Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0770

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp — It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn” COM(2012) 22 final

    ĠU C 351, 15.11.2012, p. 77–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 351/77


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp — It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn”

    COM(2012) 22 final

    2012/C 351/17

    Relatur: is-Sinjura PICHENOT

    Nhar is-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp. It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn

    COM(2012) 22 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Settembru 2012.

    Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’127 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat ifakkar li

    Wara għaxar snin ta’ politiki proattivi li jgħaqqdu l-kummerċ u l-iżvilupp, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 dwar “It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn” (1) tagħti rendikont pjuttost ibbilanċjat f’dinja li qed tinbidel għalkollox. Aktar minn 50 % tal-kummerċ dinji llum il-ġurnata jseħħ mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar għandu l-akbar potenzjal ta’ tkabbir fis-snin li ġejjin. L-ostakli għall-kummerċ inbidlu u aktar minn qatt qabel qed ikunu ostakli nontariffarji – problema kbira għall-esportazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ integrazzjoni aħjar tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ reġjonali u internazzjonali. Huwa jappoġġja l-impenn tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-multilateraliżmu u l-konklużjoni rapida ta’ ftehim tad-WTO fir-rigward tal-pajjiżi l-anqas żviluppati. Madankollu, il-KESE jfakkar li l-kummerċ għadu mezz u mhux għan fih innifsu. F’dinja li qed tinbidel, ikkaratterizzata minn pressjoni ambjentali mingħajr preċedent u inugwaljanzi dejjem akbar, l-isfida tal-lum il-ġurnata hija li l-politiki kummerċjali jiġu integrati f’tip ġdid ta’ żvilupp, li jkun aktar inklużiv u aktar sostenibbli.

    1.2   Il-Kumitat jappoġġja

    Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar il-kummerċ, l-investiment u l-iżvilupp għandha tintlaqa’ bħala l-frott ta’ kollaborazzjoni effikaċi bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-konsultazzjoni pubblika, ir-rilevanza tad-dijanjosi li saret għall-finijiet ta’ koerenza u l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla (2) fl-aspetti li jikkonċernaw il-kummerċ. B’mod partikolari, jilqa’ l-interess li ntwera fir-rigward tal-impatt, is-segwitu u l-valutazzjoni tal-politiki kummerċjali, li joffru bażi aħjar għal approċċ prammatiku għar-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp. Il-KESE, flimkien mal-imsieħba tiegħu, jimpenja ruħu f’dan is-segwitu u jixtieq li ssir valutazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment li jistgħu jiltaqgħu magħhom xi pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    Il-KESE jaqbel mal-interess li ntwera fir-rigward tal-aċċess għall-kreditu u l-għajnuna għall-kummerċ għall-operaturi privati u b’mod partikolari għall-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll fir-rigward tal-appoġġ għall-kummerċ lokali u reġjonali bejn il-bdiewa żgħar. Il-KESE jfakkar lill-mexxejja tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-importanza li joħolqu klima ta’ investiment fil-livell nazzjonali u r-rwol kruċjali li taqdi l-offerta produttiva fl-iżvilupp.

    Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tad-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DEVCO) tal-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ djalogu strutturat dwar l-iżvilupp – il-“Policy Forum for Development” li bħalissa jinsab f’fażi intermedja sal-2013.

    1.3   Il-Kumitat jikkritika

    Fir-rigward tad-dinja li qed tinbidel għalkollox, l-urġenza fir-rigward tal-klima u d-distakk li dejjem jikber bejn il-pajjiżi emerġenti u dawk li mhumiex emerġenti, il-Komunikazzjoni tillimita lilha nnifisha għal aġġustament tal-politiki tagħha fosthom ġustifikazzjoni retrospettiva tar-riforma tas-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SPĠ). It-tfassil ta’ viżjoni mġedda tal-iżvilupp għandu jsir prijorità għall-UE kif ukoll għall-imsieħba tagħha, u l-kapaċitajiet tagħhom għandhom jissaħħu fid-dawl ta’ żvilupp inklużiv u sostenibbli. Il-Kumitat jappella biex jissokta dibattitu wiesa’ mas-soċjetà ċivili fil-mixja f’din id-direzzjoni.

    Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni ma tindirizzax ċerti suġġetti importanti. B’mod partikolari, ma tislitx it-tagħlimiet kollha mill-analiżi dwar il-frammentazzjoni tal-kummerċ. Il-Komunikazzjoni tikkonferma li llum il-ġurnata hemm tliet gruppi ta’ pajjiżi li jispikkaw fil-kummerċ: il-pajjiżi l-anqas żviluppati, li s-sehem tagħhom fil-kummerċ dinji għadu marġinali, il-pajjiżi emerġenti li qed jikbru b’rata mgħaġġla ħafna u, bejn dawn iż-żewġ gruppi, hemm il-pajjiżi “tan-nofs”. Peress li l-Komunikazzjoni tinsisti fuq il-pajjiżi “l-iktar fil-bżonn” ma tindirizzax b’mod konkret it-trattament kummerċjali mogħti lil dawn il-pajjiżi “tan-nofs” li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma pajjiżi li qed jiżviluppaw. Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) ma tistax tissostitwixxi strateġija għall-iżvilupp.

    Fl-aħħar, il-KESE jwissi kontra l-limiti ta’ divrenzjar tal-pajjiżi abbażi tal-kriterju tad-dħul (PDG). Li mmorru lil hinn mill-kriterju tad-dħul nazzjonali (bħalma jsir fil-każ tal-pajjiżi l-anqas żviluppati) biex issir distinzjoni aħjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huwa proġett promettenti li l-UE għandha tkompli tħeġġeġ f’fora internazzjonali. Dan huwa suġġett li l-UE tista’ tressaq minn issa fid-diskussjoni dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għal wara l-2015 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    1.4   Il-Kumitat jirrakkomanda

    Il-KESE jfakkar li huwa importanti li jitfasslu strateġiji ta’ żvilupp sui generis li jinkludu politiki interni u kummerċjali bil-għan li jkun hemm tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-miżuri interni għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, għas-soluzzjoni tal-fallimenti tas-suq u l-protezzjoni tal-ambjent ekonomiku u uman huma elementi essenzjali għall-istrateġiji ta’ żvilupp. Mingħajr dawn l-elementi, il-kontribut tal-kummerċ għall-iżvilupp jista’ biss ikun marġinali u limitat, b’mod partikolari fil-qasam agrikolu.

    Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-istudji tal-impatt dwar l-iżvilupp sostenibbli jagħmlu parti minn ċiklu usa’ ta’ valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-politiki kummerċjali, mill-ex ante sal-ex post, b’kont meħud tal-objettivi Ewropej tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex fl-istrateġija kummerċjali tagħha intiża lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinkludi b’mod aktar strett il-konklużjonijiet ta’ Ġunju 2012 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-bażi ta’ protezzjoni soċjali.

    Il-KESE jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli jiġu integrati f’valutazzjoni globali tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles permezz ta’ proċeduri ta’ segwitu regolari u analiżi ex post ta’ dawn il-ftehimiet fi ħdan il-KESE. Barra minn hekk, il-KESE jixtieq li d-dispożizzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli ta’ kull ftehim kummerċjali jinkludu impenn speċifiku ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-ftehim kollu fuq l-iżvilupp sostenibbli.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex fil-fora multilaterali tippromovi aktar l-aċċess ħieles mit-taxxi tal-importazzjoni u tal-kwoti għall-prodotti li jkunu ġejjin mill-pajjiżi l-anqas żviluppati. It-tisħiħ mill-UE tal-kapaċitajiet ta’ negozjar tal-pajjiżi l-anqas żviluppati bil-għan li jiffirmaw ftehimiet kummerċjali Nofsinhar-Nofsinhar jista’ wkoll isir prijorità tal-Unjoni.

    Il-KESE jitlob lill-UE sabiex, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ impass li għadha magħna, tniedi diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE). Il-KESE jixtieq ikun involut mill-qrib f’din l-inizjattiva, u huwa tal-fehma li hija ħaġa tajba li l-ispeċifiċitajiet tal-“pajjiżi tan-nofs” jistgħu jiġu kkunsidrati aħjar f’tali diskussjonijiet.

    2.   Tagħlimiet x’jinsiltu mill-frammentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali

    2.1   Mill-2006 ’l quddiem, u għall-ewwel darba mir-rivoluzzjoni industrijali ’l hawn, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom sehem ta’ aktar minn 50 % fil-kummerċ internazzjonali. Għaxar snin ilu bdiet isseħħ il-konverġenza bejn id-dħul tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi żviluppati, fenomenu li għadu magħruf bħala “irkupru”. Dawn iż-żewġ fenomeni huma marbutin mal-eliminazzjoni tal-ostakli doganali fid-dinja u mar-rwol li jaqdu l-pajjiżi emerġenti, u b’mod partikolari ċ-Ċina, fil-kummerċ dinji. Il-ġeografija tal-kummerċ industrijali miexja lejn l-Asja filwaqt li dik tal-kummerċ agrikolu qed tersaq lejn il-Brażil. Fl-istess ħin il-kompożizzjoni tal-kummerċ qed tittrasforma ruħha: il-kummerċ tal-merkanzija qed jissarraf f’kummerċ tal-kompiti – il-biċċa l-kbira tal-prodotti li jiġu skambjati fid-dinja huma prodotti li għad iridu jiġu proċessati, u mhux prodotti lesti għalkollox. Hemm tliet gruppi ta’ pajjiżi: il-pajjiżi l-anqas żviluppati b’sehem marġinali fil-kummerċ dinji, il-pajjiżi emerġenti li qed jikbru b’rata mgħaġġla u, bejn dawn iż-żewġ gruppi, il-pajjiżi “tan-nofs” li jinkludu l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    2.2   Madankollu l-bidu ta’ dan il-fenomenu ekonomiku fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ilaħħqu mal-pajjiżi żviluppati jaħbi differenzi importanti li jikkonċernaw ir-rapidità tal-konverġenza bejn il-pajjiżi, għad-detriment tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti. Minn dan il-lat, il-kummerċ mhuwiex ugwali bejn l-aktar pajjiżi foqra u l-pajjiżi l-oħra. Għalkemm kull pajjiż jibbenefika mill-kummerċ, ċerti speċjalizzazzjonijiet għandhom valur miżjud akbar minn oħrajn u b’mod ġenerali l-ispeċjalizzazzjonijiet l-anqas li jrendu (relattivament) għadhom fl-aktar pajjiżi foqra. Dawn il-pajjiżi huma “priġunieri” tal-isfruttament ta’ għadd ta’ riżorsi estrattivi u riżorsi agrikoli tropikali li jipprovdilhom vantaġġ assolut fil-kummerċ, però d-dħul minnhom għandu t-tendenza li jonqos maż-żmien, meta mqabbel mad-dħul mill-attivitajiet industrijali u mis-servizzi.

    2.3   Iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-materja prima tal-minerali u fil-prodotti agrikoli b’mod partikolari minħabba ż-żieda fid-domanda tal-pajjiżi emerġenti tidher li hija opportunità tajba għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jesportaw dawn il-prodotti. Madankollu, hemm riskju li din iż-żieda taqfilhom fl-ispeċjalizzazzjoni tal-prodotti primarji u b’hekk ikunu esposti għas-“saħta tal-materji primi” (reżiljenza dgħajfa għax-xokkijiet, instabbiltà tad-dħul mill-esportazzjoni u tal-baġits pubbliċi, tendenza li jiġu stabbiliti renti u li jiġu ffinanzjati l-kunflitti armati) u għall-fenomenu tas-sovravalutazzjoni tar-rati tal-kambju u l-ħtif tal-artijiet. Id-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet hija meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli ta’ ekonomija. Madankollu, hemm ir-riskju li s-swieq isaħħu d-dipendenza storika tal-ekonomiji li qed jiżviluppaw minn dawn il-prodotti.

    2.4   Il-fenomenu ta’ “rkupru” ekonomiku huwa akkumpanjat ukoll minn żieda fl-inugwaljanzi fil-pajjiżi. L-Istat għandu jiżgura t-tqassim ġust tal-qligħ mil-liberalizzazzjoni kummerċjali fl-ekonomija u fit-territorji kollha tiegħu b’mod ġenerali. Il-qligħ mill-kummerċ u t-tkabbir ma jinqasamx mill-ewwel mal-atturi kollha tal-ekonomija u b’mod partikolari ma’ dawk l-aktar vulnerabbli. Għalhekk huwa importanti li jitfasslu strateġiji ta’ żvilupp sui generis li jinkludu politiki interni u kummerċjali bil-għan li jkun hemm tkabbir kondiviż. B’bażi fiskali limitata u kapaċitajiet baġitarji aktar dgħajfa, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw hawnhekk jiffaċċjaw żvantaġġ ieħor.

    2.5   Hekk kif il-ġeografija u l-kompożizzjoni tal-kummerċ qed jevolvu, il-politiki industrijali u kummerċjali qed jevolvu wkoll. F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ internazzjonali nbidlet minħabba l-erożjoni tal-preferenzi kummerċjali u tal-multiplikazzjoni tal-ftehimiet reġjonali u bilaterali. Fid-dokument ta’ ħidma tagħha, il-Kummissjoni tinnota marġinalizzazzjoni persistenti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-kummerċ dinji. L-approċċ proattiv stabbilit mill-Komunikazzjoni tal-2002 bil-għan li jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta’ Doha għall-Iżvilupp ma kienx biżżejjed biex l-anqas pajjiżi żviluppati jiġu integrati aktar fil-kummerċ dinji – kważi l-kummerċ kollu jsir “mingħajrhom”.

    2.6   Il-kompetizzjoni m’għadhiex fil-fruntieri iżda fil-pajjiżi stess. B’mod ġenerali, apparti xi linji tariffarji, l-ostakli għall-kummerċ qed isiru dejjem aktar ostakli nontariffarji bħall-istandards, il-kodiċi, is-sussidji u r-regolamentazzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-emerġenża taċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil (BRICs) turi mhux daqstant il-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni kummerċjali iżda l-benefiċċji ta’ strateġiji ta’ żvilupp ċari u pjanati, adatti u awtonomi, li jirrikonċiljaw il-politiki pubbliċi volontaristiċi u l-istimoli tas-swieq. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ strateġija għall-iżvilupp u l-kapaċità li tiġi influwenzata l-globalizzazzjoni jikkostitwixxu t-tielet inugwaljanza li jkollhom jiffaċċjaw il-pajjiżi l-anqas żviluppati.

    2.7   L-inugwaljanzi tad-dħul mill-ispeċjalizzazzjoni kummerċjali, l-inugwaljanzi fil-kapaċitajiet ta’ finanzjament ta’ tkabbir ekoloġiku u inklużiv, u fl-aħħar l-inugwaljanzi fil-kapaċitajiet politiċi għat-tfassil, l-ipprogrammar u t-tmexxija ta’ strateġija ta’ żvilupp huma t-tliet inugwaljanzi li jolqtu lill-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-kummerċ “modern”. Dawn l-inugwaljanzi huma interkonnessi u x’aktarx joktru jekk ma titteħidx azzjoni kollettiva adatta li tinkludi politiki kummerċjali, politiki tal-investiment u politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif previst fit-Tmien Għan ta’ Żvilupp tal-Millenju.

    3.   Il-bżonn ta’ viżjoni strateġika Ewropea f’dinja li qed tinbidel, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020

    3.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp tikkonferma l-prinċipji ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-2002 iżda tenfasizza l-bżonn li ssir distinzjoni bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex nikkonċentraw fuq dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tistabbilixxi sitt prijoritajiet għal dawn l-għaxar snin: preferenzi kummerċjali aktar immirati, għajnuna għall-kummerċ aktar effettiva, il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-investiment dirett barrani, negozjar flessibbli – skont id-dħul tal-pajjiżi – ta’ ftehimiet kompluti ta’ kummerċ ħieles, il-promozzjoni tal-governanza tajba (inkluż l-iżvilupp sostenibbli), u fl-aħħar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-aktar pajjiżi vulnerabbli għax-xokkijiet esterni u interni.

    3.2   Il-KESE jappoġġja tali prijoritajiet li jirriflettu l-kontinwità iżda jenfasizza l-fatt li dawn il-prijoritajiet jindirizzaw b’mod parzjali biss it-tliet sfidi ewlenin attwali tal-iżvilupp. Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp hija mibnija fuq materjal utli ħafna li nġabar matul il-konsultazzjoni pubblika eċċellenti dwar is-suġġett li saret fl-2011 u għandha tintlaqa’ tajjeb bħala l-frott ta’ kollaborazzjoni effikaċi bejn id-Direttorati Ġenerali. Hija komplementari għall-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-affarijiet dinjija li għadha s-sinsla tar-rabta bejn il-kummerċ u l-Istrateġija Ewropa 2020. Apparti l-avvanzi ta’ din il-Komunikazzjoni speċifika bħaż-żieda fid-divrenzjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u interess dejjem akbar għall-operaturi privati, il-Komunikazzjoni dwar ir-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp m’għandhiex viżjoni prospettiva mġedda.

    3.3   Kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni u l-istudju li sar qabilha, l-integrazzjoni fis-suq dinji mhijiex għan fiha nnifisha u lanqas mhi kundizzjoni suffiċjenti għall-iżvilupp. Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-aċċess għas-suq mhumiex strateġija tal-iżvilupp: huma biss element minnha. Il-miżuri interni għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, is-soluzzjoni tal-falliment tas-suq u l-protezzjoni tal-ambjent ekonomiku u uman huma elementi indispensabbli għall-istrateġiji ta’ żvilupp u prerekwiżiti għall-ksib ta’ vantaġġi mill-kummerċ, b’mod partikolari fil-qasam agrikolu.

    3.4   Mingħajr viżjoni kondiviża tal-iżvilupp, l-inizjattivi politiċi ta’ aċċess privileġġat għas-swieq barranin, bħas-SPĠ u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) implimentati mill-Unjoni Ewropea ma setgħux iwasslu għall-qabża mistennija fit-tkabbir. L-aktar ħaġa inkwetanti mhijiex il-benefiċċji ekonomiċi limitati ta’ dawn l-inizjattivi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda r-rieda politika dgħajfa fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati minn tali inizjattivi. L-iskala eżatta tal-qligħ mistenni mit-tnaqqis tal-ostakli tariffarji u nontariffarji għandha tiġi ddikjarata b’mod aktar ċar mill-Unjoni, kemm għaliha kif ukoll għall-pajjiżi msieħba tagħha. Fl-aħħar, l-Unjoni għandha turi l-koerenza tal-politika esterna tagħha fir-rigward tal-pajjiżi AKP, politika li tipprivileġġa d-dimensjoni reġjonali fir-rigward tal-kummerċ (EPA) (3), peress li l-politiki ta’ żvilupp u ta’ tkabbir jibqgħu nazzjonali fir-reġjuni kkonċernati.

    3.5   Is-sitwazzjoni hija l-istess fil-livell multilaterali. Għall-kuntrarju ta’ dak li nistgħu nosservaw fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti, daħlu għall-isfida tan-negozjati, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti ftit li xejn huma involuti politikament fiċ-Ċiklu ta’ Doha. Il-prijoritajiet u l-bżonnijiet tal-pajjiżi li jirċievu għajnuna għall-kummerċ għadhom mhux stabbiliti tajjeb, minħabba nuqqas ta’ kapaċità u ta’ spazju politiku biżżejjed f’dawn il-pajjiżi għat-tfassil ta’ strateġiji ta’ żvilupp sostenibbli.

    3.6   Fid-difiża tal-Unjoni Ewropea, il-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp għadha bbażata fuq l-ispirtu ta’ ftehim bejn l-istati nazzjonali sovrani. Madankollu, fil-prattika, din id-diplomazija sseħħ ma’ pajjiżi dgħajfa u b’kapaċitajiet limitati. Għaldaqstant illum il-ġurnata l-kummerċ jitwarrab fl-istrateġiji tal-iżvilupp u fil-programmazzjoni tal-għajnuna. It-tfassil ta’ viżjoni mġedda tal-iżvilupp għandu jsir prijorità għall-Unjoni kif ukoll għall-imsieħba tagħha, u l-kapaċitajiet tagħhom għandhom jissaħħu għal dan il-għan. L-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali hija essenzjali biex il-kummerċ isir wieħed mill-fatturi ta’ żvilupp. Fil-perjodu qasir, il-prammatiżmu, l-ippruvar sakemm jintlaħaq l-aħjar riżultat (trial and error) u l-esperimentazzjoni għandhom jiggwidaw l-azzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-kummerċ għall-iżvilupp u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ din il-viżjoni b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020.

    4.   Approċċ prammatiku tal-kummerċ u l-investiment għas-servizz ta’ viżjoni tal-iżvilupp

    4.1   Niżvluppaw il-kapaċitajiet u mekkaniżmi ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-kummerċ

    4.1.1

    In-natura empirika tar-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp tirrikjedi l-iżvilupp ta’ approċċ prammatiku tal-politiki kummerċjali f’perspettiva ta’ sperimentazzjoni u ta’ tagħlim. Jekk ftehim kummerċjali huwiex tajjeb għall-iżvilupp mhijiex xi ħaġa li tista’ tiġi determinata jew affermata minn qabel. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni li għamel f’opinjoni preċedenti li l-istudji tal-impatt dwar l-iżvilupp sostenibbli jagħmlu parti minn ċiklu usa’ ta’ valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-politiki kummerċjali, mill-ex ante sal-ex post, b’kont meħud tal-objettivi Ewropej tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    4.1.2

    Is-segwitu u l-valutazzjoni huma partikolarment meħtieġa fil-qasam tal-politiki ta’ appoġġ tal-ftehimiet kummerċjali bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni ta’ dawn il-politiki permezz ta’ reviżjonijiet suċċessivi. Huma meħtieġa wkoll għall-analiżi tad-dispożizzjonijiet dwar l-“iżvilupp sostenibbli”. Il-KESE jafferma mill-ġdid li dawn għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe ftehim kummerċjali tal-Unjoni. Il-KESE jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli jiġu integrati f’valutazzjoni globali tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles permezz ta’ proċeduri ta’ segwitu regolari u analiżi ex post ta’ dawn il-ftehimiet fi ħdan il-KESE. Barra minn hekk, il-KESE jixtieq li d-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli li qed jiġu negozjati bħalissa jinkludu impenn speċifiku ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-ftehim kollu dwar l-iżvilupp sostenibbli.

    4.1.3

    Il-valutazzjoni fuq bażi regolari tal-effikaċja u l-impatt tal-iffaċilitar tal-kummerċ u tal-modi differenti ta’ aċċess għas-suq proposti mill-UE lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (trattament speċjali u divrenzjat, FSE, SPĠ, eċċ.) għandhom iwasslu wkoll għall-konsolidazzjoni tal-elementi li llum il-ġurnata huma essenzjali għall-politiki tal-Unjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt, xjentifika u indipendenti, hija fil-qalba tar-reviżjoni tal-politiki dwar l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp. B’ammont totali ta’ aktar minn EUR 10 biljun fl-2010, l-għajnuna għall-kummerċ tkun aktar effikaċi u rilevanti permezz tat-tfassil ta’ indikaturi għall-valutazzjonijiet tal-effetti.

    4.1.4

    Apparti l-SPĠ, għadhom mhux qed jintużaw il-marġnijiet ta’ flessibbiltà li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. B’konformità mal-opinjoni preċedenti, il-KESE jappoġġja kwalunkwe inizjattiva tal-UE bil-għan li tħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jużaw il-mekkaniżmi relatati mas-sigurtà alimentari. Huwa partikolarment neċessarju li, f’oqfsa multilaterali, reġjonali u bilaterali, isir aktar faċli għalihom li jużaw strumenti kummerċjali disponibbli bħall-miżuri ta’ salvagwardja li jippermettulhom jaġixxu f’każ ta’ żieda kbira fl-importazzjonijiet li taf tipperikola l-produzzjoni lokali tal-prodotti tal-ikel (4) u li jkunu jistgħu jkejlu l-effetti tagħha.

    4.1.5

    Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni li ressaq f’Opinjoni preċedenti (5) li jingħataw riżorsi u appoġġ regolari lill-iżvilupp tat-trasparenza, is-segwitu u kredibbiltà ikbar tal-kummerċ ġust. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ il-valutazzjoni sistematika tal-impatti tal-kummerċ ġust mhux biss fuq il-benefiċjarji intiżi iżda wkoll fuq in-nonbenefiċjarji ta’ reġjuni produtturi għall-istess prodotti kkunsidrati.

    4.1.6

    B’konformità mal-programm ta’ ħidma 2010-2013 li jindirizza l-koerenza tal-politiki tal-iżvilupp, huwa indispensabbli li tiġi valutata l-koerenza tal-mekkaniżmi kummerċjali li jikkonċernaw lill-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-mediċina, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u x-xogħol deċenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni biex fl-istrateġija kummerċjali tagħha intiża lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinkludi b’mod aktar strett il-konklużjonijiet ta’ Ġunju 2012 tal-ILO dwar il-bażi ta’ protezzjoni soċjali.

    4.1.7

    Il-KESE jħeġġeġ l-estensjoni tas-segwitu u tal-valutazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment biex jinkludu l-ostakli li jistgħu jiltaqgħu magħhom xi pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    4.1.8

    Biex ikunu effettivi u jwasslu għal riforma tal-politiki kummerċjali favorevoli għall-iżvilupp, it-tagħlim u l-valutazzjoni għandhom jinvolvu b’mod mifrux lis-soċjetà ċivili, lil hinn mill-prattiki attwali, b’mod partikolari fi ħdan mekkaniżmi ta’ segwitu tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ sħubija ekonomika.

    4.2   Appoġġ għall-operaturi privati tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

    4.2.1

    Il-KESE jagħraf li l-Komunikazzjoni tenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdu l-operaturi privati – b’mod partikolari l-bdiewa ż-żgħar u l-intraprendituri ż-żgħar, li huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jenfasizza li jeħtieġ li tiġi promossa ġestjoni responsabbli tan-negozju, li jitħeġġu s-sħubijiet bejn is-settur privat u s-settur pubbliku u li jiġu rikonoxxuti l-forom differenti ta’ intraprenditorija bħall-kooperattivi, il-mutwalitajiet u forom oħra ta’ intrapriżi tal-ekonomija soċjali (6). Jagħraf li huwa importanti li jinħolqu klima sigura għall-investiment, liġijiet kummerċjali stabbli, u sistema fiskali ġusta, u li tiġi stabbilita sistema legali effikaċi u prevedibbli li tiggarantixxi s-sigurtà legali tal-investimenti nazzjonali u barranin. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-infrastrutturi u s-servizzi kummerċjali onlajn fi strateġija ta’ tisħiħ u ta’ diversifikazzjoni tal-offerta tal-esportazzjoni.

    4.2.2

    Il-KESE jappoġġja l-miżuri bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa ż-żgħar u tal-intraprendituri ż-żgħar għall-għajnuna għall-kummerċ biex ikunu jistgħu jibbenefikaw min-negozju u bil-għan li jiġu promossi l-politiki li jwasslu għat-trasferiment tas-settur informali għal attivitajiet reġistrati. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fil-konklużjonijiet tal-istudju konġunt tal-ILO u tad-WTO (7) li jgħid li l-impatt qawwi tal-impjieg informali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ifixkel lill-pajjiżi milli jibbenefikaw mill-ftuħ tal-kummerċ billi jaqfel lill-ħaddiema f’perjodu ta’ tranżizzjoni fin-nassa tal-faqar. L-azzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-appoġġ tax-xogħol fost in-nisa ser jikkontribwixxu għal dan it-trasferiment tas-settur informali lejn l-attivitajiet reġistrati. Il-prijorità mogħtija lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u lill-iżvilupp tal-infrastrutturi għandha tinżamm. Jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan is-sħubija tal-Euromed.

    4.2.3

    Il-vantaġġ komparattiv tal-UE fl-appoġġ għall-operaturi privati, irrispettivament mill-forma tal-intraprenditorija, għandu jissaħħaħ fir-rigward tal-vantaġġ li għandhom istituzzjonijiet oħra – nazzjonali kif ukoll multilaterali – bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ għajnuna għall-kummerċ tal-Unjoni, b’mod partikolari hekk kif jiżdied il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar. L-Unjoni għandha tiżgura riżorsi umani għad-delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi terzi li jkunu jistgħu jidħlu għall-isfidi u għandha tinvolvi aktar lil dawn id-delegazzjonijiet fil-kapitalizzazzjoni tal-esperjenzi fil-prattika.

    4.2.4

    L-organizzazzjonijiet professjonali attivi ħafna fis-settur privat jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta’ kooperazzjoni tal-pajjiżi msieħba. Il-konsultazzjoni aktar mill-qrib ta’ dawn il-pajjiżi, permezz tal-KESE, għandha tikkontribwixxi biex tqarreb l-offerta u d-domanda għall-kooperazzjoni. L-esperjenza tan-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u t-tfassil ta’ pjani strateġiċi għat-tnaqqis tal-faqar taħt il-patroċinju tal-Bank Dinji wasslu għat-tisħiħ u l-istrutturar tal-organizzazzjonijiet professjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    4.2.5

    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-idea li r-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi twassal għall-promozzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali fil-livell dinji fil-kummerċ u l-investimenti. Huwa minnu li l-intrapriżi kbar ta’ oriġni Ewropea qdew rwol pijunier biex jintroduċu standards soċjali, ambjentali u ta’ governanza tajba fil-kummerċ, b’mod partikolari permezz ta’ Ftehimiet Qafas Internazzjonali li jinkludu s-sottokuntratturi. Ir-rispett tal-prinċipji gwida tal-OECD għalhekk jikkostitiwixxi proposta tajba li tinkludi mekkaniżmu sabiex jitressqu l-ilmenti f’każ ta’ tilwim. Barra minn hekk, dawn il-prinċipji jirreferu għall-bżonn li tiġi ppubblikata informazzjoni soċjetali rilevanti, affidabbli u li tista’ tiġi verifikata kull sena, u li għandha tiġi ġeneralizzata.

    4.3   Inħejju r-riformi tal-governanza dinjija

    4.3.1

    L-offerta ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-kummerċ u l-iżvilupp għandha tiġi estiża u tinkludi lill-pajjiżi emerġenti, flimkien mal-pajjiżi tal-OECD, li storikament jipprovdu l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u l-aċċess privileġġat għas-swieq. L-aktar marġni ta’ flessibbiltà importanti llum jinsabu fil-pajjiżi emerġenti. B’mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tippromovi aktar aċċess effettiv – ħieles mit-taxxa tal-importazzjoni u l-kwoti – għall-prodotti li jiġu mill-pajjiżi l-anqas żviluppati f’fora multilaterali (b’mod partikolari fi ħdan il-G20) iżda wkoll fir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi emerġenti. It-tisħiħ mill-UE tal-kapaċità ta’ negozjar tal-pajjiżi l-anqas żviluppati ta’ ftehimiet kummerċjali Nofsinhar-Nofsinhar jista’ wkoll isir prijorità tal-Unjoni.

    4.3.2

    Il-KESE jinsisti li jittieħdu l-impenji kollha biex jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta’ Doha għall-iżvilupp, tal-anqas fil-forma ta’ ftehim bikri favorevoli għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u li jinkludi impenn qawwi mid-donaturi, irrispettivament jekk ikunux membri tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC). Il-KESE jtenni x-xewqa tiegħu li l-2015 – it-tmiem tal-perjodu għall-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju – tkun iddedikata għall-kooperazzjoni internazzjonali. Ir-riżultat tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju u l-perspettiva miftuħa tas-Summit Rio+20 dwar l-iżvilupp sostenibbli ser ikunu s-suġġett ta’ Opinjoni tal-Kumitat, fl-istess waqt li jsiru l-konsultazzjonijiet.

    4.3.3

    Fl-istess ħin, l-istrateġija tal-kummerċ u l-iżvilupp tal-UE ma tistax tkun limitata, minn naħa, għal aktar reċiproċità mal-pajjiżi emerġenti, u min-naħa l-oħra, għall-aċċess ħieles għad-drittijiet għall-prodotti mill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ pajjiżi, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti jew il-pajjiżi “tan-nofs” huma msieħba li magħhom l-UE tista’ tiżviluppa interessi reċiproċi. Jistgħu jkunu alleati serji fil-promozzjoni ta’ governanza mtejba, għan ewlieni tal-UE. Minħabba l-prijorità li tingħata lill-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonn għajnuna, f’din il-Komunikazzjoni hemm nuqqas ta’ strateġija espliċita li mhijiex limitata għal SPĠ aktar ristrettiva.

    4.3.4

    Id-divrenzjar aħjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi mmorru lil hinn mill-kriterju tad-dħul nazzjonali biss (bħalma jsir fil-każ tal-pajjiżi l-anqas żviluppati), huwa proġett promettenti li għadu għaddej biex jittejbu l-effikaċja tat-trattament speċjali u divrenzjat u l-għajnuna għall-kummerċ. Dan huwa suġġett li l-UE tista’ tressaq fid-diskussjoni dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għal wara l-2015 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp. It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn, COM(2012) 22 final.

    (2)  Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla, COM (2011) 637 final.

    (3)  Ara d-Dikjarazzjoni finali ta’ Santo Domingo li saret matul it-12-il seminar reġjonali tal-gruppi ta’ interess ekonomiku u soċjali tal-AKP-UE, fil-5 u s-6 ta’ Lulju 2012, http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-acp-eu-twelfth-regional-seminar-fd.24031 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (4)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Kummerċ, tkabbir u affarijiet dinjija – Il-politika tal-kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020, COM(2010) 612 final, ĠU C 043, 15.2.2012.

    (5)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: Ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ, COM(2009) 215 final, ĠU C 339, 14.12.2010.

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ekonomija soċjali fl-Amerika Latina, ĠU C 143, 22.5.2012.

    (7)  Globalization and Informal jobs in Developing Countries (Il-globalizzazzjoni u impjiegi informali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) (mhux disponibbli bil-Malti), studju konġunt WTO/ILO, 2009.


    Top