EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0382

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Pakkett dwar it-testijiet tal-affidabbiltà stradali li fih it-tliet dokumenti li ġejjin: il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jħassar id-Direttiva 2009/40/KE” COM(2012) 380 final – 2012/0184 (COD), “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi” COM(2012) 381 final – 2012/0185 (COD) u “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ispezzjoni teknika waqt it-traġittt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE” COM(2012) 382 final – 2012/0186 (COD)

ĠU C 44, 15.2.2013, p. 128–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/128


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Pakkett dwar it-testijiet tal-affidabbiltà stradali li fih it-tliet dokumenti li ġejjin: il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jħassar id-Direttiva 2009/40/KE”

COM(2012) 380 final – 2012/0184 (COD),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi”

COM(2012) 381 final – 2012/0185 (COD)

u “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ispezzjoni teknika waqt it-traġittt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE”

COM(2012) 382 final – 2012/0186 (COD)

2013/C 44/23

Relatur: is-Sur RANOCCHIARI

Nhar is-7 u l-10 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru 2012, u nhar il-11 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Pakkett dwar it-testijiet tal-affidabbiltà stradali li fih it-tliet dokumenti li ġejjin: il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jħassar id-Direttiva 2009/40/KE

COM(2012) 380 final — 2012/0184 (COD)

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi

COM(2012) 381 final — 2012/0185 (COD)

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ispezzjoni teknika waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE

COM(2012) 382 final — 2012/0186 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Novembru 2012

Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni u jappoġġjahom– għalkemm bir-riservi msemmijin aktar ’l isfel fl-Opinjoni – għal mill-anqas tliet raġunijiet:

it-tnaqqis fl-inċidenti u l-konsegwenzi spiss traġiċi tagħhom għandu jsir dejjem aktar rilevanti, anke fid-dawl tal-fatt li hija mistennija żieda fit-traffiku fis-snin li ġejjin;

biex jintlaħaq l-objettiv tat-tnaqqis fl-inċidenti jinħtieġ sforz organiku u sinkronizzat li jmur lil hinn mill-kompetenzi individwali tal-Istati Membri individwali;

tinħtieġ uniformità akbar fir-regoli u t-testijiet sabiex is-sigurtà fit-toroq, li hija aspett fundamentali tal-ħajja soċjali, ma tkunx mhedda minn metodi u skedi mhux uniformi u, li f’ċerti każijiet, ma jaqblux ħafna bejniethom;

1.2

Il-KESE jinnota, iżda, li minkejja l-intenzjonijiet li tiġi segwita uniformità fil-qasam tal-previżjoni, il-metodu adottat mill-Kummissjoni fl-abbozzar tal-pakkett – metodu li juża kemm dispożizzjonijiet regolatorji kif ukoll liġijiet mhux vinkolanti – jagħti awtonomija konsiderevoli lill-Istati Membri. B’hekk, l-armonizzazzjoni sħiħa tal-kontrolli – li permezz tagħha t-testijiet u ċ-ċertifikati ta’ konformità maħruġin fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri jiġu rikonoxxuti awtomatikament fl-Istati Membri l-oħrajn kollha – ser tkun diffiċli u tieħu iżjed fit-tul.

1.3

Barra minn hekk, fil-fehma tal-KESE, il-proċess tal-armonizzazzjoni mniedi hekk għandu jwassal b’mod naturali għall-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew ta’ konformità li jissostitwixxi liċ-ċertifikati nazzjonali attwaliu għandu jippermetti t-twettiq tat-testijiet perjodiċi fi kwalunkwe Stat Membru mingħajr l-obbligu li l-vettura trid tittieħed lura fl-Istat Membru fejn hija rreġistrata.

1.4

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kemm iż-żieda fit-tagħmir tekniku u teknoloġiku li huwa suġġett għat-testijiet, kif ukoll l-elenkar tat-testijiet li għandhom jsiru. Għandhom jiġu appoġġjati wkoll it-testijiet tat-tagħmir li sa issa kienu esklużivament fil-kompetenza tal-manifatturi, bħas-sistema tal-brejkijiet antilokk (ABS – anti-block braking system)) u l-kontroll tal-istabbiltà elettronika (ESC – electronic stability control). Minbarra dan, huwa tajjeb li l-vetturi jiġu wkoll klassifikati skont iż-żmien u l-kilometraġġ li għandhom. Dawn l-aspetti huma partikolarment importanti għall-manutenzjoni u l-livell tas-sigurtà tal-vetturi.

1.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-proposta li l-vetturi għat-trasport tal-merkanzija hekk imsejħa ħfief (LCV – light commercial vehicles, piż massimu sa 3,5 tunnellati) isirilhom test waqt it-traġittt. Jinnota wkoll li hemm numru sostanzjali minn dawn it-tipi ta’ vetturi fiċ-ċirkolazzjoni. Il-previżjoni li mill-anqas 5 % minn dawn jiġu ttestjati kull sena sinċerament tidher waħda ambizzjuża ferm.

1.6

Il-KESE jitlob, għalhekk, li jsir stħarriġ fl-Istati Membri individwali bil-għan li jinġabar tagħrif dwar iċ-ċentri mobbli tal-ittestjar. B’hekk, l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreparaw għat-tibdil neċessarju fi żmien adegwat.

1.7

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-muturi wkoll għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta’ żieda fl-ittestjar tal-vetturi. Isostni, iżda, li l-frekwenza ta’ dawn it-testijiet (4 + 2 + 1) hija eċċessiva għal dawn il-vetturi li l-kilometraġġ annwali tagħhom huwa baxx ħafna. Għalhekk, il-KESE jipproponi li, għall-anqas fl-ewwel fażi, din il-frekwenza titnaqqas (4 + 2 + 2).

2.   Daħla

2.1

It-testijiet tal-affidabbiltà stradali tal-vetturi bil-mutur huma essenzjali biex titħares is-sigurtà fit-toroq. Fl-Ewropa aktar minn ħames persuni kuljum jitilfu ħajjithom f’inċidenti kkawżati minn difetti tekniċi fil-vetturi. Huwa stmat li dawn id-difetti huma l-kaġun, jew huma waħda mill-kaġuni, ta’ 6 % tal-inċidenti li jinvolvu karozzi u 8 % tal-inċidenti li jinvolvu muturi.

2.2

Il-leġislazzjoni Ewropea f’dan il-qasam ilha mill-1977 u fl-aħħar għaxar snin sarulha biss tibdiliet żgħar meta wieħed iqis li t-traffiku fit-toroq ittriplika u li kien hemm evoluzzjoni kbira fit-teknoloġija tal-vetturi.

2.3

Analiżi komparattiva li saret mill-Kummissjoni Ewropea tas-sistemi li qed jintużaw fl-Istati Membri għall-ispezzjoni perjodika tal-vetturi wriet numru ta’ nuqqasijiet. Skont studji reċenti li saru fl-Ingilterra u l-Ġermanja, minħabba dawn in-nuqqasijiet hawn madwar 10 % tal-vetturi fiċ-ċirkolazzjoni li għandhom difetti tekniċi li ma jgħaddux minn testijiet aktar adegwati u moderni.

2.4

Dawn u studji oħrajn urew illi:

attwalment mhux qed jiġi ttestjat it-tagħmir l-aktar importanti kollu tal-vetturi, pereżempju l-ABS u l-ESC;

id-definizzjoni u l-valutazzjoni tad-difetti mhumiex aġġornati u armonizzati fl-Unjoni Ewropea kollha;

it-tagħmir użat għat-testijiet mhuwiex dejjem adegwat, u ma hemmx dispożizzjonijiet preċiżi dwar dan li jorbtu lill-UE kollha. Hekk ukoll l-ispetturi inkarigati mit-testijiet tekniċi għandu jkollhom livell ta’ għarfien u ħiliet li jirriflettu l-evoluzzjoni teknoloġika, biex b’hekk madwar l-UE kollha tiġi garantita kwalità uniformi fix-xogħol tagħhom;

hemm xi kategoriji ta’ vetturi li mhumiex suġġetti għall-ispezzjonijiet perjodiċi tekniċi (PTI – periodical technical inspections). Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-muturi f’mhux inqas minn ħdax-il Stat Membru;

it-testijiet mhumiex spissi biżżejjed, b’mod partikolari għall-vetturi kummerċjali, iżda wkoll b’mod ġenerali għall-vetturi li jkollhom livell għoli ta’ kilometraġġ u għal dawk l-aktar antiki;

ma ssirx superviżjoni adegwata mill-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tal-ittestjar;

id-data u l-informazzjoni neċessarji għat-testijiet tat-tagħmir elettroniku tal-vettura mhumiex dejjem disponibbli għall-ispetturi, bħalma r-riżultati tat-testijiet mhumiex disponibbli għall-awtoritajiet tal-pulizija.

2.5

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jaqbel mal-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jappoġġjaha. It-tkabbir u l-aġġornament tal-kamp tal-applikazzjoni tat-testijiet tekniċi jistgħu jgħinu biex sal-2020 jintlaħaq l-objettiv li jonqsu b’50 % l-inċidenti fatali fit-toroq. Hekk ukoll jistgħu jgħinu biex jonqos l-impatt tat-traffiku stradali fuq l-ambjent – permezz ta’ spezzjonijiet aħjar u iżjed spissi tal-emissjonijiet – b’mod partikolari fir-rigward tas-CO2.

3.   Il-pakkett tal-proposti tal-Kummissjoni

Fih tliet proposti leġislattivi:

Regolament (COM(2012) 380 final) dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jħassar id-Direttiva 2009/40/KE;

Regolament ieħor (COM(2012) 382 final) dwar l-ispezzjoni teknika waqt it-traġitt tal-affidabilità ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE;

Direttiva (COM(2012) 381 final) li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi.

3.1   Punti ġodda fil-Proposta għal Regolament dwar it-testijiet perjodiċi tal-affidabilità stradali (PTI – spezzjonijiet perjodiċi tekniċi) COM(2012) 380 final

3.1.1

Il-kamp ta’ applikazzjoni Ser jiġu inklużi wkoll il-muturi b’żewġ roti jew aktar madwar l-UE kollha. It-tratturi agrikoli li jilħqu veloċità ’l fuq minn 40 km fis-siegħa (Kategorija T5) u t-trejlers ħfief ta’ anqas minn 3,5 tunnellati mhumiex ser jibqgħu eżentati. O1 u O2).

3.1.2

Id-dati u l-frekwenza tat-testijiet. Għall-karozzi (Kat. M1) (Il-vetturi tal-kategorija M huma dawk b’mill-anqas 4 roti, huma adatti għat-trasport tal-passiġġieri, u jinqasmu fi 3 klassijiet ibbażati fuq in-numru tal-postijiet u l-piż massimu li jistgħu jieħdu: M1 9 postijiet, M2 > 9 postijiet u < 5 T, M3 > 9 postijiet u > 5 T. Il-vettur i tal-kategorija N huma dawk b’mill-anqas 4 roti, adatti għat-trasport tal-merkanzija. Dawn ukoll għandhom tliet klassijiet u huma bbażati fuq il-piż: N1 < 3.5 T; N2 < 12 T; N3 > 12 T. Il-kategorija O tirreferi għall-vetturi bit-trejlers u t-T għat-trakters bir-roti.) l-ewwel PTI ssir erba’ snin wara r-reġistrazzjoni, it-tieni wara sentejn oħra, u mbagħad darba fis-sena. Il-karozzi u l-vetturi kummerċjali ħfief (N1) li fid-data tal-ewwel test ikunu għamlu ’l fuq minn 160 000 km għandhom jiġu suġġetti għal testijiet annwali (4-1-1 minflok 4-2-1) u dan jgħodd ukoll għall-muturi. L-Istati Membri jistgħu jwettqu t-testijiet b’mod aktar spiss jekk diġà jipprovdu għal dan. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar kull meta għandhom isiru t-testijiet fuq il-vetturi ta’ interess storiku, inklużi l-muturi, u dawk kollha li mhumiex soġġetti għar-regolament il-ġdid.

Għall-vetturi M2, M3, N2, N3, O3, O4 u T5, iżda, l-ewwel test għandu jsiru sena wara r-reġistrazzjoni. L-istess jgħodd għall-M1 li huma rreġistrati bħala taksis jew ambulanzi.

3.1.3

Il-kontenut tat-testijiet, il-valutazzjoni tan-nuqqasijiet u s-sanzjonijiet relatati. Il-komponenti għas-sigurtà (ABS u ESC) u l-ambjent (is-sistema għall-ittestjar tal-emissjonijiet) huma mehmuża mal-lista tat-testijiet li għandhom isiru.

Id-difetti li jinstabu waqt it-testijiet ser jiġu kklassifikati – abbażi tal-parametri komuni indikati fl-Anness III tal-Proposta – bħala ħfief (l-ebda riskju għas-sigurtà), gravi (fl-istadju li tista’ tiġi kompromessa s-sigurtà tal-vettura u tal-utenti l-oħra tat-triq) u perikolużi (riskju gravi u immedjat li jirrikjedi t-twaqqif mill-użu tal-vettura). Id-difetti ħfief għandhom jissewwew mingħajr l-obbligu li jiġi ripetut it-test. Fil-każ tad-difetti gravi, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-vettura sakemm jissewwa d-difett u jiġi previst test ieħor fi żmien sitt ġimgħat. Fil-każ ta’ nuqqasijiet perikolużi, ir-reġistrazzjoni tal-vettura tiġi revokata sakemm jissewwew id-difetti u jinħareġ ċertifikat ġdid ta’ konformità.

3.1.4

L-istallazzjonijiet u t-tagħmir tat-testijiet. Iċ-ċentri tal-ittestjar għandhom sa ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament biex jadattaw is-sistemi u t-tagħmir tagħhom għar-rekwiżiti minimi li jeżiġi dan ir-Regolament.

3.1.5

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Wara tliet snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, iċ-ċentri tal-ittestjar għandhom jibagħtu, b’mezzi elettroniċi biss, ir-riżultati tal-interventi tagħhom jew iċ-ċertifikati ta’ konformità lill-awtorità kompetenti tal-Istat tagħhom. Kull Stat għandu jiddentifika punt ta’ kuntatt nazzjonali li jkun responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni mal-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. Iċ-ċertifikazzjoni li vettura għaddiet minn xi test fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tkun rikonoxxuta ukoll fl-Istati Membri l-oħrajn.

3.2   Punti ġodda fil-Proposta għal Regolament dwar l-ispezzjoni teknika waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali COM(2012) 382 final

3.2.1

Din il-proposta għandha l-għan li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fis-seħħ, u li jiżdiedu l-interventi fl-impriżi li huma ta’ riskju għoli filwaqt li jitnaqqsu għal dawk l-operaturi li jżommu l-vetturi tagħhom kif suppost. Id-definizzjoni tal-klassifikazzjoni tar-riskju (Anness I tal-Proposta) ser issir abbażi tar-riżultati tat-testijiet tekniċi preċedenti li jkunu saru fiċ-ċentri awtorizzati u waqt it-traġitt, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-difetti nnotati.

3.2.2

Attwalment, it-testijiet waqt it-traġitt isiru biss fuq vetturi kummerċjali ta’ aktar minn 3,5 T. Il-proposta testendi dawn it-testijiet għall-vetturi kummerċjali ħfief (N1) u t-trejlers tagħhom (O1 u O2).

3.2.3

Darba fis-sena, kull Stat Membru għandu jagħmel spezzjonijiet stradali ta’ mill-anqas 5 % tal-vetturi rreġistrati fit-territorju tiegħu.

3.2.4

Kif imsemmi aktar ’il fuq, ser tkun stabbilita, fuq livell nazzjonali, il-klassifikazzjoni tar-riskju (baxx, medju u għoli) abbażi tat-testijiet preċedenti ta’ kull operatur. Din il-klassifikazzjoni tiġi kkomunikata lill-operatur ikkonċernat: hija ħaġa magħrufa sew li l-impriżi li għandhom riskju għoli ser ikollhom prijorità fl-ispezzjonijiet stradali.

3.2.5

It-testijiet isiru b’mod gradwali. Fit-test inizjali l-ispettur jara l-kundizzjoni tal-vettura u d-dokumentazzjoni tagħha, filwaqt li jekk hemm bżonn li jsir test aktar iddettaljat, dan iseħħ wara l-ewwel wieħed fiċ-ċentru mobbli tal-ittestjar jew inkella fiċ-ċentru tal-ittestjar l-aktar viċin.

3.2.6

Punt ġdid ieħor jirrigwarda l-ispezzjoni tal-irbit tal-merkanzija (Anness IV), li skont il-Kummissjoni huwa l-kaġun ta’ wieħed minn kull erba’ inċidenti li jinvolvu l-vetturi kummerċjali.

3.2.7

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu r-riżultati tal-ispezzjonijiet stradali lill-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-vettura.

3.3   Il-punti ġodda fil-Proposta għal Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi COM(2012) 381 final li temenda d-Direttiva fis-seħħ 1997/37

3.3.1

Id-data dwar il-vetturi reġistrati tinżamm f’reġistri nazzjonali elettroniċi, li fihom ikunu mniżżlin ir-riżultati tat-testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali.

3.3.2

Id-data teknika li tkun ippermettiet l-approvazzjoni tal-vettura u li mhix imniżżla fid-dokument tar-reġistrazzjoni trid tkun disponibbli għall-ispettur għall-finijiet tat-testijiet tal-affidabbiltà stradali.

3.3.3

Mill-perspettiva tas-sigurtà stradali, għandhom jiġu definiti b’aktar preċiżjoni l-każijiet tar-revoka u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni, kif ukoll il-ħruġ mill-ġdid tar-reġistrazzjonijiet u d-distruzzjoni tal-vetturi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Spiss jiġri li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija jiġu penalizzati waqt spezzjonijiet waqt traġittti f’art barranija minħabba nuqqasijiet li ma jkunux soġġetti għal sanzjonijiet fil-pajjiż fejn huma rreġistrati. Għalhekk tidher ġusta d-direzzjoni li qed tieħu l-Kummissjoni b’dan il-pakkett ta’ proposti li huwa maħsub biex iqiegħed ukoll is-sisien għall-armonizzazzjoni tal-ispezzjonijiet f’livell Ewropew. Fid-dawl ta’ dan, il-proċess għandu jwassal, fit-tieni fażi, għal sitwazzjoni fejn l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu ċ-ċertifikati reċiproċi ta’ konformità, u l-ħolqien konsegwenti ta’ ċertifikat Ewropew li jista’ jissostitwixxi lil dak nazzjonali.

4.2

Fil-fatt, l-obbligu li l-vettura trid tittieħed lura fl-Istat Membru fejn hija rreġistrata biex jikseb iċ-ċertifikat jibqa’ wieħed ta’ piż kbir, kemm għall-karozzi kif ukoll għall-vetturi kummerċjali. Hekk kif l-Istati Membri jirrikonoxxu b’mod reċiproku ċ-ċertifikati ta’ konformità, it-testijiet ikunu jistgħu jsiru fi kwalunkwe Stat Membru.

4.3

B’mod aktar ġenerali, il-KESE jinnota li fl-abbozzar ta’ dan il-pakkett il-Kummissjoni tuża kemm miżuri regolamentari kif ukoll liġijiet mhux vinkolanti, u dan il-metodu jista’ jagħti lok għal awtonomija konsiderevoli għall-Istati Membri. Din l-awtonomija trendi diffiċli u inqas veloċi l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni sħaħ tal-ispezzjonijiet li hemm bżonn sabiex it-testijiet u ċ-ċertifikati li jinħarġu fi kwalunkwe Stat Membru jkunu awtomatikament rikonoxxuti fl-oħrajn kollha.

4.4

Eżempju ieħor fejn ser jibqgħu xi differenzi sostanzjali huwa fil-previżjoni li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-ispezzjonijiet iżjed ta’ spiss (punt 3.1.2). Wieħed jifhem li l-Kummissjoni ma tixtieqx timponi tnaqqis fir-rata tal-ispezzjonijiet f’dawk il-pajjiżi li ilhom iwettqu spezzjonijiet iżjed spissi. Iżda jibqa’ l-fatt li jekk jiġu aċċettati sitwazzjonijiet diversi ħafna, ser tiġi mfixkla l-uniformità fir-regoli li għandha tkun il-fini ta’ dawn il-proposti: PTI li tkun ugwali fl-UE kollha.

4.5

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jistenna li, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħżlu rata ta’ frekwenza aktar spissa, għandhom jimpenjaw ruħhom li jirrikonoxxu l-validità tat-testijiet imwettqa fi kwalunkwe Stat ieħor li jżomm mar-rati tal-frekwenza u l-kontrolli minimi previsti mir-Regolament.

4.6

Dwar l-istess punt, il-KESE jistaqsi jekk hux il-waqt li jiġi previst li l-vetturi tal-kategorija L (mopeds, muturi, triċikli u kwadriċikli) jingħataw l-istess rata ta’ frekwenza prevista għall-karozzi.

4.6.1

Ikun xieraq li anke l-vetturi tal-kategorija L jiġu soġġetti għal reviżjonijiet perjodiċi, sabiex titneħħa l-anomalija li hemm f’ħafna mill-Istati Membri fejn it-testijiet għal din il-kategorija lanqas biss kienu previsti.

4.6.2

Madanakollu, għal dawn il-vetturi, li huma spiss irħas u uzati l-aktar fil-bliet, ir-reviżjoni għandha tkun sempliċi biex l-investiment fit-tagħmir speċifiku tal-ittestjar jinżamm baxx. Peress illi l-medja tal-kilometraġġ tagħhom fis-sena hija baxxa, il-frekwenza tat-testijiet għandha tkun ta’ 4.2.2. u mhux 4.2.1. Il-vetturi L fil-fatt jagħmlu bejn 2 800 u 5 300 kilometru fis-sena, imqabbla mal-15 000 kilometru li jagħmlu l-karozzi.

4.6.3

Il-frekwenza tista’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid fil-ġejjieni abbażi tad-data li tinġabar, fuq skala finalment Ewropea, mir-reviżjonijiet perjodiċi. Anke f’dan il-każ, l-Istati Membri huma fil-libertà li jibqgħu jwettqu testijiet oħrajn u jagħmluhom b’mod aktar spiss kif qed isir attwalment.

4.7

Fl-aħħarnett, il-KESE jixtieq li flimkien mal-istandardizzazzjoni u aktar kura tal-ittestjar, jitnieda pjan għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, abbażi tar-regolamenti l-ġodda. Dan ikun immirat b’mod speċjali lejn iż-żgħażagħ biex ikun hemm użu aktar responsabbli tal-vetturi bil-mutur, u b’mod partikolari biex jiġu evitati interventi tekniċi li jistgħu jbiddlu r-rekwiżiti tas-sigurtà, speċjalment fil-każ tal-muturi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprevedi l-iskema ta’ PTI anke għat-tratturi li għandhom veloċità ’l fuq minn 40 km fis-siegħa (T5) u jistaqsi għalfejn dawn il-vetturi ma jiġux soġġetti għal testijiet waqt it-traġittt.

5.2

L-Annessi tekniċi tal-Proposta dwar it-testijiet jipprevedu l-kundizzjonijiet minimi li jridu jirrispettaw iċ-ċentri tal-ittestjar, iżda mhux ċar kemm dawn il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għaċ-ċentri mobbli.

5.3

Jidher li l-għan li waqt it-traġittt jiġu ttestjati 5 % tal-vetturi li hemm fiċ-ċirkolazzjoni (punt 3.2.3) huwa ambizzjuż meta jitqies in-numru kbir ta’ vetturi kummerċjali ħfief (LCV) li hemm fiċ-ċirkolazzjoni li jridu jiżdiedu mal-vetturi tal-merkanzija medji u tqal li diġà qed jiġu ttestjati. Biżżejjed naraw li bejn l-2010 u l-2011 ġew irreġistrati aktar minn tliet miljun LCV, imqabbla mal-madwar 450 000 vettura tal-merkanzija medji u tqal fl-istess perjodu, u li l-LCV jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-vetturi kummerċjali fiċ-ċirkolazzjoni.

Għalhekk, il-KESE jsostni li għandha tinġabar data dwar in-numru attwali taċ-ċentri mobbli tal-ittestjar fl-UE sabiex l-Istati Membri jipprovdu għaż-żidiet li jkun hemm bżonn fi żmien adegwat.

Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top