa daqstant importanti li tiġi appoġġjata l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ intermedjarji, li f’ħafna każijiet ikunu iktar adatti għad-diversità tal-SMEs. L-esperjenzi mis-setturi tal-kooperattivi u tas-servizzi bankarji soċjali huma siewja, peress li joffru appoġġ finanzjarju adattat li ħafna drabi jkun abbinat ma’ servizzi oħra ta’ appoġġ.
5.4 Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju għall-investimenti tal-ekwità u l-kważi-ekwità, f’kooperazzjoni stretta mal-grupp tal-BEI, u biex tappoġġja l-ħruġ ta’ bonds korporattivi komuni (pooled). Fir-rigward tas-suq tal-kważi-ekwità, il-KESE jistieden b’mod partikolari lill-Kummissjoni u l-grupp tal-BEI biex jesploraw modi kif jistgħu jtejbu l-finanzjament intermedju u biex iħarsu lejn prodotti intermedji ġodda, bħala garanzija għas-self intermedju.
5.5 Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tkompli bil-promozzjoni tal-iskemi finanzjarji tal-UE mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs sabiex tiżgura iżjed viżibbiltà u adozzjoni rapida għal dawn l-istrumenti, speċjalment għall-Istati Membri li għadhom lura. Billi l-finanzjament effettiv tal-SMEs jista’ jitqies bħala waħda mill-iktar għodod importanti fil-Patt tat-Tkabbir, is-suġġett għandu jiġi indirizzat b’mod adatt fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.
5.6 Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċifika biex jiġu appoġġjati l-SMEs permezz tal-istrumenti ta’ ekwità u dejn provduti mill-Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-programm Orizzont 2020. Il-KESE jappoġġja ħafna li jiżdied il-livell limitu massimu stipulat mill-faċilità tal-garanzija tas-self f’COSME (EUR 150 000) kif diġà ġie stabbilit fl-Opinjoni preċedenti tagħna dwar il-Programm tal-Kompetittività (13).
5.7 Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm regolamenti dwar il-politika ta’ koeżjoni li jipprovdu għal implimentazzjoni mingħajr xkiel u effiċjenti tal-programmi tal-SMEs billi l-qafas attwali mhuwiex suffiċjenti biex jintlaħaq dan il-għan. Il-KESE jiddispjaċih li r-regolamenti finanzjarji tal-UE bħalissa huma wisq tqal jew wisq kumplessi, u għalhekk qed joħolqu problemi għall-intermedjarji nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tagħhom. Hemm tassew bżonn ċar għal monitoraġġ aħjar tal-użu tal-istrumenti finanzjarji fi ħdan il-Politika ta’ Koeżjoni (14).
5.8 Hija ħaġa importanti wkoll li jkun hemm bidla mill-finanzjament tal-proġetti għal strumenti ta’ finanzjament sostenibbli biex tiġi evitata d-dipendenza fuq il-fondi pubbliċi. Hawnhekk il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-prattika tajba fit-taħlit u l-proporzjonar ta’ dejn u ekwità tal-istrumenti finanzjarji minn sorsi differenti matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-SME.
5.9 Il-KESE jieħu nota tal-proposta biex jiġi faċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fit-tul bi strumenti finanzjarji ġodda (Strument Finanzjarju ta’ Dejn tal-UE u Strument Finanzjarju ta’ Ekwità tal-UE) fil-qafas tal-Programm Qafas Multiannwali (PQM) fil-forma ta’ pjattaformi dedikati. Bil-ġbir ta’ riżorsi minn diversi sorsi, il-KESE jikkalkula li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu katalista għall-investimenti għal-lakuni identifikati fis-suq, jistgħu jinkisbu ekonomiji ta’ skala u/jew jiġi minimizzat ir-riskju ta’ falliment f’oqsma fejn ikun diffiċli biex l-Istati Membri individwali jiksbu l-massa kritika meħtieġa. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ strumenti finanzjarji fuq il-bażi tal-lezzjonijiet li nsiltu mill-istrumenti eżistenti (strumenti finanzjarji tas-CIP, RSFF). Huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli, gwidi u standardizzazzjoni adatti b’konformità mar-rekwiżiti tas-suq u l-aħjar prattika, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu semplifikati l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiġu promossi l-effiċjenza u d-dixxiplina finanzjarja. Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u l-governanza tajba adegwati lkoll huma tal-ikbar importanza biex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE jintużaw għall-iskop previst.
6. Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri għat-titjib tal-ambjent għall-SMEs
6.1 Informazzjoni u komunikazzjoni aħjar għall-SMEs
6.1.1 |
Il-KESE jilqa’ l-proposta biex tiżdied l-informazzjoni għall-intermedjarji finanzjarji u biex il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu mħeġġa jipprovdu lill-klijenti tagħhom bl-għodod kollha meħtieġa biex jgħinuhom isibu l-finanzjament. Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi xprunata l-edukazzjoni finanzjarja għall-SMEs. L-Istati Membri huma mħeġġa ħafna jieħdu sehem f’dak l-eżerċizzju billi jwaqqfu programmi speċifiċi tal-“prontezza għall-investiment” għall-SMEs f’kooperazzjoni stretta mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs. |
6.1.2 |
Waħda mill-ikbar problemi għall-maġġoranza vasta tal-SMEs hija l-aċċess għall-konsulenza mfassla speċifikament għalihom. Il-KESE jappoġġja l-prinċipju u r-rwol tan-Netwerk Ewropa għall-Intrapriża (Europe Enterprise Network – EEN) iżda jqis li l-potenzjal tiegħu għandu jiġi użat kompletament (15). Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi li tissaħħaħ il-kapaċità għall-konsulenza finanzjarja tal-EEN. Madankollu, jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-SMEs għandhom ikunu involuti wkoll mill-qrib f’din il-kampanja u li għandha tiġi mfassla b’tali mod li tenfasizza d-diversità tal-SMEs. |
6.2 Intejbu l-monitoraġġ u l-ġbir tad-data tas-suq ta’ finanzjament tal-SMEs
6.2.1 |
Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni diġà ħadmet fuq din il-kwistjoni (Stħarriġ dwar l-Aċċess tal-SMEs għall-finanzi u l-SME Finance Index). Huwa jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni biex taħdem iktar mill-qrib mal-federazzjonijiet tal-banek u biex tikkonsulta istituzzjonijiet oħra (il-BĊE, l-ABE). Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-SMEs jiġu involuti fil-livell tal-Istati Membri wkoll. Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jirreferix għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-OECD biex jinħarġu d-data u l-istatistika (16) dwar l-aċċess għall-finanzjament. |
6.3 Il-klassifikazzjoni kwalitattiva
6.3.1 |
Il-mudelli tal-klassifikazzjoni purament kwantitattiva ħafna drabi ma jkunux adatti għall-valutazzjoni tal-SMEs għax ikunu riġidi wisq. L-użu ta’ fatturi kwalitattivi minbarra l-analiżi kwantitattiva komuni huwa ferm milqugħ. Għalhekk, il-banek jistgħu jqisu li jibbilanċjaw il-metodi tagħhom għall-klassifikazzjoni tal-valutazzjoni ta’ kemm jifilħu jissellfu l-SMEs b’lok biżżejjed għar-“relationship banking”. Din il-kwistjoni trid tiġi indirizzata wkoll bl-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-KESE jiddispjaċih li xi banek jidhru li qed jitbiegħdu minn din l-idea minflok ma jippromovuha. |
6.4 L-investituri informali (Business Angels) u atturi oħra fl-istadji bikrija
6.4.1 |
Il-KESE jemmen pereżempju li huwa importanti li tiġi żviluppata r-rabta bejn l-investituri informali u l-fondi ta’ kapital ta’ riskju fl-istadji bikrija mal-fondi ta’ kapital ta’ riskju fi stadji iktar avvanzati sabiex tiġi żgurata katina b’saħħitha ta’ finanzjament innovattiv. Barra minn hekk, l-inizjattivi għall-appoġġ ta’ djalogu iżjed b’saħħtu fil-livell reġjonali bejn l-investituri informali, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-intraprendituri lokali huma mħeġġa sew. |
6.4.2 |
Għandhom jiġu esplorati u implimentati approċċi innovattivi għall-finanzjament ta’ riskju. Wieħed minn dawn l-approċċi huwa l-crowd funding, fejn ikunu ċ-ċittadini, u mhux il-banek jew l-ispeċjalisti, li jinvestu fl-SMEs permezz ta’ pjattaforma onlajn, minflok ma jinvestu fil-Borża. |
6.4.3 |
Il-forom adattati ta’ kapital ibridu (17) li jinkludu elementi ta’ għotjiet, ekwità u kapital bid-dejn (bħas-self ibbażat fuq il-kondiviżjoni tal-profitti) għandhom jissaħħu, għax huma iżjed adatti għall-SMEs, kemm fl-istadji bikrija kif ukoll tul iċ-ċiklu sħiħ ta’ ħajjithom. |
7. Rakkomandazzjonijiet oħra biex jinkiseb il-finanzjament tal-SMEs
7.1 L-aħjar prattiki fis-settur bankarju
7.1.1 |
Għandu jiġi ppjanat l-iżvilupp ta’ qafas fejn jista’ jitħeġġeġ is-self mill-istituzzjonijiet li joperaw fuq filosofija ta’ kondiviżjoni tar-riskju u tal-profitti, peress li l-SMEs ċertament ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu. Il-Kummissjoni għandha tqis b’mod serju l-fenomenu tas-servizzi bankarji parteċipattivi. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tħejji Green Paper bħala bażi għat-tnedija ta’ dibattitu dwar is-servizzi bankarji parteċipattivi fil-livell Ewropew. Inizjattivi separati implimentati minn pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u Malta huma pożittivi iżda jistgħu jxekklu l-avvanz tal-integrazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, inizjattivi separati u mhux koordinati jistgħu ma jħallux l-iktar riżultati effiċjenti li kieku jistgħu jinkisbu minn dan it-tip ta’ finanzjament, bħall-kondiviżjoni tar-riskju, il-kondiviżjoni tal-profitti u approċċ soċjali għall-finanzjament. It-tħeġġiġ tal-mikrofinanzjament b’politiki ta’ investiment speċifiċi li jirreferu għall-finanzjament Iżlamiku jista’ jwassal ukoll għal attivitajiet intraprenditorjali ġodda filwaqt li jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar f’ċertu reġjuni. F’dan il-kuntest, għandha tiġi żviluppata direttiva li tipprevedi, tindirizza u tħeġġeġ metodi ta’ finanzjament alternattivi biex jiġi żgurat li dawn ikunu f’sitwazzjoni b’kundizzjonijiet indaqs b’metodi ta’ finanzjament bħall-finanzjament konvenzjonali. |
7.1.2 |
Il-KESE jieħu nota li l-Kummissjoni analizzat il-ħidma u r-riżultati miksuba mill-medjaturi tal-kreditu kif ukoll dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw l-SMEs fit-tfittxija tagħhom għall-finanzjament (18). Il-KESE jistieden lill-Istati Membri kollha biex tinħoloq funzjoni bħal din sabiex tittejjeb it-trasparenza fil-proċess tas-self. Il-Kumitat jinnota li l-Artikolu 145(4) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD III), u l-Artikolu 418(4) tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD IV) jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-SMEs jitolbu lill-banek jinformawhom dwar il-klassifika u l-valutazzjoni tagħhom. Tkun ħaġa importanti li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ fil-prattika. |
7.1.3 |
Fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni u tiżgura li hemm biżżejjed kompetizzjoni f’dan is-settur, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, fil-qasam tal-prodotti finanzjarji għall-SMEs. Pereżempju, hemm il-problema tat-telf mill-finanzjament (ara iktar ’l isfel); fl-istess ħin, ir-rati għas-self kurrenti mill-bank (overdrafts) għall-intrapriżi ż-żgħar għadhom f’livell għoli ħafna, għad li r-rati tal-imgħax tal-banek għall-finanzjament mill-ġdid qatt ma kienu daqshekk baxxi. Il-kumpaniji l-kbar jistgħu jużaw alternattivi (bħal straight loans), imma l-intrapriżi ż-żgħar ma jistgħux jużaw dawn il-prodotti. |
7.1.4 |
Telf mill-finanzjament (funding loss): f’bosta Stati Membri, il-banek jiċċarġjaw imposta fuq l-intrapriżi meta dawn iħallsu lura s-self qabel iż-żmien. Kull meta s-self jintradd lura qabel iż-żmien previst fil-kuntratt, il-bank jiċċarġja imposta għat-telf mill-finanzjament biex jagħmel tajjeb għall-fatt li l-bank jaf ikollu jinvesti l-flus mill-ġdid b’rata ta’ imgħax iktar baxxa minn dik li kien ikollu kieku s-self ma kienx tħallas lura qabel iż-żmien mistenni. |
7.1.5 |
Madankollu, il-problema hi li dawn l-imposti għat-telf mill-finanzjament ħafna drabi jkunu pjuttost għoljin. Barra minn hekk, dawn l-imposti sikwit ma jkunux spjegati b’mod ċar fil-kuntratt, li jirreferi anki għal rati ta’ imgħax futuri li ma jkunux għadhom magħrufa. Din il-ħaġa tagħmilha diffiċli ferm biex intrapriża jkollha stima tal-imposta potenzjali għat-telf mill-finanzjament fil-każ li tħallas qabel iż-żmien. Fi kwalunkwe każ, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi lanqas jafu bl-obbligu li jridu jħallsu imposta għat-telf mill-finanzjament. |
7.1.6 |
Għalhekk huwa kruċjali li l-banek jipprovdu informazzjoni iżjed ċara dwar dawn l-imposti qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim dwar is-self. Barra minn hekk, l-ammont tal-imposta għat-telf mill-finanzjament għandu jkun limitat u raġonevoli. |
7.2 Il-viżibbiltà u l-amministrazzjoni tal-programmi Ewropej għall-finanzjament tal-SMEs
7.2.1 |
Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta’ bażi tad-data unika onlajn li tħaddan sorsi differenti ta’ finanzjament, li tintegra l-miżuri Ewropej, nazzjonali u reġjonali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni xxerred kemm jista’ jkun il-gwida prattika (19) li huwa fassal b’informazzjoni dwar kif jistgħu jiġu aċċessati l-EUR 50 biljun ta’ finanzi pubbliċi fis-27 Stat Membru. |
7.2.2 |
Il-KESE huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-programm Orizzont 2020, baġit dedikat ta’ 15 % tal-programm globali u struttura ta’ ġestjoni unika huma essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-SMEs. Fir-rigward tal-proċedura, għandu jsir titjib rigward il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi. Pereżempju, ħafna SMEs li qed jieħdu sehem fi proġetti finanzjati mill-UE għadhom qed jiffaċċjaw problemi enormi relatati mal-VAT fil-pajjiżi rispettivi tagħhom meta jieħdu sehem fil-proġetti. Ħafna drabi din il-kwistjoni tkun wieħed mill-ostakli ewlenin għal dawk li jkunu qed jieħdu sehem mill-bidu nett. Fl-Istati Membri kollha għandhom jiġu implimentati regolamenti ċari li jeħilsu lill-SMEs minn dawn il-piżijiet. Il-VAT għandha tkun rikuperabbli f’kull ċirkostanza fil-proġetti finanzjati mill-UE. |
Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Dan l-istħarriġ twettaq bejn id-29 ta’ Frar u d-29 ta’ Marzu 2012, b’kampjun ta’ 7 511 kumpanija fiż-żona tal-euro.
(2) Ibid, ara l-figuri speċifiċi fil-paġni 14-15.
(3) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.
(4) ĠU C 191, 29.06.2012, p. 72.
(5) Ara pereżempju Financités: http://www.financites.fr/
(6) Ara r-rapport tal-EBAN: Tax Outlook 2010 Executive Summary - http://www.eban.org/resource-center/publications/eban-publications
(7) Tante Agaath regeling (http://www.tanteagaath.nl/agaath_regeling.htm).
(8) http://pme.service-public.fr/actualites/breves/reduction-isf-pour-investissements-pme.html
(9) ĠU C 191, 29.06.2012, p. 80.
(10) ĠU C 143, 22.05.2012, p. 78 - ĠU C 181, 21.06.2012, p. 84.
(11) ĠU C 68, 6.3.2012, p. 39.
(12) ĠU C 229, 31.07.2012, p. 55.
(13) ĠU C 181, 21.06.2012, p. 125.
(14) Rapport Speċjali Nru 2/2012 “Financial instruments for SMEs co-financed by the European Regional Development Fund” – Rapport tal-Qorti Ewropea Awdituri - http://eca.europa.eu/portal/pls/portal/docs/1/13766742.PDF
(15) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 125.
(16) Ara eżempji bħal "Financing SMEs and Entrepreneurs 2012: an OECD scoreboard" (http://www.oecd-ilibrary.org/industry-and-services/financing-smes-and-entrepreneurship_9789264166769-en).
(17) http://www.schwabfound.org/pdf/schwabfound/SocialInvestmentManual.pdf
(18) http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1186&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en
(19) Rapport Finali, Evalwazzjoni tal-Politiki tal-Istati Membri biex ikun faċilitat l-Aċċess għall-Finanzi għall-SMEs (Evaluation of Member State Policies to facilitate Access to Finance for SMEs - mhux disponibbli bil-Malti) – Ġunju 2012 http://ec.europa.eu/enterprise/policies/finance/guide-to-funding/indirect-funding/files/evaluation-of-national-financing-programmes-2012_en.pdf